Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
“Mill-għalqa sal-platt”: ir-reġjuni u l-bliet jridu jkunu involuti ‎ biex jappoġġjaw il-produtturi, il-protezzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra l-faqar tal-ikel wara l-kriżi  

Il-KtR jappella għal konsistenza sħiħa tal-istrateġija tal-UE mal-Politika Agrikola Komuni u mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet l-interrelazzjonijiet profondi bejn is-saħħa pubblika, l-ekosistemi u s-sistemi tal-ikel. F’Opinjoni mfassla minn Guido Milana (IT/PSE) u adottata mill-plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), il-mexxejja lokali u reġjonali jilqgħu l-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” iżda jappellaw għal enfasi akbar fuq ktajjen tal-provvista qosra u fuq forom ta’ produzzjoni lokali u reġjonali, ibbażati fuq il-benessri tal-annimali u l-ambjent, u l-kwalità nutrittiva.

L-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal ikel sostenibbli hija pilastru kemm tal-Patt Ekoloġiku Ewropew – inizjattiva ewlenija tal-UE – kif ukoll tal-pjan ta’ rkupru tal-UE. L-istrateġija ġiet ippreżentata fl-20 ta’ Mejju 2020 mill-Kummissjoni Ewropea u se tkopri kull ħolqa fil-katina tal-ikel, mill-produzzjoni sal-konsum. Għandha l-għan li tibni sistema tal-ikel sostenibbli fl-UE li tissalvagwardja s-sigurtà tal-ikel u tipproteġi s-saħħa tan-nies u l-ambjent.

Permezz tal-Opinjoni Mill-għalqa sal-platt – id-dimensjoni lokali u reġjonali , abbozzata minn Guido Milana (IT/PSE), membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Olevano Romano (Ruma) u eks Membru tal-Parlament Ewropew, il-KtR jenfasizza li huwa essenzjali li l-Politika Agrikola Komuni (PAK) u l-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) wara l-2020 ikunu allinjati bis-sħiħ mal-objettivi u l-miri tal-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" Il-Bijodiversità għall-2030 .

L-Istrateġija 'Mill-Għalqa sal-Platt' tista’ tgħin biex l-aċċess għall-ikel – kwistjoni bażika iżda fundamentali – jerġa’ lura fil-qalba tad-dibattitu politiku. Il-pandemija fil-fatt żiedet l-inugwaljanzi u jeħtieġ li nagħmlu s-sistemi tal-ikel aktar ekwi u sostenibbli. Madankollu, in-nuqqas ta’ ambizzjoni fir-rieżami tal-PAK ifisser li dan kollu huwa f’riskju u jiddispjaċina dwar dan in-nuqqas ta’ koerenza ,” qal ir-relatur Milana.

Il-KtR jappoġġja l-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" u l-miri mressqa mill-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-pestiċidi, tal-fertilizzanti kimiċi u tal-antimikrobiċi kif ukoll dwar iż-żieda fil-biedja organika. Barra minn hekk, il-KtR jappella għal valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa tal-miri kwantifikati u għall-monitoraġġ tal-progress miksub.

Sabiex tiġi promossa d-dimensjoni lokali u reġjonali, il-KtR jirrimarka li l-akkwist pubbliku tal-ikel huwa wieħed mill-elementi ewlenin biex it-trasformazzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli ssir fil-livell lokali u reġjonali. Il-kapaċità tal-akkwist tal-awtoritajiet pubbliċi tirrappreżenta 14% tal-PDG tal-UE. Għaldaqstant, l-akkwist pubbliku jista’ jservi bħala xprun b’saħħtu tad-domanda għal prodotti sostenibbli. Id-domanda istituzzjonali hija importanti biex jiżdied l-użu tal-ikel sostenibbli u biex jinfetħu l-opportunitajiet tas-suq għal fornituri żgħar.

Ir-reġjuni u l-bliet jistgħu jaġixxu bħala atturi ewlenin fit-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel aktar sostenibbli. B’hekk, jeħtieġ li jkunu involuti fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Istrateġija. Sabiex jitqiesu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom, l-awtoritajiet reġjonali għandhom ikunu jistgħu jkomplu jwettqu r-rwol tagħhom bħala awtoritajiet ta’ ġestjoni u jkunu involuti fit-tfassil tal-ekoskemi kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali.

Aqra l-intervista ma’ Guido Milana, relatur dwar l-istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt"

Persuna ta’ kuntatt:

Matteo Miglietta

Tel. +32 470 895 382

matteo.miglietta@cor.europa.eu

Gallerija taL-Flickr tal-KtR

Ikkondividi :