Fis-sessjoni plenarja ta’ Diċembru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-bliet u r-reġjuni adottaw is-suġġerimenti tagħhom għal trasport pubbliku aħjar fil-bliet u r-reġjuni metropolitani. L-Opinjoni mfassla minn Adam Struzik (PL/PPE), President tal-Provinċja ta' Mazowieckie, tenfasizza l-isfidi taż-żieda fit-traffiku tal-karozzi fil-bliet u ż-żoni metropolitani, u tappella għal soluzzjonijiet ta’ mobilità sostenibbli u intelliġenti.
It-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra fl-UE u xi wħud mill-mezzi ta’ trasport għandhom impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tan-nies minħabba t-tniġġis tal-arja, il-konġestjoni tat-traffiku, l-istorbju, l-inċidenti u l-mod kif jintuża l-ispazju pubbliku. Min-naħa l-oħra, in-natura tar-reġjuni metropolitani titlob li ċ-ċittadini jivvjaġġaw għax-xogħol miż-żoni periurbani lejn iċ-ċentri tal-bliet. Għalhekk hija meħtieġa bidla lejn mobilità li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent, u dan ifisser li t-trasport pubbliku kosteffettiv irid ikun fiċ-ċentru ta’ din it-trasformazzjoni.
“Il-bliet moderni huma bbażati fuq trasport pubbliku organizzat tajjeb u ġestit b’mod effiċjenti, li huwa essenzjali għall-iżvilupp tagħhom. Għandna bżonn soluzzjonijiet alternattivi u sostenibbli għat-trasport individwali b’vetturi bil-mutur, li l-kostijiet reali tiegħu bħalissa huma sottovalutati b’mod sinifikanti. Fl-istess ħin, jeħtieġ li nkunu konxji li hemm xejra fid-direzzjoni opposta lejn l-użu tat-trasport pubbliku minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, jeħtiġilna ninvestu f’soluzzjonijiet innovattivi u nitgħallmu mis-sitwazzjoni attwali biex niżviluppaw sistemi tat-trasport pubbliku reżiljenti li jkunu għażla sikura u ġusta għall-kriżi attwali u għal kwalunkwe kriżi li tista’ tinqala’ fil-futur ”, qal Adam Struzik , President tal-Provinċja ta' Mazowieckie.
Ir-relatur stieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura appoġġ u finanzjament, mhux biss għal investiment ġdid fit-trasport pubbliku urban u fl-infrastruttura tal-mobilità mhux motorizzata, iżda wkoll għat-tħaddim mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet skaduti u ineffiċjenti. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond għall-Modernizzazzjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, kif ukoll il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta jeħtieġ li jipprovdu s-sehem tagħhom ta’ investiment fil-mobbiltà urbana sostenibbli biex jgħinu lill-bliet u ż-żoni metropolitani jiksbu d-dekarbonizzazzjoni tal-mezzi kollha tat-trasport u jiżguraw taħlita modali aktar sostenibbli.
Ir-relatur jenfasizza wkoll l-importanza li jinstabu metodi kif jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tat-trasport taċ-ċittadini filwaqt li titnaqqas il-ħtieġa tagħhom għall-ivvjaġġar u l-impatti negattivi li jġib miegħu. Kooperazzjoni mill-qrib dwar it-trasport u dwar il-ġestjoni tat-territorju tista’ tiżgura li f’network ta’ ċentri skalati kif dovut, iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaċċessaw it-tipi kollha ta’ prodotti u servizzi, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-isport, il-kultura u l-appoġġ soċjali. Ir-relatur jitlob ukoll li jkun hemm sistemi tat-trasport pubbliku integrati u affidabbli li jipprovdu konnessjoni għaż-żoni rurali, periurbani u urbani, speċjalment għal min jivvjaġġa għax-xogħol, l-anzjani u ż-żgħażagħ.
“ L-awtoritajiet tar-reġjuni għandhom rwol partikolari x’jaqdu fl-effiċjenza tat-trasport pubbliku u l-integrazzjoni tal-bliet u ż-żoni metropolitani maż-żoni rurali, permezz ta’ ppjanar modern u l-iffinanzjar tat-trasport pubbliku. Hemm ukoll rwol ewlieni għall-finanzjament estern mill-fondi ta’ koeżjoni tal-UE, kif ukoll minn strumenti oħra li jiffinanzjaw l-investimenti fit-trasport, speċjalment il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, li huwa parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew ”, jgħid Adam Struzik .
Skont is- Sur Struzik , il-bliet u ż-żoni metropolitani ser ikollhom bżonn deċiżjonijiet ta’ politika bbażati fuq ħidma kunċettwali, organizzattiva u edukattiva, u għandu jkollhom riżorsi finanzjarji adatti biex jilħqu l-objettivi ta’ dekarbonizzazzjoni tagħhom. Il-bidla fid-drawwiet soċjali lejn sehem akbar ta’ trasport li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent tirrikjedi s-sensibilizzazzjoni tal-utenti u, fuq kollox, li jkun hemm għażla ġenwina.
Għal aktar tagħrif:
Intervista ma’ Adam Struzik : It-trasport pubbliku wara l-COVID - il-ħtieġa għal soluzzjonijiet innovattivi u sikuri għall-kriżi attwali u oħrajn li jista’ jkun hemm fil-futur
Kuntatt:
Carmen Schmidle
Tel. +32 (0)494 735787
carmen.schmidle@cor.europa.eu