B’reazzjoni għall-pakkett tal-Kummissjoni Ewropea “Lesti għall-mira ta' 55%” li għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju tal-UE b’55% sal-2030, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jappella sabiex ir-regoli l-ġodda u aġġornati jiżguraw rwol ċentrali u finanzjament dirett għall-bliet u r-reġjuni li għandhom kompetenzi legali u huma qrib iċ-ċittadini fit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.
Il-pakkett dwar il-klima propost illum mill-Kummissjoni Ewropea għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet mill-industrija, mill-bini, mit-trasport u mill-użu tal-art, u se jkollu implikazzjonijiet sinifikanti għar-reġjuni, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej kollha, kif ukoll iwettaq fil-prattika l-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. B’viżjoni mġedda għall-ipprezzar tal-karbonju bħala l-punt fokali, huwa importanti li l-pakkett jikkontribwixxi għall-koeżjoni territorjali. Il-pakkett jenħtieġ li jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ kull territorju, u jżid l-involviment, l-allokazzjoni tad-dħul u l-aċċess għal finanzjament dirett għall-investimenti ekoloġiċi u n-nefqa soċjali klimatika għal dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ 90% tal-azzjonijiet tal-adattament għall-klima u 70% tal-azzjonijiet tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima.
Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Gvernatur tar-Reġjun tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja, qal: “ It-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn in-newtralità klimatika se tinkiseb biss jekk il-ħtiġijiet tan-nies tpoġġihom fil-qalba tagħha, tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ kull territorju u ma tħalli l-ebda persuna jew reġjun jitħallew jibqgħu lura. Irridu nibdew billi nnaqqsu l-burokrazija, u niżguraw li l-gvernijiet lokali u reġjonali tal-Ewropa jkollhom aċċess dirett għall-fondi tal-UE. L-Ewropa għandha bżonn irkupru ekoloġiku u ekwu li jindirizza l-emerġenza klimatika, isaħħaħ ir-reżiljenza, jappoġġja l-innovazzjoni u joħloq impjiegi lokali. Fejn għandhom kompetenzi – bħal fl-effiċjenza enerġetika fil-bini, it-trasport sostenibbli, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku – jeħtiġilna nawtonomizzaw lill-bliet, lir-reġjuni u liċ-ċittadini kollha tagħna sabiex it-tranżizzjoni ekoloġika tiġi aċċellerata. Huwa għalhekk li varajna kampanja madwar l-Ewropa kollha – Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali ” .
Is-Sindku ta’ Sevilja, Juan Espadas (PSE/ES), President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali , iddikjara: “ Il-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55%” huwa l-punt tat-tluq ta’ rivoluzzjoni ġdida tal-klima. Dan għandu jkun ambizzjuż iżda nafu li dan kollu għandu prezz. Ir-realtà tat-tibdil fil-klima se tolqot lil kull persuna u lil kull territorju, iżda se jintlaqtu l-ewwel dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Dwar l-akkomodazzjoni, il-mobbiltà, l-enerġija, u aktar, biex inkunu “lesti għall-mira ta' 55%” għandna rwol kbir x’naqdu biex niżguraw li l-ekwità u l-appoġġ soċjali b’saħħtu jkunu garantiti b’mod li l-ebda persuna u l-ebda post ma jitħallew jibqgħu lura.”
Bis-sett il-ġdid u aġġornat ta’ liġijiet dwar l-enerġija u l-klima, l-UE għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet b’55% sal-2030 u tilħaq bilanċ ta’ newtralità klimatika sal-2050. Il-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55%” huwa pilastru ewlieni tal-istrateġija tal-Unjoni dwar l-azzjoni klimatika u t-tkabbir. Dan fih 13-il proposta leġiżlattiva li jindirizzaw aspetti differenti tat-tranżizzjoni ekoloġika, bi skema għan-negozjar ta' kwoti ta' emissjonijiet rivitalizzata bħala l-pedament tiegħu. Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar in-negozjar ta' kwoti ta' emissjonijiet għandha l-għan li tintroduċi n-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini u tat-trasport bit-triq, fejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kemm l-għarfien espert kif ukoll il-kompetenzi biex jilħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u ta’ tranżizzjoni soċjalment ġusta.
Ir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa jeħtiġilhom li jiġu rikonoxxuti fi ħdan il-Fond Soċjali għall-Klima, flimkien mal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, peress li ċentralizzazzjoni żejda tista’ thedded il-koeżjoni territorjali u l-ekwità soċjali tat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-pakkett “Lesti għall-mira ta' 55%” jikkonċerna wkoll l-effiċjenza enerġetika tal-bini u, b’rabta ma’ dan, f’Marzu 2021 tnediet kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea.
Aġġornamenti tal-liġijiet eżistenti tal-UE b’rabta mal-pakkett "Lesti għall-mira ta' 55 %":
- Reviżjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta' kwoti ta' emissjonijiet (EU ETS)
- Reviżjoni tar-Regolament dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF)
- Reviżjoni tar-Regolament dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi (ESR)
- Emenda għad-Direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli (RED)
- Emenda għad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija (EED)
- Reviżjoni tad-Direttiva dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (AFID)
- Emenda tar-Regolament dwar l-iffissar ta’ standards tal-emissjonijiet tas-CO 2 għall-karozzi u l-vannijiet
- Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-tassazzjoni fuq l-enerġija
Proposti leġiżlattivi ġodda dwar “Lesti għall-mira ta' 55 %”:
- Strateġija ġdida tal-UE għall-foresti
- Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera
- Faċilità Soċjali għall-Azzjoni Klimatika
- ReFuelEU Aviation – dwar fjuwils sostenibbli tal-avjazzjoni
- FuelEU Maritime – dwar l-ekoloġizzazzjoni tal-ispazju marittimu Ewropew
Persuna ta' kuntatt:
David Crous
david.crous@cor.europa.eu
+32 (0) 470 88 10 37