Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Is-Sindku ta’ Cologne tirċievi l-Premju għall-eċċellenza u l-kuraġġ fil-promozzjoni tal-libertà, is-solidarjetà u l-ugwaljanza  

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, flimkien man-Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju (ICORN) u l-belt Pollakka ta’ Gdańsk, ippreżentaw il-Premju Sindku Paweł Adamowicz lil Henriette Reker, Sindku ta’ Cologne, għall-kuraġġ u l-ħidma tagħha biex tippromovi l-libertà, is-solidarjetà u l-ugwaljanza.

Il-Premju, ippreżentat għall-ewwel darba din is-sena, inħoloq biex ikompli l-legat tal-mejjet Paweł Adamowicz, li nqatel traġikament fl-2019. In-nomini kienu miftuħa għal kwalunkwe rappreżentant elett, uffiċjal u ċittadin ordinarju li, minkejja r-riskji, huma impenjati li jagħmlu d-demokrazija aktar miftuħa, effettiva u akkoljenti.

Il-ġurija tal-Premju tat l-unur lis-Sindku Reker għad-dedikazzjoni u l-ħidma straordinarja tagħha biex tippromovi t-tolleranza, l-inklużività u n-nondiskriminazzjoni ta’ ċittadini bi sfond ta’ migrazzjoni, tiġġieled kontra d-diskors ta’ mibegħda u l-ksenofobija, u tappoġġja l-integrazzjoni permezz ta’ firxa ta’ politiki u proġetti u permezz tal-pożizzjonijiet pubbliċi kuraġġużi u ċari li adottat. Fil-ħidma tagħha matul dawn l-aħħar 20 sena, bħala Viċi Sindku u mill-2015 bħala Sindku ta’ Cologne, hija ppromoviet id-diversità u s-solidarjetà bħala parti integrali mill-identità ta’ Cologne.

Is-Sindku Henriette Reker qalet: Ninsab onorata b’umiltà li naqla’ dan il-Premju li bih jitfakkar Paweł Adamowicz. Kien jemmen bis-sħiħ fl-istampa ħielsa, l-arti ħielsa u d-dritt ta’ kulħadd li jsemmgħu fehmithom b’mod miftuħ f’demokrazija. Ikkondividejna twemmin komuni u ġġilidna għalih. Grata li jien Sindku ta’ belt b’qalb u moħħ miftuħ li tilqa’ lir-refuġjati u lil dawk kollha li qegħdin ifittxu belt biex jgħixu fiha li tħobb l-għeruq multikulturali tagħha. Għalkemm xorta niffaċċjaw xi kwistjonijiet serji wkoll. Is-Sindki madwar id-dinja kollha qed jiffaċċjaw kwistjonijiet bħar-razziżmu u l-antisemitiżmu. Mod kif nistgħu nappoġġjaw il-komunitajiet diversi tagħna huwa li nistabbilixxu sinjali internazzjonali bħal dan, li jsaħħu l-għaqda u s-saħħa tagħna kontra kwalunkwe tendenza leminista. Il-vjolenza qatt ma kienet u qatt mhi se tkun soluzzjoni. Dejjem se tkun l-ewwel pass f’direzzjoni ħażina. Għal din ir-raġuni rridu niddefendu l-paċi, id-djalogu miftuħ u l-unità.”

Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Gvernatur tar-reġjun tal-Maċedonja Ċentrali, qal: “Il-Premju Adamowicz huwa tfakkira permanenti li l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-libertà, is-solidarjetà u n-nondiskriminazzjoni jibdew lokalment. Huwa hawnhekk, fejn aħna l-aktar esposti, fejn irridu nipproteġu l-Unjoni tagħna, il-prinċipji tagħha u l-valuri tagħha. Bħala l-ewwel rebbieħa ta’ dan il-Premju, is-Sindku Reker hija ċċelebrata għad-dedikazzjoni tagħha għall-ugwaljanza, is-solidarjetà u l-integrazzjoni u l-impenn tagħha biex tiddefendi l-valuri fundamentali komuni tagħna.”

Věra Jourová , Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u Kummissarju tal-UE għall-Valuri u t-Trasparenza, qalet:

“Ninsab kuntenta ħafna li dan il-Premju sar realtà. Ninsab partikolarment kuntenta li min qiegħed jirċevih, is-Sinjura Reker, Sindku ta’ Cologne, tinkorpora l-prinċipji tal-kuraġġ u l-eċċellenza fil-promozzjoni tal-libertà, is-solidarjetà u l-ugwaljanza. Hija magħrufa ħafna għall-impenn tagħha biex tippromovi l-inklużjoni, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni. Ma nistax naħseb f’rebbieħa aħjar ta’ din l-ewwel edizzjoni tal-Premju.”

Magdalena Adamowicz , Membru tal-Parlament Ewropew u armla ta’ Paweł Adamowicz, qalet: “Id-diversità mhijiex problema, iżda vantaġġ! Li ninqaflu fina nfusna ma jagħmilx ġid. Huwa biss billi niltaqgħu ma’ kultura oħra, billi niltaqgħu mad-differenza, li narrikkixxu ruħna” – dawn huma kliem Paweł. Ejjew inħarsu lejn l-istorja ta’ dawk il-bliet, ir-reġjuni u l-pajjiżi li kisbu suċċess. Il-karatteristika komuni tagħhom hija r-rispett għad-diversità, il-ftuħ u t-tolleranza, ir-rispett għal kull bniedem, għaliex huma l-mutur wara l-ekonomija, il-kultura, ix-xjenza u r-rikkezza kulinari. Gdańsk hija bla dubju waħda minn dawn il-bliet. Jekk ma rridux nitilfu d-demokrazija, ma nistgħux nirrinunzjaw għall-valuri demokratiċi tagħna mingħajr ġlieda. Jeħtieġ li niġġieldu għalihom u nerġgħu niksbu t-tifsira vera tagħhom. Paweł fehem dan, u kien għalhekk li tant appoġġja l-edukazzjoni ċivika. Għalhekk qed nispera ħafna li l-edizzjonijiet li jmiss tal-Premju Paweł Adamowicz jgħinna niżviluppaw l-edukazzjoni ċivika fil-bliet u r-reġjuni tagħna. Għal darb’oħra, nifraħlek, Sindku Henriette Reker, u ejjew ilkoll niftakru u nuru permezz tal-ħidma tagħna ta’ kuljum li mingħajr kooperazzjoni ma hemm l-ebda żvilupp soċjali jew ekonomiku, ma hemm l-ebda prosperità u ma hemm l-ebda kooperazzjoni mingħajr fiduċja u rispett lejn xulxin. Għal kull bniedem. Hekk kien jgħix Paweł, u attitudnijiet bħal dawn jgħinu biex jippromovu l-premju tiegħu.”

Is-Sindku ta’ Gdańsk u rappreżentanta tan-Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju (ICORN), Aleksandra Dulkiewicz , qalet: “Nemmen li Paweł Adamowicz tassew ikun jixtieq li l-emozzjonijiet maħluqa mill-mewt tiegħu jinbidlu f’azzjoni konsistenti u li ssir kuljum. Azzjoni li hija ta’ ġid għall-ġar tiegħek. Azzjonijiet żgħar: ġest, tbissima, kelma tajba, li, jekk jiġu ripetuti elf darba, il-miżien ixeqleb lejn in-naħa t-tajba. Naħseb li dan huwa l-aħjar u l-akbar monument li se nkunu nistgħu nibnu għas-Sindku Paweł Adamowicz. Henriette Reker, is-Sindku ta’ Cologne, rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-Premju Paweł Adamowicz, bil-konsistenza tagħha li tagħmel tajjeb għar-residenti ta’ Cologne, bil-kuraġġ tagħha li topponi l-intolleranza, il-mibegħda u l-ksenofobija, hija persuna bħal din li tidentifika l-valuri li għalihom is-Sindku ta’ Gdańsk ta ħajtu.”

Il-President Franċiż Emmanuel Macron, f’diskors fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni f’Diċembru, faħħar il-ħolqien tal-Premju għad-difiża tal-valuri li fuqhom twaqqfet l-Unjoni Ewropea. Il-President Macron enfasizza li r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, huma essenzjali u dawn jiffurmaw ħaġa waħda inseparabbli. Dawn kienu valuri li għalihom Paweł Adamowicz għex u sfortunatament miet, qal il-President Macron.

Sfond:

  • Fl-2015, is-Sindku Reker salvat minn attakk b’sikkina mmotivat mill-impenn tagħha li tgħin lill-komunitajiet migranti u l-integrazzjoni tagħhom. Dan l-att ta’ vjolenza ma skoraġġihiex milli tkompli tiddefendi l-istess valuri fil-ħajja pubblika tagħha u fil-politiki u l-proġetti li ppromoviet.

  • F’Cologne jgħixu 1 089 984 persuna, li minnhom 426 646 persuna għandhom sfond ta’ migrazzjoni, inklużi 212 191 ċittadin barranin minn 184 nazzjon. Il-belt ta’ Cologne tospita madwar 6 000 refuġjat. Hemm 130 komunità reliġjuża differenti f’Cologne, li 26 minnhom huma rrappreżentati fil-Kunsill tar-Reliġjonijiet, assoċjazzjoni volontarja li taħdem biex tippromovi d-djalogu interreliġjuż.

  • Paweł Adamowicz ġarrab daqqiet b’sikkina fit-13 ta’ Jannar 2019 waqt li kien qed jitkellem f’avveniment ta’ karità. Huwa miet l-għada kaġun tal-feriti li sofra. Kellu 53 sena. Il-qtil tiegħu kien preċedut minn żieda fid-diskors ta’ mibegħda fil-konfront tiegħu. Mewtu qajmet dibattitu dwar il-kontribut tad-deġenerazzjoni tad-diskors pubbliku għall-vjolenza, l-estremiżmu, il-propaganda u l-intolleranza. L-aħħar kelmiet tiegħu, li qalhom eżattament qabel ġie attakkat, kienu: Gdańsk hija ġeneruża, Gdańsk tikkondividi t-tajjeb tagħha, Gdańsk trid tkun belt tas-solidarjetà. Dan huwa żmien sabiħ biex nikkondividu l-ġid. Intom maħbubin. Gdańsk hija l-aktar belt meraviljuża fid-dinja. Grazzi!”

  • Is-Sur Adamowicz kien impenjat li jippromovi l-valuri fundamentali tal-UE, u kien membru attiv tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Fl-2016, is-Sindku Adamowicz nieda l-“Mudell għall-Integrazzjoni tal-Immigranti” ta’ Gdańsk, wara li ltaqa’ mal-Papa Franġisku. Serva bħala mudell li ispira bliet Pollakki oħra.

  • Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, bħala l-assemblea politika tal-politiċi lokali u reġjonali fl-UE u fuq l-inizjattiva tad-delegazzjoni Pollakka, adotta unanimament riżoluzzjoni fis-7 ta’ Frar 2019 li tikkundanna d-diskors ta’ mibegħda u t-theddid ta’ kull tip kontra l-mexxejja politiċi.

  • In- Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju (ICORN) huwa organizzazzjoni internazzjonali ta’ 75 belt u reġjun fl-Ewropa u lil hinn minnha, u joffri kenn lil kittieba u artisti ppersegwitati, jippromovi l-libertà tal-espressjoni, jiddefendi l-valuri demokratiċi u jippromovi s-solidarjetà internazzjonali. Aktar minn 250 kittieb u artist ġew offruti residenza f’belt tal-ICORN. F’ambjent sikur, huma jkomplu jaqdu rwol vitali, kemm biex jenfasizzaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż fejn jgħixu, kif ukoll biex jappoġġjaw lill-kollegi fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Fuq inizjattiva tas-Sindku Paweł Adamowicz, il-Belt ta’ Gdańsk ingħaqdet mal-ICORN fit-30 ta’ Awwissu 2017.

Il-Premju “Sindku Paweł Adamowicz” – sit web : #AdamowiczAward

Ir-regoli u r-regolamenti tal-premju, il-kriterji tal-eliġibbiltà, il-kriterji tal-għażla

Sit web b’informazzjoni dwar Paweł Adamowicz u l-anniversarju tal-qtil tiegħu

Is-Sindku ta’ Cologne, rebbieħa tal-ewwel Premju Sindku Paweł Adamowicz

Persuni ta' kuntatt:

Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Wioletta Wojewodzka

Tel. +32 (0)2 282 2289

Mowbajl: +32 (0)473 843 986

wioletta.wojewodzka@cor.europa.eu

Belt ta’ Gdańsk

Maciej Buczkowski

Tel.: + 48 58 323 62 84

maciej.buczkowski@gdansk.gda.pl

Network Internazzjonali tal-Bliet ta’ Rifuġju

Helge Lunde

Tel.: + 47 99582488

helge@icorn.org

Ikkondividi :