Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Summit dwar it-Trasformazzjoni Ekoloġika: Reġjuni Awtomobilistiċi – kruċjali għas-suċċess!  

Il-mexxejja politiċi minn reġjuni awtomobilisti (CoRAI) iltaqgħu mal-Kummissjarju Ewropew għall-Baġit, Johannes Hahn, mal-membri tal-kummissjoni għall-politika ta’ koeżjoni territorjali (COTER) tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u ma’ rappreżentanti tal-industrija awtomobilistika sabiex jiddiskutu r-rwol tar-reġjuni awtomobilistiċi fil-kisba ta’ trasformazzjoni ekoloġika ta’ suċċess. L-avveniment sar fl-14 ta’ Ottubru bħala parti mill- Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet (ara r-reġistrazzjoni hawnhekk ).

Il-pandemija qed tolqot lill-industrija tal-karozzi u lill-industriji ta’ provvista tal-karozzi fi żmien meta dawn qed jinvestu bil-kbir fit-trasformazzjoni ekoloġika. Il-bejgħ tal-vetturi naqas b’32 % din is-sena, li wassal għal tnaqqis kbir fl-impjiegi fir-reġjuni awtomobilistiċi. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-baġit tal-UE se jkollhom rwol fundamentali biex jgħinu lir-reġjuni awtomobilistiċi u lill-industrija jimmaniġġjaw din it-trasformazzjoni.

Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu fis-Summit dwar it-Trasformazzjoni Ekoloġika, il-Kummissarju Johannes Hahn enfasizza li “ r-reġjuni tal-Ewropa huma fil-qalba tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u fil-pjan ta’ rkupru tal-UE. L-SMEs, il-ktajjen ta’ valur Ewropej u l-industrija Ewropea se jiskattaw l-innovazzjoni, joħolqu l-impjiegi u jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa ”.

Christopher Drexler (AT/PPE), President tal-Grupp Interreġjonali dwar il-Futur tal-Industrija tal-Karozzi tal-Kumitat tar-Reġjuni, u Ministru tal-gvern reġjonali ta’ Styria, laqa’ lill-parteċipanti u saħaq li “ l-industrija tal-karozzi u l-industrija tal-provvista u r-reġjuni Ewropej li jospitawhom sabu ruħhom f’sitwazzjoni drammatika. Aħna, ir-reġjuni Ewropej irridu ningħaqdu flimkien sabiex immexxu din it-trasformazzjoni meħtieġa. Nittamaw li se noħorġu aktar b’saħħitna. L-innovazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali minn dejjem kienu l-formula għas-suċċess ta’ Styria. Styria huwa reġjun awtomobilitisku għar-riċerka u l-iżvilupp. Se nużaw din is-saħħa innovattiva flimkien ma’ reġjuni awtomobilistiċi oħra fl-Ewropa sabiex noħorġu minn din il-kriżi u noħolqu impjiegi ġodda ”.

Sabiex timminimizza l-ħsara fuq l-impjiegi u l-kompetittività industrijali, l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha tgħin biex jiġu mmodernizzati u mtejba l-fabbriki ta’ bħalissa fil-kontinent, sabiex is-settur jaġġorna b’suċċess f’konformità mal-Patt Ekoloġiku ”, żid jgħid Francisco Igea Arisqueta (ES/Renew Europe), Viċi President tal-Gvern Reġjonali ta’ Kastilja u León. “Għexieren ta’ eluf ta’ impjiegi fir-reġjun ta’ Kastilja u León u bosta miljuni ta’ impjiegi madwar l-Ewropa jiddependu mill-industrija tal-karozzi”.

María Victoria Chivite Navascués (ES/PSE), President tal-Gvern Reġjonali ta’ Navarra, qiegħda tmexxi r-reġjun tagħha lejn il-mobbiltà elettronika: “ Navarra sar reġjun perfett għall-ittestjar tal-karozzi, ir-reġjun xpruna l-kapaċitajiet tas-settur tal-industrija tal-karozzi lejn l-iżvilupp ta’ vetturi elettriċi u l-komponenti tagħhom, kif ukoll rawwem l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda ta’ mobbiltà f’Navarra ”.

Hemm aktar minn triq waħda lejn mobbiltà ekoloġika. “ L-għan irid ikun li jinkiseb tnaqqis effettiv tal-emissjonijiet, mhux li ċerti teknoloġiji jingħataw prijorità fuq oħrajn ”, qal Francisco Igea Arisqueta . Jonas Strömberg (Scania) ta eżempju prattiku: “ Kontu tafu li l-iskart ta’ 1 000 persuna jista’ jħaddem karozza tal-linja għal sena? Proċess ta’ akkwist reġjonali u urban aktar orjentat lejn is-sistema huwa essenzjali sabiex wieħed jilħaq l-objettiv ”.

József Berényi (SK/PPE), Viċi President tar-Reġjun Awtonomu ta’ Trnava appella għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-industrija u r-reġjuni, filwaqt li enfasizza li: “ fir-rigward tal-industrija tal-karozzi fir-reġjun ta’ Trnava, aħna nemmnu li l-kooperazzjoni tal-gvern reġjonali, in-negozju u l-industrija hija kruċjali, speċjalment matul il-kriżi tal-COVID-19. Iż-żieda tal-kompetittività tal-produzzjoni tal-karozzi, id-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni lkoll għandhom rwol fundamentali fit-triq lejn futur sostenibbli ”.

L-industrija tal-provvista tal-karozzi qed tipprovdi soluzzjonijiet essenzjali biex it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-mobbiltà ssir realtà. Il-COVID-19 aċċellera l-bidla iżda kkawża wkoll ħafna pressjoni addizzjonali, b’mod partikolari fuq il-livelli ta’ impjiegi. L-Ewropa teħtieġ ekosistema tal-karozzi b’saħħitha biex tibqa’ kompetittiva u tavvanza l-miri ambizzjużi fil-oqsma ambjentali, diġitali u tas-sikurezza fit-toroq. Neħtieġu qafas ta’ politika fil-livelli kollha – reġjonali, nazzjonali u Ewropew – li huwa miftuħ għat-teknoloġija u jappoġġja l-innovazzjoni kemm jista’ jkun ”, ġabar fil-qosor Sigrid de Vries , Segretarju Ġenerali Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fornituri ta’ Komponenti tal-Karozzi (CLEPA).

Nota lill-edituri:

CoRAI huwa l-Grupp Interreġjonali dwar il-Futur tal-Industrija tal-Karozzi tal-Kumitat tar-Reġjuni, li jiġbor flimkien aktar minn 30 mexxej politiku minn reġjuni awtomobilistiċi sabiex jippromovi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Kuntatt:

David Crous

Tel. +32 (0)470 881037

david.crous@cor.europa.eu

Carmen Schmidle

Tel. +32 (0)494 735787

carmen.schmidle@cor.europa.eu

Ikkondividi :