Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-mexxejja lokali jniedu inizjattiva biex juru l-integrazzjoni tal-migranti fir-reġjuni u l-bliet tal-UE  
Il-Kummissarju tal-UE, Avramopoulos, jappoġġja l-inizjattiva “Il-bliet u r-reġjuni għall-Integrazzjoni” immexxija mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u erba’ assoċjazzjonijiet Ewropej tal-bliet u r-reġjuni

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni flimkien ma’ AER, CEMR, CPMR u Eurocities taw l-appoġġ tagħhom lir-reġjuni u l-muniċipalitajiet li qed jilqgħu u jintegraw il-wasliet ġodda fil-komunitajiet tagħhom. L-inizjattiva kienet appoġġjata minn Dimitris Avramopoulos, il-Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza.

L-inizjattiva Il-bliet u r-reġjuni għall-integrazzjoni tal-migranti – jew #Regions4Integration – tikkomplementa firxa ta’ netwerks u proġetti eżistenti minn assoċjazzjonijiet tal-gvernijiet lokali u reġjonali fl-Ewropa. Bħala l-assemblea politika tal-UE tal-gvernijiet lokali u reġjonali, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ifittex li jibni koalizzjoni flimkien ma’ erba’ assoċjazzjonijiet ewlenin Ewropej ta’ bliet u reġjuni – l-Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER), il-Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi Marittimi (CPMR), il-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej (CEMR), u Eurocities – sabiex jikkontribwixxi għat-tiswir tal-aġenda tal-UE dwar il-migrazzjoni biex ikun żgurat li l-perspettiva lokali u reġjonali titqies aħjar fil-ġejjieni.

Karl-Heinz Lambertz , il-President tal-KtR qal: "Bosta reġjuni u bliet ilhom ħafna jilqgħu u jintegraw b’suċċess lil min jasal ġdid fil-komunitajiet tagħhom. Huma jafu l-valur miżjud li jġibu magħhom il-migranti u l-ispiża tan-nuqqas ta’ integrazzjoni. Din l-inizjattiva se tippromovi l-isforzi li jsiru fil-livell lokali biex jiġu integrati l-migranti u r-rifuġjati fl-Ewropa kollha. Neħtieġu approċċ Ewropew komuni li jinvesti fil-ħolqien ta’ komunitajiet koeżivi u mhux diviżivi. Wasal iż-żmien li ntemmu l-allarmiżmu li nfirex fin-narrattiva politika matul dawn l-aħħar snin”.

L-inizjattiva, qal il- Kummissarju Avramopoulos , tikkumplimenta sentejn ta’ sforzi mill-Kummissjoni Ewropea biex tibni “djalogu solidu minn żewġ naħat mal-bliet u l-awtoritajiet lokali dwar l-integrazzjoni”. Huwa argumenta li: “Jekk xi ħadd jistaqsini x’jidhirli li hija waħda mill-prijoritajiet għall-Ewropa fid-deċennji li ġejjin, mela nsemmi l-inklużjoni b’suċċess tal-migranti fis-soċjetajiet tagħna. Bejn l-2015 u l-2017, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni kofinanzja 4,800 miżura li jgħinu l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi madwar l-UE kollha. Nafu li l-aċċess għall-fondi tal-UE jista’ jkun ta’ sfida għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, b’mod partikolari dawk żgħar. Huwa għalhekk li assigurajna li l-finanzjament għall-integrazzjoni jkun aktar aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali għall-2021-2027 – u għala żidnieh b’mod ġenerali”.

Id-deċiżjoni li titnieda l-inizjattiva f’dan il-punt – qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-għażla tal-Kummissarji Ewropej il-ġodda u ta’ President ġdid tal-Kunsill Ewropew din is-sena – turi t-twemmin tiegħu li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE għandhom jikkunsidraw li jipprovdu aktar appoġġ politiku, tekniku u finanzjarju fir-rigward tal-ħidma tal-integrazzjoni fil-komunitajiet lokali. L-inizjattiva se:

1. Tipprovdi pjattaforma politika għall-bliet u r-reġjuni biex dawn ikunu jistgħu jiżviluppaw u jressqu proposti għall-politiki u l-finanzjament tal-UE għall-integrazzjoni tal-migranti;

2. Taqsam prattiki tajbin ta’ integrazzjoni lokali tal-migranti f’oqsma bħall-aċċess għas-suq tax-xogħol, it-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni, l-appoġġ ta’ minorenni mhux akkumpanjati, u l-ħidma fi sħubijiet mas-soċjetà ċivili, eċċ.

3. Tippromovi t-tagħlim bejn il-pari , b’mod speċjali billi tgħaqqad il-bliet b’aktar esperjenza tal-integrazzjoni ma’ dawk li bdew jilqgħu l-migranti aktar reċentement. L-inizjattiva tagħti attenzjoni partikolari lill-bliet żgħar u ta’ daqs medju u amministrazzjonijiet rurali, li huma lesti li jintegraw lill-migranti iżda li għandhom nuqqas ta’ esperjenza u għodod;

4. Taqsam informazzjoni dwar il-finanzjament Ewropew għall-appoġġ tal-integrazzjoni (AMIF u AMF futur, FSE+ u fondi oħrajn għall-iżvilupp reġjonali inklużi miri għall-integrazzjoni tal-migranti);

5. Tiżviluppa narrattiva pożittiva billi tikkondividi soluzzjonijiet u eżempji pożittivi għall-politiki ta’ integrazzjoni bħala mezz biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni.

Rappreżentanti mill-assoċjazzjonijiet Ewropej – li kollha kemm huma se jikkontribwixxu b’mod attiv għall-inizjattiva – li tkellmu fit-tnedija kienu jinkludu: Magnus Berntsson , President tal- Assemblea tar-Reġjuni Ewropej u Viċi President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Västra Götaland; Rui Bettencourt , Segretarju Reġjonali tal-Presidenza għar-Relazzjonijiet Esterni tal-Gvern tal-Azores, li rrappreżenta l- Konferenza tar-Reġjuni Marittimi Periferiċi ; Pietro Puccio , Sindku ta’ Capaci, li rrappreżenta l- Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej ; u Mathias De Clercq, sindku ta’ Ghent, li rrappreżenta Eurocities.

Sa mill-2015, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ressaq rakkomandazzjonijiet dwar firxa ta’ proposti legali ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea, bħala parti mill- Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tiegħu. Huwa enfasizza li l-integrazzjoni hija qasam ta’ politika li fih ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet huma ta’ importanza kritika u li politiki kkoordinati tajjeb jistgħu jiżguraw li l-integrazzjoni tkun suċċess għall-immigranti stess, għall-komunità lokali, u għall-ekonomija lokali.

L-inizjattiva hija miftuħa għall-politiċi lokali u reġjonali kollha li jistgħu jikkondividu l-istejjer permezz ta’ #Regions4Integration.

Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq is- sit web tal-KtR jew permezz tal- posta elettronika .

Kuntatt:

Andrew Gardner

Tel. +32 473 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi: