Is-sistema l-ġdida, li ssegwi l-mudell applikat għall-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-ikel, tgħin fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u tipproteġi l-impjiegi u l-prodotti li huma parti mill-wirt kulturali tal-Ewropa
Sistema ġdida mifruxa mal-UE kollha għall-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Industrijali u tal-Artiġjanat, mibnija fuq il-mudell ta’ suċċess użat għall-prodotti agrikoli u l-ikel, tkun ta’ benefiċċju kemm għall-artiġjani kif ukoll għall-ekonomiji lokali. Is-sistema l-ġdida ssaħħaħ il-protezzjoni legali tal-prodotti ta’ eċċellenza, tgħin fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u toħloq u żżomm l-impjiegi. Il-proposta hija inkluża f’Opinjoni mfassla minn Martine Pinville, membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Nouvelle-Aquitaine, adottata [b’unanimità] nhar l-Erbgħa 13 ta’ Ottubru mill-plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR).
Il-kristall tal-Bohemia mir-Repubblika Ċeka, il-pożati Solingen mill-Ġermanja, il-porċellana Limoges minn Franza, il-ħġieġ Murano mill-Italja, iċ-ċeramika minn Puente del Arzobispo u Talavera fi Spanja jew it-tweed tad-Donegal mill-Irlanda huma biss ftit eżempji ta’ prodotti Ewropej li mhumiex biss emblemi ta’ tradizzjonijiet ta’ artiġjanat ta’ sekli sħaħ, iżda huma parti minn legat tal-wirt kulturali Ewropew li huwa magħruf sew u apprezzat fl-UE u lil hinn minnha. Id-diversità rikka ta’ artiġjanat Ewropew tidher fil-bliet, fil-provinċji u fir-reġjuni tagħha, fiċ-ċentri tal-produzzjoni lokali bbażati fuq l-għarfien li spiss ingħadda minn ġenerazzjoni għal oħra.
Fl- Opinjoni tiegħu, adottata [b’unanimità] fil-plenarja tiegħu, il-KtR jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal il-qafas legali biex tipproteġi l-prodotti artiġjanali u industrijali tal-Ewropa. Skont il-mexxejja lokali u reġjonali, in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell Ewropew dwar il-kwistjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Industrijali u tal-Artiġjanat jirriżulta f’diversità ta’ strumenti legali nazzjonali, u b’hekk idgħajjef il-protezzjoni tal-prodotti u tal-intrapriżi.
Ir-relatur Martine Pinville (FR/PSE), membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Nouvelle-Aquitaine , qalet: “ Matul dawn l-aħħar xhur, irnexxieli niskambja fehmiet ma’ rappreżentanti tal-SMEs, assoċjazzjonijiet u awtoritajiet pubbliċi mill-Ewropa kollha, li kollha qablu dwar il-bżonn għal qafas Ewropew għal Indikazzjonijiet Ġeografiċi Industrijali u tal-Artiġjanat, bħalma huwa diġà l-każ għall-indikazzjonijiet ġeografiċi agrikoli. Il-protezzjoni tal-wirt tagħna, iż-żamma tal-valur miżjud u l-impjiegi fit-territorju huma kollha kwistjonijiet marbuta mal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Industrijali u tal-Artiġjanat għall-komunitajiet tagħna. Il-mobilizzazzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-Kummissjoni Ewropea tressaq malajr proposta konkreta u din tiġi adattata għar-realtà tat-territorji tagħna”.
Il-KtR jenfasizza l-aspetti ekonomiċi biex jiġu protetti l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Industrijali u tal-Artiġjanat għax dawn iżidu l-kompetittività tal-produtturi billi jsaħħu l-viżibbiltà tal-prodotti, itejbu r-reputazzjoni tagħhom, u jżidu r-rieda tal-konsumatur li jħallas għal prodotti li l-karatteristiċi u l-oriġini tagħhom huma garantiti. L-indikazzjonijiet Ġeografiċi jwieġbu għad-domanda tal-konsumaturi li qed tinbidel: in-nies iridu aktar traċċabbiltà u trasparenza dwar l-oriġini u l-proċess ta’ manifattura ta’ prodott, u qegħdin dejjem aktar ifittxu prodotti maħdumin lokalment. Din it-tendenza żdiedet iktar matul il-kriżi tal-COVID-19.
Barra minn hekk, il-membri tal-KtR jenfasizzaw li r-rabta bejn ir-reġjun ġeografiku u l-prodott hija fundamentali u aspett partikolari ta’ dan hija l-importanza ewlenija tal-fattur uman u tal-għarfien għall-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Industrijali u tal-Artiġjanat. F’xi territorji, il-materja prima spiċċat jew m’għadhiex adattata, iżda dan ma żammx lill-intrapriżi u l-għarfien espert milli jippersistu, jew saħansitra milli jiżviluppaw biex jipproduċu prodotti ta’ kwalità għolja.
Il-plenarja tal-KtR qed issir waqt id- 19-il Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet , koorganizzata mill-KtR u mill-Kummissjoni Ewropea, bejn il-11 u l-14 ta’ Ottubru.
Sfond:
Din hija f’sitt snin li l-KtR talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tfassal proposta għal regolament biex jiġu protetti l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Industrijali u tal-Artiġjanat fl-Unjoni Ewropea. L-ewwel Opinjoni intitolata L-estensjoni tal-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika għal prodotti mhux agrikoli , imfassla minn Maria Luisa Coppola (IT/PPE), ġiet adottata fi Frar 2015.
Fil- Pjan ta’ Azzjoni għall-Proprjetà Intellettwali adottat f’Novembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea mbagħad ħabbret li ser tistudja l-possibbiltà li tiġi introdotta skema għall-protezzjoni tal- indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE għall-prodotti mhux agrikoli (jiġifieri oġġetti artiġjanali u industrijali). B’riżultat ta’ dan tnediet konsultazzjoni pubblika biex jiġi vvalutat l-impatt tal-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali li tinħoloq sistema effiċjenti u trasparenti tal-UE għall-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika. Il-konsultazzjoni ntemmet f’Lulju 2021. L-għan kien li jinkiseb għarfien dettaljat dwar il-kwistjonijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-partijiet ikkonċernati rilevanti, fost l-oħrajn, dwar il-protezzjoni legali eżistenti ta’ prodotti awtentiċi mhux agrikoli b’għeruq ġeografiċi fis-suq intern; il-benefiċċji u r-riskji tal-azzjoni tal-UE; u l-għażliet ta’ politika disponibbli, inklużi l-kontroll u l-infurzar ta’ sistema futura ta’ protezzjoni tal-UE għal prodotti bħal dawn. Il- feedback riċevut mill- valutazzjoni tal-impatt tal-bidu kien ikkomplementat minn żewġ studji u ekonomiċi . Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta tagħha għal regolament sal-aħħar tas-sena.
Kuntatt:
Matteo Miglietta
Tel. +32 470 895 382
Matteo.Miglietta@cor.europa.eu
Ella Huber
Ella.Huber@cor.europa.eu