Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Intlaħaq ftehim dwar il-miri lokali għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima  

Il-mexxejja lokali jitolbu li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali sabiex jiġu inklużi d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali u l-politika tal-UE dwar prodotti kimiċi. Ir-relatur Andrew Cooper jipproponi wkoll li tiġi inkluża azzjoni dwar it-tibdil fil-klima u ppropona l-kunċett il-ġdid tal-Kontributi Determinati fil-livell Lokali bħala mod biex l-awtoritajiet lokali u rġjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-obbligi fil-qafas tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Il-liġi ambjentali hija waħda mill-oqsma fejn il-bliet u r-reġjuni għandhom iżjed kompetenzi u jikkontribwixxu b’mod iżjed attiv biex isawru l-implimentazzjoni tagħha fl-Ewropa. Il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, immexxija mir-relatur Andrew Cooper (UK/AE), adottaw opinjoni dwar kif tista’ tiġi implimentata aħjar il-liġi ambjentali fl-Ewropa.

L-opinjoni tiġbed l-attenzjoni għal sensiela ta’ nuqqasijiet rigward l-implimentazzjoni tal-acquis ambjentali. Fosthom insibu koordinazzjoni ineffettiva bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali; in-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva; finanzjament insuffiċjenti; u nuqqasijiet fil-mekkaniżmi għall-assigurazzjoni tal-konformità.

Il-membri għamlu sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet bħall-ħolqien ta’ djalogu strutturat li jinvolvi kull Stat Membru flimkien mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Il-KtR juissuġġerixxi li jissaħħu n-netwerks IMPEL u jiġu estiżi għal-lvell nazzjonali. IMPEL huwa n-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali.

Il-KtR iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa metodoloġija komuni għad-djalogi nazzjonali dwar l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) u tipprovdi linji gwida sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali matul il-proċess kollu.

Il-bliet u r-reġjuni tal-UE jitolbu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali japplikaw miżuri rapidi ta’ infurzar u jadottaw sanzjonijiet proporzjonati u dissważivi għal ksur tal-liġi ambjentali tal-UE. Il-KtR jitlob lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-istabbiliment ta’ Rieżamijiet tal-Implimentazzjoni Ambjentali fil-livell Lokali u Reġjonali li jikkorrespondu għar-rieżamijiet nazzjonali. Il-KtR iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jindirizzaw il-korruzzjoni u jiżguraw il-funzjonament kif imiss tas-sistemi ġudizzjarji.

L-assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni tħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea titratta t-tibdil fil-klima fis-sensiela li jmiss tal-EIR u tinkludi kemm il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima kif ukoll il-miżuri ta’ adattament. Il-fokus inizjali tal-EIR huwa l-ġestjoni tal-iskart, il-protezzjoni tan-natura u tal-bijodiversità, il-kwalità tal-arja, it-tniġġis akustiku u l-kwalità u l-ġestjoni tal-ilma.

Ir-relatur Andrew Cooper (UK/AE) qali li: “jeħtieġ li t-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 li kisbu l-gvernijiet lokali jitkejjel, jiġi vvalutat u jitħeġġeġ. Jeħtieġ li tiġi stabbilita sistema ta’ Kontributi Determinati fil-livell Lokali apparti l-Kontributi Determinati fil-livell Nazzjonali bħala għajnuna biex jitnaqqas id-distakk fl-emissjonijiet.”

Il-Kunsillier ta’ Kirklees jgħid li: “il-Kontributi Determinati fil-livell Lokali ser jgħinu biex jillimitaw iż-żieda ta’ 1.5 grad fit-temperatura globali; dan jagħmilha possibbli li niffissaw miri ogħla, iżda fl-istess ħin li jkunu jistgħu jintlaħqu.” L-inizjattiva ta’ Andrew Cooper ta’ Kontributi Determinati fil-livell Lokali għandha l-appoġġ tal-opinjoni adottata ta’ Marco Dus (IT/PSE) dwar il-finanzjament tal-klima.

Il-KtR jitlob li l-Kummissjoni Ewropea taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-Patt tas-Sindki tal-UE, il-Patt tas-Sindki Globali għall-Klima u l-Enerġija u l-ICLEI biex tiżviluppa l-kunċett u l-metodoloġiji biex jiġu introdotti l-Kontributi Determinati fil-livell Lokali u Reġjonali,għall-miri relatati mat-tibdil fil-klima li ntlaħaq ftehim dwarhom fil-qafas tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima tal-COP21. L-awtoritajiet lokali u reġjonali inizjalment jiġu involuti fuq bażi volontarja ta’ “prova tal-kunċett”.

Noti lill-edituri

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KtR dwar l-implimentazzjoni aħjar tal-liġi ambjentali fl-UE jibnu fuq ir-rapport ta’ valutazzjoni tal-pakkett EIR (Frar 2017) dwar l-implimentazzjoni tal-politiki u liġijiet ambjentali tal-UE. Dan jinkludi 28 rapport tal-pajjizi u huwa disponibbli hawnhekk.

Għal sommarju dettaljat tar-riżultati tal-oqsma ta’ politika differenti ara: Briefing mill-EPRS (Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew): Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali, Marzu 2017. Maħruġ fuq it-talba tal-KtR fil-qafas tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-KtR.

Biex jappoġġja l-Opinjoni, il-KtR ikkummissjona studju dwar “Governanza ambjentali effettiva f’diversi livelli għal implimentazzjoni aħjar tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE”, previst li jitlesta sa nofs Settembru 2017.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea qed jikkooperaw mill-qrib permezz tal-Pjattaforma Teknika Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-qasam tal-Ambjent. L-opinjoni adottata tgħid li l-EIR huwa opportunità biex il-bliet u r-reġjuni jrawmu kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew. Il-valur miżjud tagħha huwa li jlaqqa’ flimkien l-interessi tal-koleġislatur u l-esperjenzi ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni. Il-gvernijiet lokali tal-UE jixtiequ jħeġġu laqgħat konġunti bejn il-Kummissjoni ENVE tal-KtR u l-Kumitat ENVE tal-PE.

Kuntatt:

David Crous

+32 (0) 470 88 10 37

@david.crous@cor.europa.eu

Ikkondividi: