Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-baġit tal-UE fil-ġejjieni: id-dgħufija tal-politika ta’ koeżjoni tirriskja li tikkomprometti l-ġejjieni tal-Ewropa  

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Karl-Heinz Lambertz, illum wissa li l-fondi ta’ koeżjoni tal-UE m’għandhomx jitnaqqsu u għandhom ikomplu jkunu disponibbli għar-reġjuni u l-bliet kollha jekk l-Unjoni Ewropea tixtieq ġejjieni aktar magħqud, inklużiv, aktar ekoloġiku u prosperu. Il-President Lambertz kien qed jirreaġixxi għal dokument maħruġ illum mill-Kummissjoni Ewropea li jistabbilixxi l-għażliet għall-baġit tal-UE wara l-2020, u jinkludi tnaqqis sinifikanti tal-fondi għall-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

B’referenza għall-istqarrijiet tal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea li jirrikonoxxu l-valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni, u iżjed reċentement l-appoġġ tal-gvernijiet Portugiżi, Taljani u Ġermaniżi, il-President Lambertz qal, "Il-baġit li jmiss tal-UE se jiddefinixxi l-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea. Bħala l-għodda ewlenija tal-UE għall-investiment u s-solidarjetà, il-politika ta’ koeżjoni toħloq l-impjiegi, tappoġġja l-SMEs, trawwem l-innovazzjoni u tindirizza t-tibdil fil-klima. Id-dgħufija tal-koeżjoni tikkomprometti l-unità futura tal-UE ta’ 27. Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-UE, li saret biss is-sena l-oħra, tappoġġja Ewropa li tippermetti lil kull livell ta’ gvern, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, isaħħu ‘l-potenzjal tal-Ewropa għall-innovazzjoni u t-tkabbir’. Il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni apertament jirrikonoxxu l-impatt pożittiv tal-politika ta’ koeżjoni, li hija r-raġuni għaliex il-baġit tal-UE li jmiss għandu jkompli jinvesti l-istess persentaġġ li attwalment irċieva fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, jiġifieri 34.2%.”

Peress li d-diskussjonijiet dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP) – li jistabbilixxi l-limiti annwali ta’ infiq għall-politiki kollha tal-UE għall-perjodu 2021–2027 – jinsabu fl-aġenda tal-laqgħa informali li jmiss tal-Kunsill tal-UE tat-23 ta’ Frar, u fid-dawl tal-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea hija mistennija fit-2 ta’ Mejju, il-gvernijiet lokali u reġjonali jinsabu mħassba li prijoritajiet ġodda – bħas-sigurtà u mal-migrazzjoni – se jwasslu għal tnaqqis fil-politika ta’ koeżjoni.

Il-President Lambertz tenna t-talba reċenti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – l-Assemblea tal-UE ta’ 350 mexxej lokali u reġjonali – li l-Istati Membri għandhom iżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit li jmiss tal-UE minn 1.1% għal 1.3% tad-Dħul Nazzjonali Gross, pożizzjoni li jikkondividi l-Parlament Ewropew. “Jekk irridu li l-Ewropa tkun waħda ta’ ambizzjoni neħtieġu baġit ta’ ambizzjoni. L-UE għandha tħabrek iżjed b’aktar: qatt mhu se niksbu Ewropa tabilħaqq soċjali, inklużiva u ekoloġika li ttejjeb ħajjet kull ċittadin jekk l-Istati Membri ma jikkontribwixxux iżjed għall-kaxxa tal-UE. Il-ġejjieni tal-Ewropa issa jinsab f’idejn il-mexxejja tal-UE27. Nittamaw li joħolqu baġit għall-poplu li jkun effettiv, flessibbli u ambizzjuż sabiex l-Ewropa tkun tista’ tindirizza l-isfidi tal-lum u tegħleb l-isfidi tal-ġejjieni”, kompla jgħid il-President.

Sabiex jippreżenta l-każ għal politika ta’ koeżjoni b’saħħitha għar-reġjuni u l-bliet kollha wara l-2020, il-Kumitat, flimkien mal-assoċjazzjonijiet ewlenin tal-UE li jirrappreżentaw ir-reġjuni u l-bliet, nieda il-#CohesionAlliance: moviment “grassroots” miftuħ għal kull min jemmen li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE trid tkompli tkun pilastru tal-futur tal-UE. Minn meta tnediet f’Ottubru tas-sena l-oħra, l-Alleanza attirat kważi 3 000 firmatarju, minn fost l-awtoritajiet reġjonali u lokali, il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-ministri tal-UE, l-assoċjazzjonijiet tan-negozji, l-akkademja, it-trejdjunjins u l-gruppi ta’ riflessjoni.

Kuntatt:

pressecdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :