Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali: il-bliet u r-reġjuni jressqu miżuri ekonomiċi u soċjali biex jappoġġjaw liċ-ċittadini u lin-negozji ħalli jegħlbu l-kriżi tal-enerġija  

Fost il-miżuri proposti hemm finanzjament iddedikat biex l-effiċjenza enerġetika titwassal fil-bini, li l-investimenti ekoloġiċi jiġu eżentati mid-defiċit pubbliku u konsultazzjonijiet permanenti maċ-ċittadini dwar il-klima

B’segwitu għall-adozzjoni tal-Kunsill tal-approċċi ġenerali tiegħu dwar fajls ewlenin tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adotta erba’ Opinjonijiet relatati direttament mar-rwol tal-bliet u r-reġjuni fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew – l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE biex in-newtralità klimatika tintlaħaq sal-2050. Minn miżuri ekonomiċi u finanzjarji biex jiżdiedu l-baġits ekoloġiċi lokali, għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (EPBD) u l-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri soċjali biex jiġu protetti dawk l-aktar vulnerabbli u jissaħħaħ ir-rwol taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-gwerra fl-Ukrajna qed ittina opportunità storika biex ninqatgħu mill-fjuwils fossili Russi u niksbu s-sovranità tal-enerġija fl-UE. Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija żiedet drastikament l-għadd ta’ ċittadini li qed iħabbtu wiċċhom mal-faqar enerġetiku jew tal-mobbiltà. L-Opinjonijiet adottati fil-plenarja ta’ Ġunju tal-Assemblea tal-bliet u r-reġjuni tal-UE jipproponu modi kif dawn iż-żewġ sfidi ewlenin jistgħu jiġu indirizzati.

Fir-rigward tal-Opinjoni dwar id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija ir-relatur André Viola (FR/PSE), Membru tal-kunsill tad-dipartiment ta’ Aude, qal: “Irridu niġġieldu l-faqar enerġetiku u nikkunsidraw mill-ġdid is-sistema tal-enerġija tagħna sabiex inkunu aktar reżiljenti u nilħqu l-għanijiet klimatiċi tagħna sal-2050. Irridu nkunu ambizzjużi fid-dekarbonizzazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE għaliex ir-rinnovazzjoni se sseħħ darba biss sa nofs is-seklu! Neħtieġu pjan ta’ rinnovazzjoni li jibqa’ validu fil-futur u li jkun affordabbli għaċ-ċittadini u l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha. Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija għandha tiffoka fuq iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-bini u tintegra l-użu ċirkolari tal-materjali u s-suffiċjenza fl-istadji kollha.”Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk.

Fir-rigward tal-Opinjoni dwar l-imperattivi ambjentali u l-aċċettabbiltà soċjali tat-tranżizzjoni ekoloġika, ir-relatur Hanna Zdanowska (PL/PPE), Sindku ta’ Lodz u Ambaxxatur Pollakk tal-Patt tas-Sindki, qal: “Is-suċċess tat-trasformazzjoni ekoloġika jiddependi fuq il-ħolqien rapidu biex jiġu introdotti l-kundizzjonijiet adatti fil-livell Ewropew u nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ekoloġiċi mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. Nappellaw għal fondi diretti tal-UE għall-bliet u r-reġjuni biex iwasslu l-Patt Ekoloġiku fil-livell lokali, biex isir progress fid-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija u tinkiseb l-indipendenza mill-fjuwils fossili Russi. F’dak il-kuntest, jeħtieġ li nagħtu spinta lill-effiċjenza enerġetika fi ħdan il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni u nħaffu l-użu tal-enerġiji rinnovabbli fil-bliet u r-reġjuni tagħna. It-trasformazzjoni ekoloġika tal-UE trid tkun ibbażata fuq aċċettabbiltà soċjali b’saħħitha u ma tħalli l-ebda ċittadin, territorju jew negozju jibqa’ lura. Għalhekk, nipproponu l-organizzazzjoni ta’ djalogi lokali permanenti u summits lokali dwar il-klima biex it-tranżizzjoni ekoloġika tkun suċċess.” Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk.

Fir-rigward tal-Opinjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ baġits ekoloġiċi fil-livelli lokali u reġjonali, ir-relatur Vincent Chauvet (FR/Renew Europe), is-Sindku ta’ Autun, qal: “It-tibdil fil-klima għandu impatt ekonomiku kbir, bi spejjeż ambjentali dejjem jogħlew. Il-bliet u r-reġjuni għandhom rwol kruċjali x’jaqdu fit-twettiq tat-tranżizzjoni ekoloġika inklużiva. L-Istati Membri u l-UE huma lkoll responsabbli għall-appoġġ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali permezz ta’ finanzjament dirett u miżuri tanġibbli. Jeħtieġ li naqblu b’mod urġenti dwar definizzjoni komuni ta’ bbaġitjar ekoloġiku u qafas Ewropew strutturat iżda flessibbli, li se jgħin biex il-partiti baġitarji jiġu allinjati mal-objettivi klimatiċi u ambjentali. It-tranżizzjoni ekoloġika jew se ssir fil-livell lokali – jew inkella mhix se seħħ.”Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk.Ir-relatur Chauvet se jkun membru tad-delegazzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fil-konferenza globali li jmiss dwar il-klima organizzata min-Nazzjonijiet Uniti f’Novembru fl-Eġittu (COP27).

Barra minn hekk, il-Kumitat adotta Opinjoni dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Artiku mir-relatur Mirja Vehkapera (FI/Renew Europe), membru tal-kunsill tal-belt ta’ Oulu: “Il-finanzjament tal-UE għandu jkun immirat biex jappoġġja u jiżgura investimenti sostenibbli fl-Artiku. Jeħtieġ li naħsbu dwar kif nistgħu nimplimentaw il-Patt Ekoloġiku u l-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”, filwaqt li nqisu l-karatteristiċi speċifiċi taż-żona tal-Artiku tal-UE. Pereżempju, il-kundizzjonijiet speċifiċi tat-tbaħħir fix-xitwa fl-Artiku jridu jitqiesu fil-kuntest tal-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Fl-istess ħin, huwa importanti li jinstab bilanċ bejn l-iżvilupp responsabbli tar-riżorsi naturali u l-ħarsien ambjentali, sabiex isir użu sħiħ mill-potenzjal tal-Artiku bħala xprun tat-tkabbir ekoloġiku u tat-tranżizzjoni diġitali fl-UE. L-Artiku jista’ jipprovdi lill-Ewropa bl-għarfien, il-prodotti, ir-riżorsi u l-enerġija li huma kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi tal-UE.”Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk.

Sfond:

Il-bini jirrappreżenta 40% tal-konsum finali totali tal-enerġija fl-UE u 36% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha relatati mal-enerġija. L-objettiv aħħari tad-direttiva l-ġdida huwa li jiġi dekarbonizzat l-istokk tal-bini tal-Ewropa sal-2050. Il-Kumitat jappella sabiex id-Direttiva l-ġdida dwar il-prestazzjoni tal-bini tiġi applikata mhux biss għall-bini l-ġdid iżda wkoll għar-rinnovazzjonijiet. L-Opinjoni adottata mill-Kumitat appoġġjat il-proposta tas-Sur Viola li l-eliminazzjoni tal-fjuwils fossili għat-tisħin u t-tkessiħ titressaq għall-2025, minflok l-2027 kif propost mill-Kummissjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk.

Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi r-regoli għall-finanzjament tas-servizzi muniċipali, tnaqqas il-piż tal-ispejjeż tal-effiċjenza enerġetika u l-miżuri tal-enerġija rinnovabbli u tnaqqas u tissemplifika l-ostakli regolatorji għal teknoloġiji u mudelli ta’ negozju ġodda. Sabiex tissaħħaħ l-aċċettazzjoni soċjali, il-Kumitat jissuġġerixxi diversi miżuri, inkluż użu akbar tal-governanza parteċipattiva – pereżempju permezz ta’ baġits parteċipattivi u djalogi lokali – u appoġġ finanzjarju għal mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni permanenti bħal summits lokali dwar il-klima. Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jeżentaw l-investimenti ekoloġiċi mill-kalkolu tad-defiċit pubbliku reġjonali u mir-“regoli tad-deheb” tal-limitu tad-dejn u jirrakkomanda bbaġitjar ekoloġiku effiċjenti, parteċipattiv u trasparenti. Il-Kumitat iħeġġeġ approċċ parteċipattiv għall-ibbaġitjar ekoloġiku sabiex iċ-ċittadini, u b’mod partikolari ż-żgħażagħ, ikunu jistgħu jimmaniġġjaw parti mill-baġit annwali għall-implimentazzjoni ta’ proġetti ekoloġiċi. L-Assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali tappella għall-ħolqien ta’ pjattaforma ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet biex tinbena l-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għall-ekoloġizzazzjoni tal-baġit tagħhom u għall-aggregazzjoni ta’ proġetti fuq skala żgħira bil-għan li jinħolqu ekonomiji ta’ skala u jiġu skambjati prattiki tajbin. Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk.

Fl-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Artiku, il-Kummissjoni Ewropea tenfasizza l-importanza strateġika u ġeopolitika dejjem tikber tal-Artiku. Skont stima ppubblikata fil-bidu tal-2022, ir-reġjun tal-Artiku tal-UE għandu potenzjal ta’ investiment ta’ madwar EUR 150 biljun sal-2030, li parti kbira minnu hija marbuta mat-twettiq tat-tranżizzjoni ekoloġika. L-enfasi hija fuq l-investimenti fl-azzar newtrali għall-karbonju, il-manifattura tal-batteriji, l-estrazzjoni u l-ipproċessar tal-minerali, kif ukoll l-ekonomija ċirkolari u l-bijoenerġija u l-enerġija mir-riħ. Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk.

Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali huwa inizjattiva tal-KtR li għandha l-għan li tqiegħed il-bliet u r-reġjuni fil-qalba tat-tranżizzjoni tal-UE lejn in-newtralità klimatika.

Persuna ta’ kuntatt:

David Crous // david.crous@cor.europa.eu // +32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/ACTION-PLAN-WITH-ICLEI.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GDGL-ECONOMIC-SOCIAL-MEASURES-SUPPORT-ENERGY-CRISIS.ASPX

Action Plan with ICLEI
Action Plan with ICLEI
29.03.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREENING-OF-PEST-MANAGEMENT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GDGL-ECONOMIC-SOCIAL-MEASURES-SUPPORT-ENERGY-CRISIS.ASPX

Local and regional authorities demand a fund for the greening of pest management
Local and regional authorities demand a fund for the greening of pest management
16.03.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/BOOSTING-GREEN-INVESTMENTS-INCREASING-FUNDS-KEY-PRIORITY.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GDGL-ECONOMIC-SOCIAL-MEASURES-SUPPORT-ENERGY-CRISIS.ASPX

Boosting green investments and increasing direct funds for cities and regions remains a key priority for local leaders in 2023
Boosting green investments and increasing direct funds for cities and regions remains a key priority for local leaders in 2023
08.03.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/APPLICATIONS-FOR-EUREGIONSWEEK-2023-ARE-OFFICIALLY-OPEN.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GDGL-ECONOMIC-SOCIAL-MEASURES-SUPPORT-ENERGY-CRISIS.ASPX

Applications for the #EURegionsWeek 2023 are officially open!
Applications for the #EURegionsWeek 2023 are officially open!
22.02.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/ENVE-14-FEB-2023.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GDGL-ECONOMIC-SOCIAL-MEASURES-SUPPORT-ENERGY-CRISIS.ASPX

Tackling pollution and the energy crisis amongst EU local leaders 2023 key priorities
Tackling pollution and the energy crisis amongst EU local leaders 2023 key priorities
15.02.2023