Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Prim Ministru Portugiż u l-Viċi President tal-Kummissjoni tal-UE se jiddiskutu l-futur tal-Ewropa mal-mexxejja lokali u reġjonali  

Il-Prim Ministru tal-Portugall António Costa u, l-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, se jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea ma’ mexxejja lokali u reġjonali f’dibattiti separati fil-31 ta’ Jannar. Id-diskorsi tagħhom ser ikunu l-elementi politiċi prinċipali fl-ewwel plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) fl-2018, li matulha, l-assemblea tal-UE tal-politiċi lokali u reġjonali ser tippreżenta wkoll il-fehmiet tagħha dwar il-baġit futur tal-UE kif ukoll – fost l-oħrajn – dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika tal-mobbiltà tal-UE.

Il-Prim Ministru Portugiż dwar il-futur tal-Ewropa u kif għandha titwitta t-triq għat-tkabbir ekonomiku

L-eks-Sindku ta’ Lisbona u membru tal-KtR mill-2010 sal-2015, il-Prim Ministru António Costa, ser jiddiskuti r-riformi li ser ikun qed jinsisti dwarhom fil-Kunsill Ewropew filwaqt li l-mexxejja nazzjonali jidħlu f’sena li se tistabbilixxi d-direzzjoni futura tal-UE. Il-Prim Ministru huwa difensur tar-riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u tal-ixprunar tal-konverġenza ekonomika u soċjali fl-Ewropa. F’dawn l-aħħar xhur, huwa appella għal ġenerazzjoni ġdida ta’ politika ta’ konverġenza Ewropea, fejn investimenti maġġuri fl-isfidi globali u kontinentali – bħat-tranżizzjoni enerġetika, l-ekonomija ċirkolari u s-soċjetà diġitali – huma marbutin ma’ riformi speċifiċi għall-pajjiżi mmirati lejn it-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni soċjali.

Il-KtR ser jadotta riżoluzzjoni dwar l-Istħarriġ tat-Tkabbir Annwali tal-Kummissjoni Ewropea għall-2018 li hija mistennija li targumenta li t-tkabbir ekonomiku fl-UE qed jinżamm lura min-nuqqas ta’ apprezzament tar-reġjuni u d-disparità reġjonali u jenfasizza l-ħtieġa li l-investiment reġjonali tal-UE – politika ta' koeżjoni – jibqa’ l-għodda prinċipali ta’ investiment fl-UE. Politika oħra li kienet enfasizzata minn qabel mill-Prim Ministru Costa – is-Suq Uniku Diġitali – ser ikun is-suġġett ta’ reviżjoni mill-KtR mħejji minn Alin-Adrian Nica (RO/PPE) mill-Kontea ta’ Dudeștii Noi Timiș.

Isir Anqas b’Aktar Effiċjenza? Il-futur tal-Ewropa u t-tfassil aħjar tal-liġijiet

Frans Timmermans ser jindirizza l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fil-31 ta’ Jannar, xi ftit ġranet biss wara l-ewwel laqgħa tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità il-ġdida. It-Task Force, immexxija mill-Kummissarju tal-UE, qed taħdem biex tidentifika liema huma r-responsabiltajiet li jistgħu jitgħaddew lura lill-gvernijiet nazzjonali, u tikkunsidra modi biex ikunu involuti aħjar l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-politiki tal-UE. Il-KtR huwa rrappreżentat minn tliet membri tiegħu, inkluż il-President, fit-Task Force. Il-Kummissarju Timmermans ser jippreżenta l-programm ta’ ħidma annwali tal-Kummissjoni Ewropea u ser jiddiskuti fejn is-soluzzjonijiet lokali, reġjonali u nazzjonali huma possibbli u meta jinħtieġu soluzzjonijiet Ewropej.

B’rabta ma’ dan id-dibattitu, il-KtR ressaq riżoluzzjoni l-għada, li tista' turi “Karta ħamra tal-politika tas-sussidjarjetà” lill-proposti tal-Kummissjoni Ewropea li jorbtu l-Fondi Ewropej mar-riformi strutturali.

Il-baġit tal-UE u l-investiment reġjonali wara l-2020: l-opinjoni tal-bliet u r-reġjuni

Il-KtR ser jaqbel dwar il-pożizzjoni tal-gvernijiet lokali u reġjonali tal-Ewropa fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal wara l-2020 li jmiss – il-pjan baġitarju għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ politiki tal-UE qabel ma l-Kummissjoni Ewropea toħroġ il-proposti mistennija f’Mejju. Marek Woźniak (PL/PPE), Marixxall tar-reġjun ta’ Wielkopolski, ser jippreżenta l-opinjoni dwar id-Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE, fil-preżenza ta’ Tomislav Donchev, Viċi Prim Ministru tal-Bulgarija, li ser jistabilixxi wkoll il-prijoritajiet tal-Presidenza Bulgara tal-UE.

Matul is-sessjoni plenarja, il-membri tal-KtR ser jadottaw ukoll opinjonijiet oħra marbutin mal-politika ta’ koeżjoni:

• "Riżoluzzjoni dwar It-tibdil tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej biex jiġu appoġġjati r-riformi strutturali";

• "Lejn implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija mġedda tal-UE għar-reġjuni ultraperiferiċi " Relatur: Fernando Clavijo Batlle (ES/ALDE), President tal-Gżejjer Kanarji;

• "L-investimenti territorjali integrati – sfida għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE wara l-2020." Relatur: Petr Osvald (CZ/PSE) mill-kunsill ta’ Plzeň;

• "Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar is-Semplifikazzjoni għal wara l-2020.” Relatur: Oldřich Vlasák (CZ/KRE) mill-kunsill ta’ Hradec Králové

L-Ewropa attiva

'L-Ewropa attiva' hija ġabra wiesgħa ta’ inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea li għandha l-għan li tgħin fl-immodernizzar tal-mobilità u t-trasport tal-UE. Il-membri tal-KtR ser jiddiskutu l-implikazzjonijiet lokali u reġjonali tal-ewwel serje ta’ tmien inizjattivi leġislattivi mmirati speċifikament lejn it-trasport bit-triq. Ivan Žagar (SI/PPE), Sindku ta’ Slovenska Bistrica, jippreżenta l-abbozz ta’ opinjoni tiegħu dwar "Promozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ mobbiltà bla xkiel" b’enfasi fuq il-pedaġġi tat-toroq biex jirriflettu aħjar l-ispiża attwali tat-trasport bit-triq. It-tieni opinjoni, li r-relatur tagħha huwa Spyros Spyridon (GR/PPE) mill-kunsill ta’ Poros, tikkunsidra ‘Aspetti tax-xogħol fit-trasport bit-triq'.

Opinjonijiet oħrajn li għandhom jiġu adottati:

• "Erasmus għar-Rappreżentanti Lokali u Reġjonali", Relatur: François Decoster (FR/ALDE), Sindku ta’ St. Omer

• "Inizjattiva għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija blu fil-Punent tal-Mediterran." Relatur: Samuel Azzopardi (MT/PPE) mill-kunsill tar-Rabat.

• "Il-Futur tal-programm COSME wara l-2020: il-perspettiva reġjonali u lokali." Relatur: Robert Negoiţă (RO/PSE), Sindku tad-Distrett 3 ta’ Bucharest.

• "Il-promozzjoni tal-koeżistenza mal-ispeċijiet f’kunflitt fi ħdan il-qafas tad-Direttivi tal-UE dwar in-Natura." Relatur: Csaba Borboly (RO/PPE), Kap tal-kunsill ta' Harghita

Informazzjoni prattika:

Fejn: Bini Paul Henri Spaak – Emiċiklu, Parlament Ewropew

Meta: 31 ta’ Jannar, 3pm-9pm – 1 ta’ Frar 9am-1pm

• Ara l-aġenda & d-dokumenti tal-plenarja

• Ara x-xandir dirett tal-plenarja fuq l-internet fuq is-sit elettroniku tal-KtR

Programm tal-mezzi tax-xandir tas-Sessjoni Plenarja

Kuntatt: PresseCdr@cor.europa.eu

Ikkondividi: