Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Patt Ekoloġiku: L-EU jeħtiġilha talloka fondi ġodda u timmobilizza lill-atturi lokali biex tikseb in-newtralità klimatika  
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jilqa’ l-proposta ta’ finanzjament taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, u jappoġġja l-appell għall-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali u r-reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

Il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta proposti mill-Kummissjoni Ewropea llum iqisu t-talbiet tar-reġjuni u l-bliet tal-UE għal strumenti ibbażati fuq il-post biex tiġi indirizzata t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika. Madankollu, il-mexxejja lokali u reġjonali tal-Ewropa jwissu kontra ċ-ċaqliq ta’ fondi mill-fondi reġjonali tal-UE - il-politika ta’ koeżjoni - u li tiġi ċentralizzata l-governanza tal-fond il-ġdid.

It-tnedija ta’ Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli , li mistenni li jiġġenera EUR 1 triljun sal-2030, u l-ħolqien ta’ fond ġdid biex tiġi appoġġjata t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika fit-territorji li jiddependu fuq industriji intensivi fl-użu tal-karbonju, jwieġbu t-talbiet tar-reġjuni u l-bliet tal-UE. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) – l-assemblea tal-UE tal-mexxejja lokali u reġjonali – ilu għal sentejn jappella għal strument ta’ finanzjament tal-UE ddedikat biex jappoġġja d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomiji tal-Ewropa u jimminimizza r-riskju ta’ sensji, telf ta’ qligħ, u r-riskju li tiddgħajjef il-koeżjoni ekonomika u soċjali.

Li l-Ewropa ssir newtrali għall-klima sal-2050 ma għadhiex kwistjoni, iżda hija neċessità. Sabiex niksbu dan, neħtieġu riforma strutturali fundamentali f’kull reġjun u belt. Jeħtieġ li issa l-Istati Membri juru solidarjetà, billi jdaħħlu jdejhom fil-but u joffru finanzjament addizzjonali, li jkun ġestit fi sħubija bejn il-livelli kollha ta’ gvern” , qal il-President tal-KtR Karl-Heinz Lambertz , filwaqt li enfasizza li: “ Huwa għalhekk tal-akbar importanza li l-Kummissjoni Ewropea għażlet li tistabbilixxi l-fond taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-UE, billi tintegra l-fondi strutturali eżistenti tal-UE. Madankollu, sabiex dan jirnexxi, il-governanza tal-fond trid tkun konsistenti u tevita kwalunkwe ċentralizzazzjoni lejn Brussell jew lejn il-bliet kapitali tal-UE”.

Fir-rigward tal-implikazzjonijiet baġitarji, Vojko Obersnel (PSE/HR), Sindku ta’ Rijeka u relatur tal-KtR dwar il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, qal: “ Nilqgħu l-fatt li r-reġjuni milquta kollha se jibbenefikaw mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u li se jkun hemm fondi addizzjonali. Madankollu, EUR 7.5 biljun ma jagħmlux tajjeb għat-tnaqqis drastiku fil-baġit ġenerali tal-politika ta’ koeżjoni diskuss mill-Kunsill. Il-wegħdiet finanzjarji addizzjonali kollha tal-Kummissjoni huma tamiet kbar għalissa – iżda se jkunu jistgħu jagħtu riżultati fir-reġjuni?”. Fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin dwar il-baġit tal-UE għall-perjodu 2021-2027, huwa żied jgħid li: “ Hemm riskju serju li t-tnaqqis ulterjuri għall-politika ta’ koeżjoni propost mill-Presidenza Finlandiża jispiċċa bħala s-soluzzjoni li takkomoda l-ħtiġijiet finanzjarji tal-inizjattiva l-ġdida. Biex nevitaw li dan iseħħ, irridu niġġieldu flimkien mal-Parlament Ewropew u mal-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni .”

Ir-referenzi għal reviżjoni tar-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat, inklużi fil-proposta għall-Pjan ta’ Investiment għal Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, huma konformi mal-pożizzjoni li l-KtR diġà adotta. Huma wkoll jistgħu jirrappreżentaw l-ewwel tweġiba importanti għat-talba li l-KtR ilu jagħmel sabiex fil-politika ta’ koeżjoni tiġi applikata l-istess eżenzjoni li hija applikata għall-fondi li huma ġestiti direttament mill-Kummissjoni (eż. l-Orizzont).

“Napprezzaw il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipproponi aktar flessibbiltà fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għar-reġjuni li huma milquta mill-eliminazzjoni gradwali tal-faħam”, qal Mark Speich (PPE/DE), Segretarju tal-Istat ta’ Nordrhein-Westfalen u relatur tal-KtR dwar Il-bidla strutturali soċjoekonomika tar-reġjuni tal-faħam fl-Ewropa , huwa żied jgħid li: “ Il-Kummissjoni qiegħda għaldaqstant twieġeb għar-rakkomandazzjonijiet tal-KtR. Għad irridu naraw kif din il-flessibbiltà tista’ tiġi implimentata bl-aħjar mod. Il-futur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jippermettu wkoll il-possibbiltà li jiġu promossi investimenti minn kumpaniji sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ telf ta’ impjiegi. Dan id-dritt għandu jingħata lir-reġjuni kollha milquta mill-eliminazzjoni tal-faħam.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni mistenni jadotta l-Opinjoni tiegħu dwar il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta f’Marzu.

Kuntatt:

Pierluigi Boda

Tel : +32 2 282 2461

Mobile: +32 473 85 17 43

pierluigi.boda@cor.europa.eu

Ikkondividi :