Hekk kif il-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija qed jogħlew, huwa meħtieġ aktar appoġġ għall-unitajiet domestiċi vulnerabbli, għall-ktajjen tal-provvista u għall-produzzjoni agrikola.
Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna qed thedded il-provvisti tal-ikel globali, kompliet tiddestabbilizza aktar is-swieq agrikoli u żiedet il-prezzijiet diġà għoljin tal-ikel, l-għalf, l-enerġija u l-fertilizzanti, li ġew aggravati mit-tfixkil eżistenti fil-ktajjen tal-provvista tal-ikel ikkawżat mill-pandemiji u l-effetti tal-kriżi klimatika. F’dan il-kuntest, il-membri tal-KtR iddiskutew kif is-sistema Ewropea tal-ikel tista’ ssir aktar sostenibbli u ppreparata għal kriżijiet futuri ma’ Janusz Wojciechowski, Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura, u l-MEP Marlene Mortler matul is-Sessjoni Plenarja tat-30 ta’ Novembru.
It-tisħiħ tas-sistemi tal-ikel lokali u reġjonali permezz ta’ investiment fi produzzjoni lokali sostenibbli u ta’ kwalità għolja, it-tqassir tal-ktajjen tal-provvista u l-implimentazzjoni ta’ strateġija fit-tul biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa kienu r-rakkomandazzjonijiet ewlenin mill-mexxejja lokali u reġjonali, inklużi fl-Opinjoni dwar is-sigurtà u r-reżiljenza tal-ikel immexxija minn Piotr Całbecki (PL/PPE). Barra dan, il-membri ma qagħdux lura milli jirreferu għall-isfidi aktar strutturali u fit-tul li jeħtieġ nindirizzaw b’mod urġenti sabiex inħejju għal kwalunkwe kriżi futura: il-ħtieġa li jiġu żviluppati pjani ta’ kontinġenza u strateġiji lokali u reġjonali għas-sigurtà tal-ikel; l-iżvilupp ulterjuri tar-regolazzjoni tas-swieq agrikoli biex jinbnew ħażniet agrikoli u biex jiġu evitati l-ispekulazzjonijiet finanzjarji.
Matul id-dibattitu, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Vasco Alves Cordeiro, qal: “Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-prezzijiet tal-enerġija, l-inflazzjoni, l-emerġenza klimatika, il-pandemija: dawn l-isfidi kollha qed ipoġġu lill-bdiewa Ewropej taħt pressjoni kbira, filwaqt li jnaqqsu b’mod drammatiku l-affordabbiltà tal-ikel. Il-kriżi tal-ikel li qed nesperjenzaw illum qed ikollha impatt drammatiku fuq l-unitajiet domestiċi vulnerabbli, b’numru kbir wisq ta’ Ewropej li ma jifilħux iħallsu għal ikla bnina. L-istituzzjonijiet Ewropej iżda wkoll l-awtoritajiet nazzjonali, lokali u reġjonali għandhom jaġixxu flimkien u jfasslu miżuri ta’ emerġenza effettivi, filwaqt li nkomplu bit-tranżizzjoni tagħna lejn ekonomija sostenibbli.”
Janusz Wojciechowski, Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura, qal: “Il-kriżi attwali tikkonferma biċ-ċar li jeħtieġ nindirizzaw l-isfidi għall-perjodu qasir ta’ żmien, filwaqt li nissoktaw bit-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel aktar sostenibbli u reżiljenti. Jeħtieġ li ntejbu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel tagħna, mhux biss għal raġunijiet ambjentali u klimatiċi, iżda wkoll biex niżguraw l-awtonomija strateġika tagħna u nnaqqsu d-dipendenzi tagħna. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom għarfien dirett ta’ dawn il-kwistjonijiet, u l-Kummissjoni Ewropea tilqa’ bis-sħiħ il-kooperazzjoni, il-kontributi u s-soluzzjonijiet tagħhom.”
L-MEP Marlene Mortler (DE/PPE) tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament Ewropew, qalet:
“Is-sigurtà globali tal-ikel hija sfida ewlenija. U l-isfidi globali jeħtieġu rispons globali.Il-Patt Ekoloġiku se jirnexxi bl-aħjar mod permezz tal-agrikoltura, li jfisser li minflok projbizzjonijiet u tnaqqis jeħtieġ inkabbru l-provvista permezz tal-innovazzjoni! Il-mistoqsija tal-lum u ta’ għada hija: kif nistgħu nipproduċu biżżejjed bijomassa għall-produzzjoni tal-ikel għal aktar persuni b’inqas art disponibbli, b’mod li jippreserva r-riżorsi u għalhekk sostenibbli”.
Piotr Całbecki (PL/PPE), ir-relatur tal-Opinjoni dwar “ Is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel”u President tar-Reġjun ta’ Kujawsko-pomorskie, qal: “Biex nissalvagwardjaw is-sigurtà tal-ikel tal-UE, jeħtieġ li nibnu fuq sistemi tal-ikel lokali reżiljenti. Dan ifisser: li nħeġġu produzzjoni tal-ikel reġjonali u lokali aktar varjata u l-isfruttar sħiħ tal-potenzjal tal-ktajjen tal-provvista lokali u l-akkwist pubbliku tal-ikel. Il-kriżi li qed niffaċċjaw illum mhijiex l-ewwel waħda u mhux se tkun l-aħħar. Għalhekk, jeħtieġ li nħejju aħjar għal kwalunkwe kriżi futura, inklużi dawk marbuta mat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità. Il-kriżi tal-lum trid tinħataf bħala opportunità biex innaqqsu d-dipendenza tagħna mill-inputs importati bħal fertilizzanti jew pestiċidi”.
Huwa indika wkoll li mijiet ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja jinsabu f’riskju ta’ karestija minħabba l-aggressjoni tar-Russja. Għalhekk, huwa kruċjali li jiġu involuti l-fornituri lokali tal-ikel, il-fertilizzanti u l-enerġija biex jinħolqu stokkijiet ta’ emerġenza u globali.
Fl-Opinjoni adottata, ir-rappreżentanti lokali jappoġġjaw it-tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista lokali u jenfasizzaw il-ħtieġa li jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku u tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” fil-prattika. Huma jitolbu wkoll l-iffinanzjar ta’ proġetti li jtejbu s-sigurtà tal-ikel fil-livell reġjonali u jappellaw għat-tisħiħ tal-biedja organika kif ukoll għal azzjoni sistemika biex titnaqqas il-ħela tal-ikel.
Informazzjoni ta’ sfond:
Xandira direttaonline: fuq is-sit web tal-KtR.
Persuna ta’ kuntatt:
Monica Tiberi – Kelliema f’isem il-President
Tel: +32 479 51 74 43
monica.tiberi@cor.europa.eu
Wioletta Wojewodzka
Tel. +32 (0) 473 84 39 86
wioletta.wojewodzka@cor.europa.eu