Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Stqarrija konġunta għall-istampa mill-Ministru-President ta’ Nordrhein-Westfalen, Armin Lachet, u mill-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas  

Il-Ministru-President ta’ Nordrhein-Westfalen, Armin Lachet, laqa’ lill-President elett il-ġdid tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas, fil-Kanċellerija tal-Istat f’Düsseldorf nhar it-Tlieta, 3 ta’ Marzu. Huma ddiskutew l-isfidi attwali Ewropej, inkluża s-sitwazzjoni serja fil-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija kif ukoll it-tifqigħa tal-Coronavirus.

Il-Ministru-President Lachet : “ Kuntent li ltqajt mal-President Tzitzikostas u nistenna bil-ħerqa li nikkoopera miegħu fis-snin li ġejjin. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa l-leħen essenzjali tar-reġjuni fl-Ewropa. Jiena konvint li l-President Tzitzikostas ser isaħħaħ din il-vuċi u jwassal biex din tinstema’ madwar l-Unjoni Ewropea. Hemm bżonn Ewropa aktar b’saħħitha u ħidma flimkien sabiex nindirizzaw l-isfidi attwali.

Il-President Tzitzikostas : “ Illum kelli l-unur u l-pjaċir niltaqa’ mal-Ministru-President Laschet. Huwa mexxej viżjonarju u affidabbli tal-Ġermanja, u Ewropew impenjat. Dak li kiseb fir-reġjun ta’ Nordrhein-Westfalen huwa ta’ eżempju għalina lkoll dwar kif ir-reġjuni tal-Ewropa kapaċi jindirizzaw sfidi komuni fl-interess tal-poplu. L-UE għandha taġixxi b’mod urġenti biex b’mod prammatiku tindirizza l-migrazzjoni. Mhijiex kwistjoni nazzjonali iżda tal-UE, li tikkonċerna liċ-ċittadini Ewropej kollha ”.

Il-Ministru-President u l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huma determinati li jegħlbu d-differenzi u l-polarizzazzjoni dejjem tiżdied fl-Unjoni Ewropea. “ Biex dan iseħħ, neħtieġu viżjoni Ewropea komuni li tapprofondixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-bliet u l-irħula. L-Unjoni Ewropea teħtieġ momentum ġdid biex jiġu indirizzati t-trasformazzjonijiet profondi li d-diġitalizzazzjoni, id-demografija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima joħolqu għaċ-ċittadini tagħna ”, iddikjara Armin Laschet .

Prekundizzjoni essenzjali għal dan il-momentum ġdid hija li jiġi żgurat ftehim bikri u ambizzjuż dwar il-baġit futur tal-UE (il-Qafas Finanzjarju Pluriennali) li jkun ibbażat fuq bilanċ ġust bejn dawk li jibbenefikaw l-aktar mis-Suq Komuni tagħna u dawk li għad mhumiex jibbenefikaw biżżejjed.

Il-Ministru-President u l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ddiskutew ukoll il-proposti reċenti tal-Kummissjoni Ewropea għall-Patt Ekoloġiku u għall-Intelliġenza Artifiċjali. Huma laqgħu dawn l-isforzi u enfasizzaw li dawn għandhom jiġu kkomplementati minn sforzi konġunti fil-livell nazzjonali u f’dak lokali u reġjonali. Il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-UE li jmiss fit-tieni nofs tal-2020 għandha l-potenzjal li tindirizza l-isfidi attwali u li tikkonsolida l-Unjoni Ewropea.

Armin Lachet u Apostolos Tzitzikostas saħqu b’mod speċjali dwar il-ħtieġa li jiġu megħjuna dawk ir-reġjuni li huma affettwati b’mod partikolari mid-deċiżjoni tal-UE li tikseb newtralità klimatika sal-2050. “ B’mod speċjali, ir-reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni bħar-Rheinisches Revier, jeħtieġu appoġġ Ewropew biex jiżviluppaw l-infrastruttura tagħhom, isaħħu l-kapaċità ta’ innovazzjoni tagħhom u jiżguraw l-investiment fit-taħriġ u fit-taħriġ mill-ġdid. Għalhekk nilqgħu bi pjaċir il-proposta għal Fond ġdid għal Tranżizzjoni Ġusta tal-UE li jappoġġja dawn ir-reġjuni ”, qal Apostolos Tzitzikostas .

Il-laqgħa esterna tal-Bureau tal-Kumitat tar-Reġjuni, li ser issir fil-Parlament ta’ Nordrhein-Westfalen fil-11 ta’ Settembru, ser tkun opportunità ta’ diskussjoni konġunta dwar il-ġejjieni tal-Ewropa, u li toffri soluzzjonijiet dwar kif għandu jingħata feedback aħjar dwar ir-regolamentazzjoni tal-UE u kif l-Ewropa tista’ titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha.

Kelliem tal-President:

Michele Cercone

Tel. +32 (0)498 98 23 49

Michele.Cercone@cor.europa.eu

Ikkondividi :