Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Pjattaforma Fit for Future: reviżjoni tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea biex nirreaġixxu aħjar għall-isfidi futuri  

Il-vuċi ta’ miljun politiku elett reġjonali u lokali se tingħata widen fil-proċess tal-abbozzar u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u se tikkontribwixxi biex jinstabu tweġibiet konkreti għat-tħassib taċ-ċittadini

L-ewwel laqgħa plenarja tal- Pjattaforma Fit for Future (F4F) , ippreseduta mill-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva Maroš Šefčovič, saret ma’ tliet membri tal-KtR, Mark Speich (DE/PPE), Anne Karjalainen (FI/PSE) u Ulrika Landergren (SE/Renew Europe). Il-pjattaforma F4F hija l-istrument ewlieni tal- Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni Ewropea, li għandha l-għan li tnaqqas il-piżijiet amministrattivi bla bżonn għaċ-ċittadini u n-negozji, u tgħin biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tibqa’ valida fil-futur, tkun aktar diġitali u tkun f’pożizzjoni aħjar biex tindirizza l-isfidi futuri. Il-livell lokali u reġjonali tal-gvern, li huwa l-eqreb għaċ-ċittadini, huwa rrappreżentat fil-laqgħat tal-pjattaforma F4F fil-fażijiet bikrija tal-abbozzar u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Din hija waħda mill-kisbiet tal-ħidma tal-KtR fit- Task Force dwar is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità .

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa preżenti fil-grupp tal-Gvern tal-pjattaforma F4F permezz ta’ tlieta mis-sitt presidenti tal-kummissjonijiet tal-KtR tiegħu, flimkien ma’ 27 rappreżentant tal-gvern mill-Istati Membri tal-UE. In-network ta’ Ċentri Reġjonali tal-KtR (RegHubs) li jiġbor informazzjoni mill-bliet u r-reġjuni permezz ta’ konsultazzjonijiet immirati u jikkompilaha f’rapporti ta’ implimentazzjoni ta’ politiki magħżula tal-UE huwa wieħed mis-sottogruppi tal-pjattaforma.

Din l-ewwel laqgħa plenarja tal-pjattaforma kienet opportunità għal diskussjoni preliminari dwar suġġetti għall-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-2021, li se jiġi ffinalizzat sa tmiem is-sena. Saru wkoll skambji ulterjuri dwar kif il-Pjattaforma se taħdem fil-prattika u r-regoli ta’ proċedura tagħha.

Mark Speich (DE/PPE) , Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Federali, Ewropej u Internazzjonali (Nordrhein-Westfalen) u President tal-Kummissjoni tal-KtR għaċ-Ċittadinanza, il-Governanza u l-Affarijiet Istituzzjonali u Esterni ( CIVEX ) dwar il-pjattaforma l-ġdida F4F: “ L-esperjenzi u l-għarfien espert tar-reġjuni u l-bliet Ewropej għandu jkollhom rwol ewlieni fit-titjib kontinwu tal-leġiżlazzjoni tal-UE . Ninsab kuntent li issa l-Pjattaforma l-ġdida Fit4Future ttina l-opportunità li ninkludu l-perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-aspettattivi taċ-ċittadini għall-pjattaforma Fit for Future huma għoljin ħafna. Fl-aħħar nett, in-nies jixtiequ jaraw ir-riżultati prattiċi ta’ ħafna avviżi politiċi. Din hija r-raġuni għaliex huma interessati ħafna f’dak li nagħmlu u f’dak li niksbu. Fi tmiem il-mandat tagħna rridu nuru li ksibna r-riżultati. Ir-reġjuni Ewropej u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jilħqu dawn l-aspettattivi.”

Is-suġġetti diskussi fir-rigward tal-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-2021, li għalih l-esperjenza diretta tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tista’ tgħin biex jiġu identifikati ostakli possibbli u problemi speċifiċi fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni kienu: it-tnaqqis tal-piż amministrattiv fir-rigward ta’ proċeduri ta’ tikkettar, awtorizzazzjoni u permessi, pereżempju fl-oqsma tal-agrikoltura jew is-saħħa, l-għajnuna mill-Istat jew l-infrastruttura; l-identifikazzjoni ta’ regoli tal-UE li joħolqu inkoerenza, kumplessità bla bżonn u d-duplikazzjoni; is-semplifikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar mill-benefiċjarji tal-proġetti fejn jista’ japplika l-prinċipju ta’ “darba biss”; l-appoġġ tan-negozji fl-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet diġitali u l-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku.

Ulrika Landergren (SE/Renew Europe) , Membru, Kunsill Muniċipali ta’ Kungsbacka fl-Iżvezja u President tal-Kummissjoni tal-KtR għar-Riżorsi Naturali (NAT) ħadet l-impenn li tikkontribwixxi għas-suġġetti proposti mill-Kummissjoni Ewropea: “ Ir-reġjuni u l-bliet jinsabu fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE. Għalhekk il-KtR jinsab f’pożizzjoni tajba biex jgħin lill-Pjattaforma tidentifika leġiżlazzjoni li tista’ tibbenefika minn aktar diġitalizzazzjoni u semplifikazzjoni. Dan jgħodd ukoll biex jiġu enfasizzati r-regoli tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mar-rapportar, it-tikkettar, l-awtorizzazzjoni u l-proċeduri ta’ permessi”.

Anne Karjalainen (FI/PSE) , Kunsillier tal-Belt ta’ Kerava, President tal-Kummissjoni għall-Politika Soċjali, l-Edukazzjoni, l-Impjieg, ir-Riċerka u l-Kultura (SEDEC) tal-KtR żiedet tgħid: “ L-approċċ prattiku mill-Kummissjoni Ewropea, li jittraduċi l-impenn tagħha li tippromovi approċċ ta’ sussidjarjetà attiva, huwa apprezzat ferm. Il-KtR se jimmobilizza n-networks tiegħu, u se jibda bil-pjattaforma RegHub, biex jipprovdi lill-proċess Fit-for-Futur leġittimità territorjali u għarfien espert mil-livell lokali. U għandna nieħdu ħsieb li s-siġar ta’ diskussjoni ta’ leġiżlazzjoni dettaljata ma jostrux il-foresta ta’ proċess inklużiv li jwassal għal leġiżlazzjoni adatta biex tindirizza l-isfidi ewlenin tal-UE ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali soċjalment ġusti”.

Din il-laqgħa tal-pjattaforma F4F se tiġi segwita mill-votazzjoni ta’ riżoluzzjoni dwar il-programm ta’ ħidma tal-KE għall-2021 u dibattitu fejn il-Viċi President Šefčovič se jippreżenta l-Programm ta’ Ħidma tal-KE għall-2021 u l-ewwel previżjoni strateġika tal-UE fl-10 ta’ Diċembru fil-Plenarja tal-KtR.

Sfond:

Il- Pjattaforma Fit for Future tnediet fil-11 ta’ Mejju 2020. Din tikkonsisti fi grupp ta’ esperti ta’ livell għoli li jgħin lill-Kummissjoni Ewropea fl-isforzi tagħha biex tissemplifika l-liġijiet u tnaqqas il-piż u l-ispejjeż amministrattivi mhux meħtieġa b’rabta ma’ dan. Il-Kummissjoni Ewropea se tqis l-opinjonijiet tal-Pjattaforma biex tiżgura li l-liġijiet tal-UE jgħinu, u mhux ifixklu, lin-nies u lin-negozji, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-ħidma tal-Pjattaforma se tiffoka fuq suġġetti enfasizzati fi programm ta’ ħidma annwali. Għal kull suġġett, il-Pjattaforma se tiġbor data, evidenza u input dwar il-potenzjal għas-semplifikazzjoni u t-tnaqqis ta’ spejjeż bla bżonn ta’ liġijiet speċifiċi tal-UE mingħajr ma timmina l-kisba tal-objettivi tagħhom. Wara, il-pjattaforma se toħroġ opinjonijiet li jqisu wkoll l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni u d-densità leġiżlattiva. Dawn l-isforzi huma parti mill-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni Ewropea.

It-Task Force tal-KtR dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li "Isir inqas b’mod iktar effiċjenti” twaqqfet mill-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2017 bl-objettivi li ġejjin:

- tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu applikati aħjar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità

- tidentifika oqsma ta’ politika fejn ix-xogħol jista’ jiġi ddelegat mill-ġdid jew irritornat b’mod definittiv lill-Istati Membri tal-UE

- issib modi kif tinvolvi aħjar lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tfassil u t-twettiq tal-politika tal-UE

It-Task Force kienet ippreseduta mill-ewwel Viċi President tal-Kummissjoni, Franz Timmermans, u kienet magħmula minn tliet rappreżentanti tal-KtR u tliet membri tal-Parlament Ewropew.

It-Task Force ppreżentat ir-rapport finali tagħha fl-2018 imsejjaħ “Sussidjarjetà attiva. Mod ġdid ta’ ħidma” li jibni fuq il-kunċett ta’ “ sussidjarjetà attiva ” li għandu l-għan li jiżgura li l-kontribut tal-livell lokali u reġjonali jitqies bis-sħiħ sabiex jiġi żgurat li l-UE tagħti valur miżjud adegwat fl-istadji kollha tat-tħejjija, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

In- Network ta’ Ċentri Reġjonali tal-KtR  (RegHub) huwa network ta’ reġjuni u bliet Ewropej li jevalwa l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. In-network bħalissa jikkonsisti f’36 “punt ta’ kuntatt” iddedikat. Dawn huma membri tal-persunal ta’ amministrazzjoni lokali jew reġjonali li jiġbru feedback tekniku mill-partijiet interessati dwar l-esperjenza tagħhom ta’ implimentazzjoni “fuq il-post” tal-politiki eżistenti tal-UE. Għaldaqstant, in-network iżid il-perspettiva lokali u reġjonali fit-tfassil tal-politika tal-UE u jkabbar il-bażi ta’ evidenza tagħha.

Kuntatt:

Marie-Pierre Jouglain

Mob: +32 (0)473 52 41 15

mariepierre.jouglain@cor.europa.eu

Share: