Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Mill-għalqa sal-platt: nersqu lejn sistema tal-ikel sostenibbli u reżiljenti fl-UE  

F’din l-intervista, Guido Milana (IT/PSE) iwieġeb ħames mistoqsijiet dwar l-istrateġija l-ġdida “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u li ma tagħmilx ħsara lill-ambjent fl-UE. Il-kunsillier muniċipali ta’ Olevano Romano u l-eks Membru tal-Parlament Ewropew jappella għal bidla radikali fil-produzzjoni u l-konsum tal-ikel, li tibda b’bidla lejn sistemi ta’ produzzjoni aktar ekoloġiċi li jirrispettaw il-prinċipji tal-bijodiversità u l-ekoloġija. Ir-relatur tal-Opinjoni “Mill-għalqa sal-platt: id-dimensjoni lokali u reġjonali” enfasizza li l-pandemija tal-COVID-19 għamlet iktar urġenti l-bidla lejn sistema tal-ikel iżjed sostenibbli u reżiljenti. L-Opinjoni se tiġi adottata matul is- sessjoni plenarja ta’ Diċembru 2020 tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

L-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tipproponi miri ambizzjużi f’termini ta’ tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi, tal-fertilizzanti kimiċi u tal-antimikrobiċi, kif ukoll l-objettiv li 25% tal-art agrikola tintuża għal biedja organika, sabiex tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli. Dan huwa fattibbli meta wieħed iqis il-previżjonijiet tar-rata ta’ tkabbir tal-popolazzjoni?

Is-sistemi tal-ikel huma responsabbli għal madwar terz tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, il-biċċa l-kbira minnhom iġġenerati mill-produzzjoni agrikola. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-agrikoltura huwa ċertament il-prijorità. Madankollu, m’għandniex ninsew l-impatt fuq il-klima tal-oqsma l-oħrajn kollha tal-produzzjoni tal-ikel, bħall-imballaġġ, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni tal-prodotti. Għalhekk huwa essenzjali li l-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tipproponi miri ambizzjużi għat-tnaqqis tas-sustanzi niġġiesa. Jeħtieġ li nidderieġu s-sistemi ta’ produzzjoni b’mod effettiv lejn forom aktar ekoloġiċi li jirrispettaw il-prinċipji tal-bijodiversità u tal-ekoloġija. Neħtieġu bidla radikali fil-produzzjoni u l-konsum tal-ikel u alleanza qawwija bejn il-produtturi u l-konsumaturi. Madankollu, din il-bidla ma tistax isseħħ mil-lum għal għada, speċjalment jekk ma nagħtux biżżejjed għajnuna lill-produtturi eżistenti biex ibiddlu l-prattiki attwali tal-produzzjoni f’oħrajn aktar sostenibbli skont prattiki agroekoloġiċi ġodda. Fuq kollox, irridu nkomplu niffinanzjaw flussi ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali biex niżguraw tranżizzjoni sostenibbli. Fl-istess ħin, neħtieġu fokus strateġiku fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Essenzjalment, huma meħtieġa mhux biss penali u restrizzjonijiet, iżda wkoll pakkett ta’ politiki kkoordinati għall-promozzjoni ta’ forom ta’ produzzjoni ambjentalment u soċjalment sostenibbli, li huma wkoll remunerati kif imiss.

Il-politika agrikola komuni kif għandha tappoġġja l-ambizzjonijiet klimatiċi u ambjentali tal-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”u l-istrateġija għal-bijodiversità?

Il-politika agrikola komuni (PAK) hija għodda ewlenija għall-implimentazzjoni kemm tal-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” kif ukoll dik għall-bijodiversità. Il-PAK hija maħsuba biex tiżgura li l-produtturi jkunu protetti ekonomikament u tiffaċilita l-aċċess sikur għall-art agrikola, b’mod partikolari għall-produtturi żgħar u ta’ daqs medju l-aktar vulnerabbli. Hija mistennija wkoll li tipprovdi skemi ta’ inċentivi adatti li jimmotivaw lill-bdiewa jersqu lejn prattiki aktar ekoloġiċi. In-nuqqas ta’ ambizzjoni fir-riforma reċenti tal-PAK huwa ta’ dispjaċir, speċjalment fid-dawl tal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt. L-objettivi klimatiċi u ambjentali ma jistgħux jintlaħqu mingħajr riżorsi adegwati u investiment kbir fil-produzzjoni sostenibbli. Jeħtieġ li l-PAK tkun allinjata aħjar mal-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, mhux biss mil-lat ambjentali iżda wkoll f’termini ta’ politiki u strumenti kummerċjali internazzjonali u settorjali. Barra minn hekk, irridu nirrevedu wkoll l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) sabiex inbiddlu s-sistema tal-imposti u nibdew nikkunsidraw il-baħar bħala żona ewlenija li għandha tiġi kkultivata aktar milli bħala minjiera li minnha r-riżorsi tas-sajd sempliċement jitneħħew.

Kif jistgħu l-gvernijiet lokali u reġjonali jikkontribwixxu għall-bini ta’ sistemi tal-ikel aktar sostenibbli? Tista’ taqsam magħna xi eżempji ta’ inizjattivi mnedija fil-livell lokali?

