Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-gvernijiet lokali jaqsmu l-esperjenzi tal-kriżi tal-Coronavirus  

Il-Kummissjoni NAT tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni bdiet il-mandat il-ġdid tagħha b’dibattitu dwar il-Coronavirus u l-impatt tiegħu fuq il-komunitajiet lokali mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Fil-laqgħa tal-5 ta’ Marzu, il-membri adottaw ukoll Opinjoni dwar il-forestrija u ddiskutew il-kura tas-saħħa transkonfinali, it-turiżmu sostenibbli u l-politika dwar l-ikel. L-iżvilupp rurali, il-Politika Agrikola Komuni (PAK), is-sajd, il-forestrija, il-produzzjoni tal-ikel u s-saħħa pubblika huma fost is-suġġetti ewlenin fuq l-aġenda tal-Kummissjoni għar-Riżorsi Naturali (NAT) għal din il-mandat il-ġdid. 

B’għadd dejjem jikber ta’ infezzjonijiet fost iċ-ċittadini Ewropej, inklużi dawk li ma kellhom l-ebda kuntatt mal-provinċja Ċiniża ta’ Wuhan, il-Coronavirus – COVID-19 – issa huwa ta’ tħassib kbir għall-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar l-Ewropa. Is-sindki, il-kunsilliera u l-presidenti reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-mard, bit-tħejjija ta’ miżuri ta’ kontinġenza, u qed jiffaċċjaw skarsezzi ta’ tagħmir essenzjali u biżgħat dejjem jiżdiedu fost il-popolazzjoni.

“Il-vajrus COVID-19 ħalla bosta nies mejta fl-Ewropa. Is-sitwazzjoni qed tevolvi malajr, b’avviżi u miżuri ġodda kuljum. Aħna, il-gvern lokali u reġjonali, irridu ngħinu, nipproteġu u nittrattaw liċ-ċittadini tagħna,” qalet Ulrika Landergren (SE/Renew Europe) , Membru tal-Kunsill Muniċipali Żvediż ta’ Kungsbacka u President tal-Kummissjoni NAT tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

Leen Meulenbergs , rappreżentanta tad-WHO tan-Nazzjonijiet Uniti fi ħdan l-Unjoni Ewropea, stqarret "Il-messaġġ tagħna għall-pajjiżi u r-reġjuni kollha huwa: nistgħu niġġieldu l-vajrus u r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali huwa li jedukaw lin-nies. Dan huwa vajrus b’impatt serju fuq is-saħħa pubblika, l-ekonomija u kwistjonijiet soċjali u politiċi. M’ hemmx approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd. Pajjiżi differenti, u reġjuni differenti fi ħdan l-istess pajjiż jinsabu f’xenarji differenti.”

“Epidemija ma tistax titwaqqaf. Minflok, nistgħu nrażżnu x-xejra tal-infezzjoni. Bis-sistema tas-saħħa tagħna ninsabu fuq quddiem fil-ġestjoni tal-emerġenza fir-reġjun tal-Veneto” saħaq Roberto Ciambetti (IT/KRE) , President tal-Kunsill Reġjonali tal-Veneto u l-Kap tad-Delegazzjoni Taljana fil-KtR li pparteċipa fid-dibattitu tan-NAT dwar il-Coronavirus f’intervent f’forma ta’ filmat irreġistrat minn Venezja.

Il-membri tal-Kummissjoni NAT adottaw ukoll Opinjoni abbozzata minn Roby Biwer (LU/PSE) , Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Bettembourg, il-Lussemburgu, intitolata “It-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE biex jiġu protetti u rrestawrati l-foresti tad-dinja” . Din l-Opinjoni tiddiskuti kif jistgħu jissaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali u l-ħidma ma’ pajjiżi msieħba biex tiġi promossa l-azzjoni kontra d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti, speċjalment li jirriżultaw mill-produzzjoni agrikola. Il-foresti għandhom rwol ewlieni fil-mitigazzjoni tal-kriżi klimatika minħabba l-kapaċità tagħhom li jassorbu l-gassijiet b’effett ta’ serra. It-tkabbir tal-popolazzjoni u d-domanda dejjem tikber għall-ikel qed iwasslu biex il-foresti jinbidlu f’art agrikola, u biex tingħata aktar attenzjoni lill-produttività agrikola. L-adozzjoni hija ppjanata fis-sessjoni plenarja tat-13 u l-14 ta’ Mejju 2020.

Roby Biwer stqarr: “Il-foresti huma l-pulmuni ħodor tal-pjaneta tagħna. Mhux se nilħqu l-miri tagħna dwar il-klima u l-bijodiversità mingħajr ma nżidu l-isforzi biex nipproteġu u nirrestawraw il-foresti tad-dinja. Nappellaw lill-Kummissjoni biex tkun aktar ambizzjuża. L-inkoraġġiment mhuwiex biżżejjed. Jeħtieġ li fl-UE niżguraw il-konsum ta’ prodotti minn katini ta’ provvista mingħajr deforestazzjoni li mhumiex fl-UE, billi parti konsiderevoli tal-foresti primarji jinsabu barra mill-UE. Il-prevenzjoni tat-telf tal-foresti jista’ jkollha diversi benefiċċji għan-nies u għall-ekosistemi inkluż il-konservazzjoni tal-bijodiversità, tnaqqis fl-emissjonijiet permezz tal-assorbiment tal-karbonju u l-provvista ta’ servizzi tal-ekosistemi li jistgħu jixprunaw it-tkabbir sostenibbli.”

Il-membri kellhom skambju ta’ fehmiet dwar l-Opinjonijiet li jmiss li ġejjin:

“Il-kura tas-saħħa transkonfinali” , ippreżentata minn Karsten Uno Petersen (DK/PSE) , Kunsillier Reġjonali, Reġjun tad-Danimarka tan-Nofsinhar. Madwar 150 miljun Ewropew jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera. Għal ħafna, l-eqreb sptar jew sempliċement professjonist mediku huwa fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera. It-tħassib ewlieni ta’ din l-Opinjoni huwa li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw servizzi tas-saħħa qrib darhom bl-aktar mod faċli, filwaqt li jiġu pprovduti salvagwardji għas-sistemi tas-saħħa reġjonali u nazzjonali. Din l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni ntalbet mill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans. L-adozzjoni hija ppjanata fis-sessjoni plenarja tat-1 u t-2 ta’ Lulju 2020. “Ir-reġjuni tal-fruntiera jikkostitwixxu 40 % tat-territorju tal-UE. Għaċ-ċittadini li jgħixu f’dawn iż-żoni, it-tfittxija ta’ trattament f’pajjiż ġar saret ta’ tħassib kbir. Jekk id-direttiva Ewropea eżistenti ppermettiet xi progress fil-kontinent tagħna, għandu jsir aktar biex tiġi żgurata ċertezza finanzjarja għaċ-ċittadini li jingħataw kura fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera, billi jiġu ssimplifikati l-proċeduri amministrattivi u billi jitjieb ir-rimborż effettiv għall-Ewropej”, enfasizza Karsten Uno Petersen.

“Lejn turiżmu aktar sostenibbli għall-bliet u r-reġjuni tal-UE” , abbozzata minn Manuel Alejandro Cardenete Flores (ES/Renew Europe) , Viċi Ministru għat-Turiżmu, ir-Riġenerazzjoni, il-Ġustizzja u l-Amministrazzjoni Lokali tal-Gvern Reġjonali tal-Andalusija. It-turiżmu jiġġenera l-impjiegi u l-ġid madwar l-Unjoni Ewropea. Madankollu, jista’ jkollu wkoll impatt negattiv fuq l-ambjent jew is-soċjetà, jekk ma jkunx ġestit kif suppost. Din l-Opinjoni tagħti ħarsa lejn il-kontribut pożittiv tal-attivitajiet tat-turiżmu: kemm ekonomiku kif ukoll soċjali, u tirrifletti dwar kif il-mexxejja politiċi jistgħu jindirizzaw l-isfidi u jmexxu ‘l quddiem l-aġenda ta’ modernizzazzjoni sostenibbli. L-adozzjoni hija ppjanata għas-sessjoni plenarja tal-KtR tat-12, it-13 u l-14 ta' Ottubru 2020.

“Mill-għalqa sal-platt – Id-dimensjoni lokali u reġjonali” , ippreżentata minn Guido Milana (IT/PSE) , Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Olevano Romano (Ruma). L-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal ikel sostenibbli hija parti prominenti mill-inizjattiva ewlenija dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-istrateġija se tkopri kull pass fil-katina alimentari, mill-produzzjoni sal-konsum. L-ikel Ewropew huwa magħruf li huwa sigur, nutrittiv u ta’ kwalità għolja. Il- Komunikazzjoni tal-KE dwar il-Patt Ekoloġiku ppubblikata f’Diċembru 2019 ikkonfermat li l-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” se tiġi ppubblikata għal tmiem Marzu 2020 .

Din l-Opinjoni tenfasizza kif l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jindirizzaw it-tibdil fil-klima, jipproteġu l-ambjent u jippreservaw il-bijodiversità filwaqt li jistimulaw il-konsum tal-ikel sostenibbli u jippromovu ikel tajjeb għas-saħħa bi prezz raġonevoli għal kulħadd. ​ Dan se jirrikjedi kooperazzjoni bejn ħafna atturi, istituzzjonali u lil hinn.

Ir-relatur fakkar li “L-inizjattiva “Mill-Għalqa sal-Platt” għandha l-potenzjal li tkun opportunità biex inbiddlu s-sistema tal-ikel tagħna fid-dawl tal-emerġenza klimatika globali. Politiki bħall-Politika Agrikola Komuni għandhom jinbidlu biex jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-bliet u r-reġjuni huma atturi ewlenin fit-tranżizzjoni tal-ikel u nappellaw għal strateġija ambizzjuża li tappoġġja ċ-ċentralità tal-produtturi u tal-ktajjen qosra tal-provvista, tinkoraġġixxi distribuzzjoni aħjar tal-ikel u tippromovi konsum responsabbli u kritiku.”

“L-ambizzjoni tagħna hija li l-Forum Ewropew dwar l-Ikel isir pjattaforma ta’ livell għoli għal dibattiti dwar il-politika tal-ikel. Illum ilkoll għandna bżonnha. Jeħtieġ li noħorġu mill-kompartimenti ta’ kumitati jew istituzzjonijiet parlamentari differenti u niddiskutu l-politika tal-ikel flimkien. Jeħtieġ li naħdmu flimkien dwar il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kwalità tal-ikel u l-protezzjoni ambjentali”, enfasizzat Róża Thun und Hohenstein, mill-Parlament Ewropew, membru fundatur tal-Forum Ewropew dwar l-Ikel. Fl-aħħar nett, l-MPE enfasizzat l-importanza tal-kooperazzjoni f’dan ir-rigward mal-KtR u stiednet lill-Kumitat jingħaqad mal-Forum bħala membru speċjali.

L-adozzjoni hija ppjanata fis-sessjoni plenarja tad-9 u l-10 ta’ Diċembru 2020.

Xandir dirett fuq l-internet

Dokumenti tal-laqgħa

Informazzjoni ta’ sfond dwar il-Coronavirus

Messaġġ dwar COVID-19 lill-parteċipanti kollha f’avvenimenti fil-KtR

Persuna ta’ kuntatt:

Wioletta Wojewodzka

Tel. +32 (0)2 282 2289

Mob: +32 (0)473 843 986

wioletta.wojewodzka@cor.europa.eu

Ikkondividi :