Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Mexxejja lokali jniedu inizjattiva għall-integrazzjoni tal-migranti u jiddibattu d-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE  
Il-Kummissarju tal-KE Avramopoulos, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE Koen Lenaerts, l-Ewwel Viċi President tal-KE Timmermans, jingħaqdu għal #CoRplenary

L-integrazzjoni tal-migranti u r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-UE fl-Istati Membri kollha se jkunu l-punt prinċipali ta’ żewġ dibattiti fil-plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) bejn l-10 u l-11 ta’ April. Dimitris Avramopoulos, Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza, ser jieħu sehem fit-tnedija tal-inizjattiva l-ġdida tal-KtR " Bliet u r-Reġjuni għall-Integrazzjoni " , filwaqt li Koen Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u Frans Timmermans, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, ser jiddiskutu t-theddid attwali għad-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-UE.

ARA L-#CoRplenary DIRETTA Id-Dokumenti tal-Plenarja huma disponibbli hawnhekk

10 ta’ April, 13:00 "Foyer Pawel Adamowicz": Ċerimonja tal-inawgurazzjoni

Qabel il-plenarja se ssir ċerimonja li tonora lil Paweł Adamowicz , Sindku ta’ Gdańsk u membru tal-KtR mill-201, li nqatel f’Jannar ta’ din is-sena. Spazju fil-bini ewlieni tal-Kumitat se jingħata isem ġdid biex ifakkar ħajtu u ħidmietu. Il-familja tas-Sur Adamowicz u s-suċċessur tiegħu bħala sindku, Aleksandra Dulkiewicz, se jingħaqdu mal-President Karl-Heinz Lambertz, għaċ-ċerimonja. Is-Sur Adamowicz kien Sindku ta’ Gdańsk mill-1998 u membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni mill-2011 sa mewtu.

10 ta’ April, 15:00: Tnedija tal-inizjattiva “Il-bliet u r-reġjuni għall-integrazzjoni tal-migranti” #Regions4Integration

Sa mill-2015, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni pprovda sett sħiħ ta’ rakkomandazzjonijiet fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Il-Kumitat issa jixtieq jiffoka aktar attenzjoni fuq aspett partikolari tal-migrazzjoni li fih l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kritiċi – l-integrazzjoni – u jipprovdi pjattaforma għar-reġjuni, il-bliet u l-komunitajiet iżgħar biex jaqsmu l-esperjenzi u l-istejjer pożittivi tagħhom.

Il-Kummissarju Avramopoulos se jkun il-kelliem ewlieni fit-tnedija tal-inizjattiva. Se jingħaqdu miegħu: Valeria Mancinelli , Sindku ta’ Ancona u rebbieħa tal-Premju Dinji tas-Sindki 2018; u Annika Tännström , mexxejja tar-reġjun ta’ Västra Götaland fl-Iżvezja.

10 ta’ April, 17:00: Dibattitu dwar il-baġit futur tal-UE

Filwaqt li l-mexxejja tal-UE-27 jiltaqgħu biex jiddiskutu l-aħħar żviluppi dwar il-Brexit, il-membri tal-KtR ser jieħdu kont tan-negozjati dwar il-baġit tal-UE għall-2021-27 u l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-Brexit ma’ Jean Arthuis , President tal-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew.

11 ta’ April, 10:30: Id-Drittijiet Fundamentali u l-Valuri tal-UE

Koen Lenaerts , il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u Frans Timmermans , l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, ser jitkellmu dwar it-tħassib u l-mistoqsijiet ewlenin li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-UE u se jenfasizzaw kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali ta’ importanza partikolari għall-mexxejja lokali u reġjonali. Se jingħaqdu magħhom Michael O’Flaherty , Direttur tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, u rappreżentant tal-organizzazzjoni Ewropea ewlenija dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill tal-Ewropa – Domenica Ghidei Biidu , Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza tal-Kunsill tal-Ewropa.

Opinjonijiet oħra li se jiġu adottati matul is-sessjoni plenarja:

Is-Semestru Ewropew u l-Politika ta’ Koeżjoni: l-allinjament tar-riformi strutturali mal-investimenti fit-tul , relatur: Rob Jonkman (NL/KRE)

Progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti , relatur: Ossi Martikainen (FI/ALDE)

Informazzjoni prattika:

Post: Parlament Ewropew –Bini Paul Henri Spaak, Emiċiklu

Data: L-Erbgħa, 10 ta’ April, 3pm-6pm; il-Ħamis, 11 ta’ April, 9am-1pm.

Materjal ta’ sfond: L- aġenda tal-plenarja, id- dokumenti & l- programm tal-midja

Il-plenarja se tixxandar diretta fuq is-sit web tal-KtR.

Kuntatt: PresseCdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :