Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-pjan ta’ rkupru għall-COVID-19 huwa opportunità biex titwettaq rivoluzzjoni ekoloġika.  

F’din l-intervista, Juanma Moreno, President ta’ Andalusia, jikkondividi l-fehmiet tiegħu bħala relatur dwar il-Liġi Ewropea l-ġdida dwar il-Klima, il-proposta legalment vinkolanti biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050.

L-abbozz ta’ Opinjoni tal-President ta’ Andalusija Juanma Moreno (ES/PPE) dwar il-Liġi dwar il-Klima jinsab disponibbli hawnhekk fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. It-test għandu jiġi diskuss u vvotat fil- laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni ENVE fit-8 ta’ Ġunju . Il-votazzjoni finali u l-adozzjoni huma skedati fis-sessjoni plenarja tal-1 u t-2 ta’ Lulju, flimkien ma’ dibattitu ta’ livell għoli dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposta tagħha għal Liġi dwar il-Klima qabel it-tifqigħa tal-COVID-19, kuntest differenti ħafna minn dak attwali. L-isforzi biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 għandhom jibqgħu prijorità fil-pjan ta’ rkupru ekonomiku u soċjali?

Naturalment, dan l-għan għandu jibqa’ prijorità daqskemm dan l-irkupru jirrappreżenta opportunità importanti. Irridu niftakru li, qabel is-sitwazzjoni attwali, is-soċjetà tagħna diġà kienet involuta f’rivoluzzjoni industrijali u kienet qed tindirizza l-konsegwenzi tat-tisħin globali. Is-soluzzjonijiet li neħtieġu sabiex negħlbu l-isfidi soċjali u ekonomiċi li qed niffaċċjaw huma wkoll opportunità biex inressqu lis-soċjetà tagħna lejn mudell sostenibbli u aktar reżiljenti, u l-ekonomija tagħna lejn wieħed newtrali għall-klima. Il-pjan ta’ rkupru tal-COVID-19 huwa opportunità biex titwettaq rivoluzzjoni ekoloġika. Għalhekk, irridu nużaw aktar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, nippromovu l-effiċjenza enerġetika u l-infrastrutturi effettivi, u niżviluppaw aktar is-sistemi ta’ trasport sostenibbli, filwaqt li niffukaw fuq il-ħolqien tal-impjiegi.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Liġi Ewropea dwar il-Klima ġiet ikkritikata għan-nuqqas ta’ ambizzjoni meta ġiet ippubblikata. F’liema aspetti setgħet tkun aktar ambizzjuża?

Il-Gvern ta’ Andalusija jqis li l-objettiv vinkolanti biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050, kif stabbilit fil-Liġi Ewropea proposta dwar il-Klima, huwa ambizzjuż biżżejjed u jikkostitwixxi sfida kbira għall-Unjoni Ewropea kollha. Madankollu, nemmnu li huwa essenzjali li l-miri l-ġodda għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra sal-2030 jiġu speċifikati malajr kemm jista’ jkun fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, minħabba l-ammont ta’ tibdil soċjali, teknoloġiku u ekonomiku li għandu jiġi indirizzat.

Andalusija adottat liġi reġjonali dwar il-klima. Mill-esperjenza tiegħek, liema huma l-oqsma li fihom l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwixxu aħjar u jkunu aktar effettivi fit-triq lejn in-newtralità klimatika? Għaliex l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu f’pożizzjoni aħjar f’dawn l-oqsma meta mqabbla mal-gvernijiet nazzjonali?

Uħud mis-setturi b’intensità qawwija ta’ karbonju, li huma dawk fejn jeħtieġ nieħdu azzjoni, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali. Dan huwa l-każ tat-trasport, l-akkomodazzjoni u l-bini pubbliku kif ukoll tal-ġestjoni tal-iskart. L-importanza li jittieħed approċċ reġjonali u lokali għat-tibdil fil-klima hija evidenti, peress li t-tisħin globali jolqot lil kull reġjun b’modi differenti u abbażi ta’ diversi fatturi. Għalhekk jeħtieġ nistabbilixxu mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fost il-livelli kollha ta’ governanza sabiex l-ippjanar u l-eżekuzzjoni tal-politiki dwar il-klima f’kull territorju tkun komplementari u allinjata sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi u jinkisbu riżultati aħjar.

Taħseb li Liġi Ewropea unika dwar il-Klima tista’ tirrifletti tajjeb u tintegra d-diversità wiesgħa tar-reġjuni fl-Ewropa kollha f’termini ġeografiċi, soċjali u ekonomiċi?

Huwa preċiżament minħabba d-diversità soċjoekonomika u ġeografika tat-territorji tal-Unjoni Ewropea li neħtieġu liġi unika li taġixxi bħala qafas li jġib l-għaqda. Dan l-istess spirtu huwa l-bażi tal-proġett Ewropew. Minħabba d-diversità tar-realtajiet lokali u reġjonali, irridu niżviluppaw il-parteċipazzjoni attiva tat-territorji kollha kemm fit-tfassil, kif ukoll fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Liġi l-ġdida dwar il-Klima. L-awtoritajiet lokali u reġjonali mhumiex biss l-amministrazzjonijiet pubbliċi li huma l-eqreb taċ-ċittadini, iżda huma wkoll dawk li fl-aħħar mill-aħħar huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni l-ġdida fuq il-post. Dan jagħmilha għodda effiċjenti biex jitnaqqsu d-diverġenzi bejn it-territorji u tinkiseb soċjetà aktar reżiljenti.

X’modifiki għandek l-intenzjoni li tressaq fir-rigward tal-proposta dwar il-Liġi Ewropea dwar il-Klima sabiex tiggarantixxi li r-reġjuni u l-bliet jiqiesu aħjar u jiġu involuti aktar fil-proċess?

Il-fatturi reġjonali u lokali huma kruċjali fl-abbozzar ta’ strateġiji dwar in-newtralità klimatika u l-pjani ta’ azzjoni. Il-varjabbli soċjoekonomiċi, ġeografiċi u dawk relatati mal-klima jridu jitqiesu fl-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet u tar-riskji, kif ukoll fid-definizzjoni ta’ xenarji futuri. Il-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP) jeħtieġ li jiġu kkomplementati b’dawk reġjonali u lokali, skont l-istess kriterji bħall-profitabbiltà, l-effiċjenza ekonomika u enerġetika, l-ekwità u s-solidarjetà. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fl-adattament u l-miżuri ta’ mitigazzjoni għall-klima. Bħala tali, l-iżvilupp ta’ perspettivi reġjonali għandu jżidilna l-possibbiltà li nilħqu l-għan kollettiv li qed naħdmu għalih. L-għan huwa li sal-2050 insiru l-ewwel kontinent fid-dinja li jkun newtrali għall-klima.

Noti:

L-aġenda u l-abbozzi ta’ Opinjoni tal-laqgħa tal-Kummissjoni ENVE tat-8 ta’ Ġunju jistgħu jitniżżlu minn hawn .

Il-Liġi dwar il-Klima tal-UE: Il-bliet u r-reġjuni jridu pjan ta’ azzjoni ta’ 5 snin . B’reazzjoni għall- proposta tal-KE dwar Liġi Ewropea dwar il-Klima fl-4 ta’ Marzu li għadda, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas, stieden lill-UE biex tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni ta’ 5 snin u tiżgura li r-reġjuni u l-bliet kollha jkunu involuti fil-kisba tan-newtralità klimatika. Aqra l-istqarrija għall-istampa hawnhekk .

Kuntatt għall-Istampa:

David Crous

Tel.: +32 (0) 470 88 10 37

david.crous@cor.europa.eu

Ikkondividi :