Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-futur tal-Ewropa: ir-reġjuni u l-bliet se jiktbu l-kapitlu li jmiss tad-demokrazija Ewropea  

Fil-preżenza tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Dubravka Šuica, il-membri tal-KtR laqgħu l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għal Konvenzjoni biex jiġu riveduti t-Trattati tal-UE u impenjaw ruħhom li jaqdu r-rwol tagħhom biex jimplimentaw il-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

F’dibattitu mal-Viċi President tal-KE għad-Demokrazija u d-Demografija Dubravka Šuica, ir-rappreżentanti lokali u reġjonali laqgħu l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea għal Konvenzjoni biex jiġu riveduti t-Trattati tal-UE, kif espress mill-President tal-KE Ursula von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, kif ukoll il-konferma li l-panels taċ-ċittadini se jsiru karatteristika permanenti fil-proċess tat-tfassil tal-politika tal-UE. Fl-istess ħin, kif juri r-Rapport Annwali tal-UE għall-2022 dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet, l-Ewropa qed tiffaċċja diversi sfidi – mill-gwerra kontra l-Ukrajna sal-kriżi klimatika u enerġetika – li qed ipoġġu d-demokraziji, kif ukoll is-solidarjetà fl-UE, taħt l-akbar pressjoni. F’dan il-kuntest, ir-rappreżentanti lokali u reġjonali jinsistu li jinħtieġ segwitu konkret tal-konklużjonijiet li ħarġu mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, u li r-reġjuni u l-bliet ser jaqdu r-rwol tagħhom irrispettivament minn jekk ikunx hemm Konvenzjoni jew le.

Il-President tal-KtR Vasco Alves Cordeiro (PT/PSE) qal: “Aħna, ir-rappreżentanti lokali u reġjonali, nagħmlu parti mis-soluzzjoni u naħdmu biex insibu soluzzjonijiet ta’ kuljum. Kif iddikjarat mill-Barometru Reġjonali u Lokali, 89% tar-rappreżentanti lokali u reġjonali jridu li r-reġjuni u l-bliet ikollhom aktar influwenza fuq il-futur tal-Unjoni Ewropea. Nappellaw għal kooperazzjoni effiċjenti bejn l-istituzzjonijiet tal-UE fis-segwitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, bl-involviment sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż f’Konvenzjoni futura.”

Dubravka Šuica, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija u d-Demografija qalet: “L-avvenimenti ġeopolitiċi attwali jfakkruna li m’għandniex ħin x’naħlu biex nibnu r-reżiljenza demokratika minn ġewwa. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa msieħeb fundamentali fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Issa wasal iż-żmien li l-viżjoni tinbidel f’azzjonijiet konkreti, billi nibdew b’involviment akbar taċ-ċittadini. Il-Kummissjoni qed twitti t-triq: il-panels taċ-ċittadini se jsiru parti mit-tfassil tal-politika u l-għodod online tagħna qed jiġġeddu. Is-sena d-dieħla se nressqu pakkett dwar id-“Difiża tad-Demokrazija”, li jwieġeb direttament għall-proposti taċ-ċittadini. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali għal demokrazija qawwija u b’saħħitha. L-inizjattiva Nibnu l-Ewropa flimkien mal-Kunsilliera Lokali hija alleanza mingħajr preċedent mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Nistieden lill-membri kollha tal-Kumitat biex jikkontribwixxu għas-suċċess tagħha.”

Ir-rappreżentanti lokali u reġjonali laqgħu wkoll l-approvazzjoni mill-President tal-KE Ursula von der Leyen tas-sejħa tal-Parlament Ewropew għal Konvenzjoni biex jiġu riveduti t-Trattati, li ttenniet mill-Viċi President Šuica. Il-KtR kien diġà appoġġja din is-sejħa fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ġunju 2022 dwar l-eżitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. Konvenzjoni futura għandha tinvolvi bis-sħiħ lill-membri tal-KtR biex jiġu rappreżentati l-ilħna ta’ aktar minn miljun rappreżentant elett fil-livell reġjonali u lokali fl-Ewropa. Dan għandu jiġi rifless fil-kompożizzjoni tagħha, u jeħtieġ li jitqies ukoll il-fatt li xi wħud minn dawn ir-rappreżentanti jirrappreżentaw reġjuni b’setgħat leġiżlattivi

Peress li l-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni huma komponenti fundamentali tas-segwitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, il-membri tal-KtR jappoġġjaw bis-sħiħ il-konferma tal-Kummissjoni Ewropea li l-panels taċ-ċittadini, kif introdotti fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, se jsiru għodda permanenti għat-tfassil tal-politika futura tal-UE. F’dan ir-rigward, in-Network Ewropew tal-KtR ta’ Kunsillieri Reġjonali u Lokali tal-UE huwa kompletament operattiv u jaħdem f’sinerġija man-network tal-Kummissjoni Ewropea Nibnu l-Ewropa flimkien mal-Kunsilliera Lokali. Qed jiġu, jew se jiġu, organizzati avvenimenti lokali u djalogi maċ-ċittadini fl-UE kollha, b’mod partikolari fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej li jmiss.

Kuntest:

- Rapport Annwali tal-UE għall-2022 dwar l-Istat tar-Reġjuni u l-Bliet

- Barometru Reġjonali u Lokali Annwali 2022

- Riżoluzzjoni tal-KtR dwar Ir-riżultat u s-segwitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, flimkien ma’ reazzjonijiet u proposti, inkluż dwar ir-reviżjoni tat-Trattat u proposti marbutin mal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa rilevanti għall-KtR u għall-bliet u r-reġjuni.

- Riżoluzzjoni tal-KtR dwar Il-proposti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fid-dawl tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2023

Persuni ta’ kuntatt:

Monica Tiberi – Kelliema f’isem il-President

Tel. +32 479 51 74 43

monica.tiberi@cor.europa.eu

Marie-Pierre Jouglain – Uffiċjal tal-Istampa

Tel. +32 473 52 41 15

mariepierre.jouglain@cor.europa.eu

Ikkondividi :