Il-livelli lokali u reġjonali tal-governanza huma ideali għall-ittestjar. Tradizzjonalment dawn jantiċipaw l-istrateġiji implimentati fil-livell Ewropew u jistħoqqilhom ikunu aktar involuti issa. Il-korpi lokali u reġjonali fl-UE u fid-dinja ilhom iwettqu b’mod attiv politiki lokali dwar l-ikel għal għexieren ta’ snin, billi waqqfu kunsilli tal-politika dwar l-ikel jew saħansitra bijoreġjuni. Il-bliet u r-reġjuni wrew li jistgħu jużaw għodod ta’ ppjanar lokali u reġjonali u politiki lokali integrati biex jinkoraġġixxu forom ta’ agrikoltura urbana, ktajjen tal-provvista qosra u swieq reġjonali, jagħtu bidu għall-akkwist tal-ikel sostenibbli għall-ikel lokali, staġjonali u organiku fil-kantins pubbliċi, flimkien ma’ inizjattivi marbuta mal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini biex itejbu s-sistemi tal-ikel lokali. L-Istati Membri u l-UE għandhom isegwu l-eżempju tagħhom u jaħdmu flimkien mal-bliet u r-reġjuni biex ixerrdu l-prattiki tajba emerġenti fil-livell lokali. Il-komunikazzjoni, l-appoġġ u t-tagħlim reċiproku bejn il-livelli kollha tal-gvern huma meħtieġa aktar minn qatt qabel. Pereżempju, ix-xewqa tagħna hija li l-istrateġija proposta mill-Kummissjoni Ewropea tibni fuq l-eżempju ta’ mudelli parteċipattivi bħall-kunsilli għall-politika dwar l-ikel li twaqqfu f’ħafna awtoritajiet lokali u reġjonali.

Ix-xejriet attwali tal-konsum tal-ikel mhumiex sostenibbli, kemm mill-perspettiva tas-saħħa kif ukoll minn dik ambjentali. Dan kif jista’ jiġi rimedjat? Hija r-responsabbiltà purament tal-konsumaturi li jbiddlu d-dieti tagħhom?

Il-prattiki tal-konsum huma xprun importanti fit-tranżizzjoni tas-sistemi tal-ikel. Nistgħu naraw li l-bidla diġà qed isseħħ. Ħafna aktar konsumaturi huma aktar attenti u kritiċi fl-għażliet tal-konsum tagħhom. Madankollu, huwa importanti li nimxu lil hinn milli nipprovdu biss għal parti żgħira tal-pubbliku u niżguraw li l-għażliet tal-ikel tajbin għas-saħħa u kulturalment adatti jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Mhuwiex aċċettabbli li dawk li ma jaffordjawx jixtru ikel “tajjeb għas-saħħa” jkunu kostretti li jirċievu ikel insuffiċjenti jew ipproċessat ħafna. Jeħtieġ li niddefendu d-dritt ta’ kulħadd li jkollu aċċess għal ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli. Il-konsumaturi, inklużi l-aktar ġenerazzjonijiet vulnerabbli u żgħażagħ, jeħtieġu l-appoġġ tagħna, fil-forma ta’ edukazzjoni u informazzjoni preċiża u trasparenti, kif ukoll inċentivi biex jinbidlu x-xejriet tal-konsum. Madankollu, irridu wkoll ninkoraġġixxu u nappoġġjaw il-bidla billi nieħdu perspettiva olistika tas-sistema tal-produzzjoni tal-ikel, u nħeġġu l-produzzjoni u l-provvista fis-suq ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u affordabbli. Huma meħtieġa wkoll miżuri ta’ protezzjoni soċjali biex il-gruppi l-aktar vulnerabbli jkunu jistgħu jagħmlu għażliet ta’ ikel tajjeb għas-saħħa waħedhom.

Il-pandemija kif qed taffettwa s-sistemi tal-ikel lokali u reġjonali? Liema inizjattivi u miżuri ewlenin ġew stabbiliti biex isaħħu s-sistemi tal-ikel lokali u reġjonali b’reazzjoni għal din il-kriżi?

Il-pandemija ċertament wasslet għal fratturi u bidliet għal perjodu qasir u twil fis-sistemi tal-ikel lokali u globali. Hemm ħafna x’wieħed jista’ jgħid dwar l-effetti tal-kriżi. Waħda mill-aktar konsegwenzi importanti hija ż-żieda fl-inugwaljanzi f’termini ta’ aċċess għall-ikel u żieda esponenzjali fl-għadd ta’ ċittadini li jbatu minn faqar ekonomiku. Ċertament, din is-sitwazzjoni teħtieġ miżuri urġenti, inkluża azzjoni mill-awtoritajiet lokali u t-tielet settur biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel. Kif rajna matul il-kriżi finanzjarja tal-2008, iċ-ċikli ta’ kriżi huma prova tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel. Il-pandemija tal-COVID-19 tagħmilha saħansitra aktar urġenti li nħabirku favur sistema tal-ikel aktar sostenibbli u reżiljenti. Fuq medda qasira ta’ żmien, jeħtieġ li nġibu finanzjament u appoġġ biex nirkupraw mill-kriżi b’mod immirat u strateġiku, iżda m’għandniex ninsew il-ħtieġa għal viżjoni fit-tul biex inwettqu l-bidla. Aħna nemmnu bis-sħiħ li hemm lezzjonijiet siewja x’jinsiltu mill-kriżi tal-COVID-19. L-awtoritajiet lokali wrew li ħafna ċittadini bbenefikaw minn ktajjen tal-provvista qosra u ikel tajjeb għas-saħħa, u qattgħu aktar ħin matul il-perjodu ta’ kwarantina jsajru u jħejju ikel magħmul id-dar. Nittamaw li dawn il-prattiki tajbin għas-saħħa jkomplu u saħansitra jiżdiedu wara l-kriżi tal-COVID-19.

Kuntatt għall-Istampa: pressecdr@cor.europa.eu

Ikkondividi :