Il-President Tzitzikostas u l-Kummissarju Johansson ħabbru l-ftehim fil-Plenarja tal-KtR.
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed jingħaqdu flimkien biex jiżviluppaw sħubija ġdida biex jiżdied l-appoġġ għall-ħidma dwar l-integrazzjoni li titwettaq mill-bliet u r-reġjuni tal-UE. Is-sħubija tħabbret mill-President tal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), Apostolos Tzitzikostas, u l-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Interni, Ylva Johansson, fis-sessjoni plenarja tal-lum tal-KtR.
Is-sħubija l-ġdida dwar l-integrazzjoni se tappoġġja l-bliet u r-reġjuni fl-UE permezz ta’ tliet oqsma ewlenin ta’ ħidma:
il-bini ta’ djalogu miftuħ u regolari bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-integrazzjoni;
il-bini tal-kapaċità u l-promozzjoni ta’ skambju ta’ esperjenzi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali;
it-titjib tal-evidenza u d-data dwar l-integrazzjoni fil-livell lokali.
Is-sħubija ser tibni fuq il-kooperazzjoni stabbilita sew bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni taħt l-inizjattiva Bliet u Reġjuni għall-Integrazzjoni , li tnediet mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fl-2019 biex toffri pjattaforma politika għas-sindki Ewropej u l-mexxejja reġjonali biex jaqsmu l-informazzjoni u juru eżempji pożittivi ta’ integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati.
Apostolos Tzitzikostas (EL/PPE), President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali, qal li: " Il-migrazzjoni mhijiex biss sfida għal ftit Stati Membri, iżda hija kwistjoni li tikkonċerna l-Unjoni Ewropea kollha . L-UE trid tappoġġja r-reġjuni, il-bliet u l-gżejjer – bħal Lesbos, Lampedusa u l-Gżejjer Kanarji – li huma fuq quddiem nett biex jipprovdu appoġġ, integrazzjoni u servizzi oħra lill-migranti li jkunu għadhom kif waslu. Filwaqt li l-awtoritajiet lokali daħħlu fis-seħħ ħafna prattiki ta’ suċċess u innovattivi għall-integrazzjoni, għadhom qed jiffaċċjaw sfidi biex jaċċessaw il-finanzjament, id-data u l-għarfien, b’mod partikolari fi bliet żgħar u f’żoni rurali. Is-sħubija ser tappoġġja l-isforzi tagħhom u turi b’mod konkret li l-UE tinsab maġenbhom fl-indirizzar tal-ħafna sfidi li qed jiffaċċjaw”.
Il-Kummissarju Johansson qalet li: " L-integrazzjoni sseħħ f’kull raħal, belt u reġjun fejn il-migranti jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jieħdu sehem f'attivitajiet bħall-isports. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jipprovdu servizzi essenzjali fil-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-edukazzjoni. Huma jorganizzaw attivitajiet sportivi u kulturali fejn individwi li jkunu għadhom jaslu jiltaqgħu man-nies u jagħmlu ħbieb. Nistenna bil-ħerqa li naħdem aktar mill-qrib mal-Kumitat tar-Reġjuni biex nappoġġjaw lill-bliet u lir-reġjuni fl-isforzi ta’ integrazzjoni tagħhom. ”
Mark Speich (DE/PPE), Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Federali, Ewropej u Internazzjonali ta’ Nordrhein-Westfalen u President tal- Kummissjoni tal-KtR għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni (CIVEX), qal li: " L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma ċentrali għall-inklużjoni soċjali u għas-solidarjetà, għalhekk ninsab kuntent ħafna li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi ewlenin u li, minflok ma l-UE taħdem b’mod parallel, il-Kummissjoni trid li tqiegħed il-muniċipalitajiet u r-reġjuni fil-qalba tal-programmi tagħha. "
Il-KtR ser japprova r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Marzu 2021. Ir-relatur tal-KtR, Antje Grotheer (DE/PSE), Viċi President tal-Parlament tal-Belt ta’ Bremen, qalet li: " L-indirizzar tal-migrazzjoni la jibda u lanqas jintemm mal-akkoljenza tal-migranti u r-rifuġjati. Huwa għalhekk li l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni huwa parti integrali minn approċċ olistiku għall-migrazzjoni, li jqiegħed lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-qalba tal-azzjonijiet biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni, tingħata spinta lill-integrazzjoni u jiġi żgurat aċċess ugwali għall-prodotti u s-servizzi pubbliċi għall-migranti. Is-soċjetajiet inklużivi mhumiex biss soċjetajiet aktar ġusti, iżda wkoll aktar prosperi, u dan jibda fil-livell lokali .”
SFOND
Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil hija inizjattiva “milqugħa u meħtieġa” li – jekk tiġi approvata – se tgħin fil-bini ta’ komunitajiet reżiljenti kif ukoll fil-ġestjoni tal-migrazzjoni, qal il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni. Huwa kien qed jitkellem f’dibattitu li fih il-Kummissarju Ewropew Ylva Johansson ħeġġet lir-reġjuni u l-bliet biex jużaw aktar il-fondi disponibbli tal-UE biex jappoġġjaw l-integrazzjoni tal-immigranti.
Pilastru ċentrali tal- Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil , ippreżentat għall-ewwel darba f’Settembru 2020, huwa l- Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni u l-Inklużjoni għall-perjodu 2021-2027 , li ġie abbozzat f’Novembru. Il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE jipprevedi finanzjament ħafna akbar mill-UE għal proġetti u programmi ta’ integrazzjoni fl-2021-2027.
F’Marzu 2019, il-KtR stabbilixxa inizjattiva dwar il- Bliet u r-Reġjuni għall-Integrazzjoni – #regions4integration – li għandha l-għan li tlaqqa’ lill-bliet u r-reġjuni li huma interessati li jaqsmu l-esperjenza tal-politiki ta’ integrazzjoni u li jsiru jafu aktar dwar il-possibbiltajiet li jiksbu finanzjament tal-UE għal ħidmithom dwar l-inklużjoni tal-migranti fil-komunitajiet lokali u l-ekonomiji lokali.
L-aħħar parti tal-finanzjament disponibbli mill-UE – li tammonta għal EUR 37.2 miljun – ġiet ippubblikata lejn l-aħħar ta’ Novembru u se tappoġġja proġetti li jgħinu lit-tfal migranti u lill-vittmi tat-traffikar, tiffaċilita l-aċċess għas-servizzi bażiċi, tinkludi l-migranti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki ta’ integrazzjoni, u tappoġġja l-iżvilupp ta’ sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati.
Għal aktar tagħrif:
Ir-ritratti tal-141 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huma disponibbli fil- gallerija Flickr tal-KtR .
Persuna ta’ kuntatt:
Andrew Gardner
Tel. +32 473 843 981
andrew.gardner@cor.europa.eu