Iċ-ċaqliq aċċellerat lejn kanali ta’ distribuzzjoni diġitali, il-bidla fid-drawwiet tal-konsumaturi u t-tnaqqis fl-introjtu mir-reklamar jipperikolaw il-mudell ekonomiku u l-indipendenza tal-midja lokali. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jilqa’ l- Pjan ta’ Azzjoni propost mill-Kummissjoni Ewropea iżda jenfasizza l-importanza li titqies is-sitwazzjoni finanzjarja partikolarment allarmanti tal-midja lokali u reġjonali. F’sistema politika f’diversi livelli bħad-demokrazija Ewropea, mezzi iżgħar tal-midja li jisimgħu direttament it-tħassib taċ-ċittadini huma kruċjali biex jiġu żgurati l-kontroll demokratiku u l-leġittimità. Dan turih l-Opinjoni abbozzata mir-relatur Jan Trei (EE/PPE), Membru tal-Kunsill Muniċipali Rurali ta’ Viimsi, li ġiet ippreżentata fis-sessjoni plenarja tal-KtR f’Mejju.
Pedament ta’ demokrazija tajba u sostenibbli, il-pajsaġġi medjatiċi pluralistiċi jipprovdu liċ-ċittadini b’informazzjoni affidabbli u pjattaformi għal dibattitu politiku miftuħ. Iżda l-pressjonijiet kummerċjali u bażi teknoloġika li qed tinbidel malajr jheddu d-diversità u l-indipendenza tal-midja fl-Ewropa.
B’referenza għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-membri tal-KtR għalhekk appellaw għal aktar assistenza finanzjarja u laqgħu l-pjan tal-Kummissjoni li tissemplifika l-appoġġ għas-setturi tal-midja awdjoviżiva u tal-aħbarijiet taħt il-fergħa transsettorjali tal-programm Ewropa Kreattiva 2021-2027. Huma enfasizzaw li l-appoġġ finanzjarju għandu jiġi pprovdut b’mod li jirrispetta u jippromovi l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja.
Ir-relatur tal-KtR Jan Trei (EE/PPE), Membru tal-Kunsill tal-Muniċipalità Rurali ta’ Viimsi, qal “ Il-kriżi tal-COVID-19 tenfasizza b’mod ċar ħafna l-ħtieġa għal midja b’saħħitha bħala istituzzjoni li tinforma lis-soċjetà b’mod bilanċjat u bbażat fuq il-fatti biex tippermetti dibattitu miftuħ. Fl-istess ħin, ir-riċessjoni ekonomika kkawżata mill-kriżi xekklet il-kapaċità tal-midja li tassumi r-responsabbiltajiet tagħha. Sabiex jinżammu standards tal-istampa ta’ kwalità għolja fil-livelli kollha, huma meħtieġa miżuri ta’ appoġġ – b’mod partikolari biex tiġi żgurata s-sopravivenza tal-kumpaniji tal-midja lokali u reġjonali. Għandha tingħata attenzjoni kritika lis-sitwazzjoni tal-pajjiżi ż-żgħar, fejn, minħabba d-daqs żgħir tas-suq, ir-riżorsi għall-midja lokali u reġjonali li jeżistu huma limitati. ”
L-Opinjoni tas-Sur Trei tirrimarka li kwalunkwe leġiżlazzjoni futura u miżuri ta’ appoġġ għandhom iqisu b’mod divrenzjat is-sitwazzjoni ekonomika distinta tal-midja lokali u reġjonali. Filwaqt li l-intrapriżi l-kbar nazzjonali u Ewropej tal-midja attwalment jinsabu f’kompetizzjoni esterna mill-ġjanti Amerikani tat-teknoloġija u tal-ekonomija tal-pjattaforma – problema li għandha tiġi indirizzata mill-implimentazzjoni tal-pakkett il-ġdid dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali –, l-isfidi għall-gazzetti u r-radji lokali u reġjonali iżgħar huma differenti ħafna: marbutin ma’ udjenzi limitati ġeografikament, il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir spiss ikun limitat. Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ “deżerti tal-aħbarijiet” f’żoni skarsament popolati, il-midja tas-servizz pubbliku reġjonali għandha twessa’ l-kopertura reġjonali tagħha u tibqa’ aċċessibbli għall-udjenzi permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ kanali ta’ komunikazzjoni, qalu l-membri.
“ In-nuqqas ta’ qafas legali, regolatorju u ta’ politika suffiċjenti fl-ekosistema diġitali xekkel tranżizzjoni b’suċċess għas-settur tal-midja anke qabel it-tifqigħa tal-COVID-19. Il-midja lokali u reġjonali jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment ħażina. Neħtieġu strateġija komprensiva sabiex is-settur tal-midja Ewropew jerġa’ jsir ekonomikament vijabbli. Jeħtieġ li ngħinu lill-istabbilimenti tal-midja Ewropej jirkupraw, wawt li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejniethom u parteċipanti ġodda fis-suq, u nappoġġjaw it-trasformazzjoni tagħhom ”, qalet Dace Melbārde (LV/KRE), Viċi President tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Parlament Ewropew, li ngħaqdet mad-dibattitu plenarju.
L-Opinjoni ser tiġi adottata uffiċjalment mill-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fis-7 ta’ Mejju permezz ta’ votazzjoni elettronika.
Persuna ta’ kuntatt:
Maximilian v. Klenze
Tel. +32 2 282 2044
Maximilian.vonKlenze@cor.europa.eu