Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-iżvilupp tal-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali jeħtieġ approċċ lokali b’saħħtu  

F’din l-intervista, Csaba Borboly (RO/PPE) iwieġeb sitt mistoqsijiet dwar l- Aġenda Ewropea għall-Ħiliet għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza . Il-President tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Harghita huwa r-relatur ta’ abbozz ta’ Opinjoni li jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-approċċ stabbilit fil- Komunikazzjoni reċenti tagħha u tqis ir-rwol ewlieni li l-bliet u r-reġjuni jaqdu fl-appoġġ u l-iżvilupp ta’ infrastruttura b’rabta mal-ħiliet fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. L-abbozz ta’ Opinjoni se jitressaq għall-votazzjoni fis- sessjoni plenarja ta’ din il-ġimgħa, fit-3-5 ta’ Frar.

Fl-Opinjoni tiegħek, inti tilqa’ l- Patt għall-Ħiliet li għadu kif tnieda. Il-Patt għandu l-għan li jlaqqa’ flimkien firxa varjata ta’ partijiet interessati li jħallu impatt tul il-katina tal-valur. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tiegħu, bil-ħsieb li jiġu żviluppati strateġiji komuni u skemi ta’ taħriġ?

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala s-sidien tal-infrastruttura lokali rilevanti, bħala l-benefiċjarji kemm tal-fondi tal-UE, kif ukoll tal-appoġġ nazzjonali u reġjonali, u bħala l-portali ewlenin għall-komunitajiet lokali u reġjonali. Dawn jaqdu rwol ewlieni fil-finanzjament tal-edukazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki relatati mal-ħiliet. Jekk il-Kummissjoni Ewropea taġixxi biex tibni rabtiet diretti mal-awtoritajiet lokali u reġjonali interessati fl-aċċelerazzjoni ta’ fondi mill-UE għal proġetti pilota, l-azzjonijiet jistgħu jitwettqu ferm aktar malajr u b’aktar effiċjenza. Is-sħubijiet lokali u reġjonali bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-gruppi tal-esperti, ir-rappreżentanti tal-impjegaturi u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma wkoll l-aktar mod rapidu biex nifhmu kif l-akkwist ta’ ħiliet integrati fil-livell reġjonali jaħdem b’mod effettiv. Sħubijiet bħal dawn jistgħu jixprunaw il-bidla lokali u reġjonali billi jibnu l-għarfien, il-fehim u l-fiduċja u billi jinvolvu l-partijiet interessati differenti kollha. 

L-edukazzjoni vokazzjonali u teknoloġika t-tnejn jeħtieġu prattika u għandhom rabta ma’ postijiet u faċilitajiet edukattivi, ħafna aktar milli huma l-ħiliet diġitali, lingwistiċi u ħiliet personali oħra. Tista’ tidentifika l-aħjar prattiki f’xi reġjuni li jistgħu jnebbħu inizjattivi ġodda f’reġjuni oħra?

Iva, hemm ħafna prattiki tajbin fir-reġjuni Ewropej. L-ewwel nett, il-ħiliet diġitali u s-suġġetti STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) saru essenzjali fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), u l-biċċa l-kbira tal-professjonijiet jeħtieġu ħiliet tal-ITC u diġitali avvanzati, pereżempju biex joperaw makkinarju jew tagħmir tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku. F’xi Stati Membri hemm l-immudellar 3D, soluzzjonijiet ta’ realtà alternattiva u virtwali, għalhekk id-diġitalizzazzjoni tal-VET mhijiex il-ġejjierni iżda l-preżent f’partijiet tal-Ewropa, bħal f'reġjuni Ġermaniżi, Franċiżi u Irlandiżi.

Fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fil-finanzjament tal-edukazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki relatati mal-ħiliet. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma lesti biex jassumu kompiti relatati mal-aċċelerazzjoni tal-fondi mill-UE fil-forma ta’ proġetti pilota, it-tfassil ta’ strateġiji u pjani ta’ azzjoni lokali u reġjonali, u aktar finanzjament għal inizjattivi ġodda?  

Inqis li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma lesti li jwettqu kompiti relatati mal-aċċelerazzjoni tal-fondi mill-UE, peress li jaqdu rwol ewlieni fil-finanzjament tal-edukazzjoni u l-iżvilupp ta’ politiki relatati mal-ħiliet fil-livell lokali. Diversi awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea huma responsabbli għall-ġestjoni diretta ta’ istituzzjonijiet subordinati f’oqsma differenti, bħal sptarijiet, ċentri kulturali u servizzi ta’ salvataġġ fiż-żoni muntanjużi biex insemmi biss ftit mir-reġjun tiegħi, il-Kontea ta’ Harghita. Bir-responsabbiltajiet pubbliċi u politiċi tagħhom u bl-esperjenza li għandhom fil-ġestjoni tal-baġit, il-ġestjoni ta’ fondi aċċelerati mill-UE għall-implimentazzjoni ta’ proġetti relatati mal-ħiliet tkun fattibbli. B’responsabbiltajiet ewlenin għall-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll rwol importanti fil-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-impjiegi fil-livell lokali, il-bliet u r-reġjuni jistgħu jniedu programmi, proġetti pilota u miżuri ta’ appoġġ għal dawn l-oqsma kollha b’rabta mal-objettivi tal-Aġenda għall-Ħiliet.  

Matul il-kriżi tal-COVID-19, il-parti l-kbira tas-sistemi edukattivi rreaġixxiet malajr u b’mod flessibbli għall-isfidi l-ġodda, u xi Stati Membri aċċeleraw f’qasir żmien id-diġitalizzazzjoni tal-edukazzjoni. Madankollu, f’ċerti reġjuni inqas sinjuri u f’komunitajiet żvantaġġati, l-aċċess għal għodod diġitali kien problema u għad hemm żoni b’aċċess limitat għall-internet. X’jistgħu jagħmlu l-UE u l-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jingħaqdu flimkien u jindirizzaw dawn il-problemi integrati lokalment, li ftit li xejn huma riflessi fid-data reġjonali jew nazzjonali ġenerali?  

L-Opinjoni dwar l-Aġenda għall-Ħiliet li qed naħdmu fuqha tenfasizza li kwalunkwe intervent ta’ politika tal-UE għandu jkun konformi mal-kuntest reġjonali, u approċċ “wieħed tajjeb għal kulħadd” ma jaħdimx. Il-proposta tibni fuq l-esperjenza ta’ diversi reġjuni f’termini ta’ aċċess għal għodod diġitali, li kienet kruċjali matul il-pandemija tal-COVID-19. Hemm diversi modi kif l-UE tista’ tappoġġja r-reġjuni kollha biex tiżgura li ħadd ma jibqa’ lura. L-ewwel nett, hemm bżonn ta’ approċċ integrat għat-tfassil ta’ miżuri ta’ finanzjament: it-twassil tal-edukazzjoni diġitali jmur lil hinn mill-finanzjament ta’ pjattaformi edukattivi u t-taħriġ fil-ħiliet diġitali, u jinkludi infrastruttura bħall-aċċess għall-broadband f’reġjuni inqas sinjuri, kompjuters u laptops. It-tieni nett, l-UE għandha żżid il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenza bejn is-sistemi edukattivi u l-kurrikuli differenti abbażi tal-ħtiġijiet tan-nies u tindirizza l-kwistjoni tal-aċċess minn persuni soċjalment esklużi jew vulnerabbli għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja. Fl-aħħar, iżda mhux l-inqas, il-Kummissjoni Ewropea għandha tikkunsidra t-twaqqif ta’ pjattaforma Ewropea b’għażla tal-aħjar prattiki, li tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet lokali u reġjonali u li tkun tappoġġja l-iżvilupp ta’ strateġiji u ta’ pjani ta’ azzjoni għall-adattament u r-reżiljenza, li jnebbħu inizjattivi lokali u reġjonali ġodda. 

Fl-Opinjoni tiegħek, inti tenfasizza l-importanza tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-konsegwenzi tiegħu għall-impjegati fil-parti l-kbira tas-setturi. Kif jistgħu l-politiki jgħinu lill-impjegati jiksbu fehim ċar tad-dinja li qed tinbidel u jagħrfu li għandhom ifittxu opportunitajiet ġodda u jibnu reżiljenza?  

Il-politiki tal-UE għandhom jiffaċilitaw it-tnedija ta’ programmi ta’ appoġġ li jindirizzaw oqsma ekonomiċi speċifiċi u gruppi fil-mira speċifiċi f’setturi affettwati mit-tranżizzjoni ekoloġika. Programmi bħal dawn iridu jinfurmaw lill-impjegati fis-setturi intensivi fl-enerġija dwar l-isfidi u l-opportunitajiet ġġenerati mit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika. Biex jiġu appoġġjati l-gruppi fil-mira, l-ewwel nett hemm bżonn ta’ fehim aħjar tal-ħtiġijiet u l-opportunitajiet reġjonali b’rabta mal-ħiliet għal kull settur, b’mod partikolari l-manifattura tal-karozzi, il-kostruzzjoni, is-servizzi tal-bini, l-industriji tad-disinn u tal-kreattività, il-farmaċewtika, u s-settur tal-ikel. It-tieni nett, hemm bżonn li jinħolqu opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u/jew għat-taħriġ mill-ġdid ta’ adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki biex jgħinuhom jidħlu, jew jibqgħu, fis-suq tax-xogħol. Dan jgħin biex jiġu evitati rati għolja ta’ qgħad u politiki ta’ awsterità possibbli. Fir-rigward tar-reżiljenza, l-enfasi m’għandhiex tkun biss fuq l-impjegati attwali iżda wkoll fuq l-istudenti, li għandhom jiksbu ħiliet bħal dawn matul is-snin skolastiċi tagħhom.  

Matul it-tħejjija tal-Opinjoni tiegħek, saru diversi konsultazzjonijiet, pereżempju l-konsultazzjoni online bil-miktub mal-partijiet interessati u l-laqgħat bilaterali online mal-Kummissjoni Ewropea u ċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop). Rigward il-konsultazzjoni tiegħek mas-Cedefop, x’kienu l-punti ewlenin ta’ tħassib li tqajmu matul id-diskussjoni? X’azzjonijiet u ppjanar ipproponew sabiex jgħinu lill-Kummissjoni tikkonċentra fuq kwistjonijiet lokali u reġjonali u biex tidentifika r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali?  

Matul il-konsultazzjonijiet ma’ partijiet interessati differenti, irċevejna proposti utli ħafna li għenuna nħejju din l-Opinjoni. Is-Cedefop enfasizza l-fatt li huwa importanti li jintlaħqu persuni b’livell baxx ta’ ħiliet. Peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-aktar familjari maż-żoni tagħhom, dawn jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jilħqu lin-nies u jindirizzaw l-isfidi lokali. Għalhekk, il-politiki jeħtieġ li jkunu differenzjati u jqisu l-karatteristiċi lokali. Barra minn hekk, il-VET inizjali, li huwa fil-biċċa l-kbira ċentralizzat, jeħtieġ li jinvolvi tipi differenti ta’ sħubijiet ma’ istituti edukattivi u ta’ taħriġ, NGOs u kumpaniji, biex insemmu biss ftit. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jorganizzaw dawn ir-rabtiet bejn l-imsieħba fil-livell lokali.

Aktar tagħrif

F’Lulju 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat l- Aġenda Ewropea għall-Ħiliet il-ġdida, li għandha l-għan li ttejjeb ir-rilevanza tal-ħiliet fl-UE sabiex issaħħaħ il-kompetittività sostenibbli, tiżgura l-ġustizzja soċjali u tibni r-reżiljenza tagħna. Din tistabbilixxi miri ambizzjużi u kwantitattivi għat-titjib tal-ħiliet (titjib ta’ ħiliet eżistenti) u għat-taħriġ mill-ġdid (taħriġ f’ħiliet ġodda) li għandhom jinkisbu fil-ħames snin li ġejjin. Pereżempju, 50% tal-adulti ta’ bejn il-25 u l-64 sena għandhom jirreġistraw għal korsijiet ta’ taħriġ kull sena u 70% tal-adulti ta’ bejn is-16 u l-74 sena għandu jkollhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi sal-2025.

Il- Patt għall-Ħiliet imniedi mill-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2020 huwa mudell ta’ impenn komuni għall-iżvilupp tal-ħiliet fl-Ewropa, li jinvolvi kemm is-settur pubbliku kif ukoll is-setturi privati. Il-firmatarji jaqblu li jirrispettaw u jħarsu l-prinċipji ewlenin tal-Karta: 1) il-promozzjoni ta’ kultura ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd, 2) il-bini ta’ sħubijiet b’saħħithom għall-ħiliet, 3) il-monitoraġġ tal-provvista/id-domanda tal-ħiliet u l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tal-ħiliet u 4) il-ħidma kontra d-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u opportunitajiet indaqs.

Kuntatt għall-istampa: pressecdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :