Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-Ewropa mhux se tikseb newtralità klimatika sal-2050 mingħajr il-bliet u r-reġjuni tagħha  
Il-Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima jonqsu milli jintegraw lill-gvernijiet lokali u reġjonali

Qabel l-ewwel seduta tal-Parlament Ewropew, l-opinjoni pubblika qed issawwar dejjem aktar id-dibattitu dwar il-klima. Hekk kif il-protesti ta’ kull ġimgħa jfakkru, l-ambizzjoni fil-qasam tal-klima bħalissa mhijiex biżżejjed biex jitreġġa’ lura t-tisħin globali. Bl-istess mod, il-bliet u r-reġjuni tal-UE qed jappellaw għal miri ogħla u iżjed riżorsi biex titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija sostenibbli tal-Ewropa. Fir-rigward tal-Pjani Nazzjonali tal-Istati Membri għall-Enerġija u l-Klima, il-KtR jikkundanna n-nuqqas ta’ djalogu permanenti f’diversi livelli mal-gvernijiet lokali u reġjonali kif speċifikat mill-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adotta b’unanimità l-Opinjoni ta’ Michele Emiliano (IT/PSE) , President tar-Reġjun tal-Puglia, dwar “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” . L-Opinjoni tinkludi sett ta’ proposti li jikkontribwixxu għall- istrateġija tal-UE dwar in-newtralità f'termini tal-impatt fuq il-klima sal-2050 Ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Karl-Heinz Lambertz , qal: “L-Ewropa mhix se tilħaq in-newtralità klimatika mingħajr l-involviment tal-bliet u r-reġjuni. Il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija tistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu djalogi permanenti f’diversi livelli li jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-definizzjoni ta’ Pjani Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima. Madankollu, huma naqsu b’mod ċar. Jekk l-UE trid tagħmel it-tranżizzjoni għal enerġija nadifa b’suċċess, huwa kruċjali li l-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom għal Ewropa newtrali għall-klima sal-2050, kif ukoll jinvolvu b’mod permanenti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp tal-pjani tagħhom ta’ azzjoni dwar il-klima u l-enerġija.”

Il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika u l-Enerġija, Miguel Arias Cañete , qal: “Nixtieq nifraħ lill-mexxejja reġjonali u lokali għall-ħidma importanti tagħhom dwar il-klima, l-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli. Bosta reġjuni u bliet stabbilixxew miri aktar ambizzjużi għall-2030 mill-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. B’aktar minn 9 000 belt, il-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija huwa l-akbar inizjattiva tal-bliet u l-bliet żgħar, il-provinċji u r-reġjuni li twassal għat-tranżizzjoni tal-enerġija. Issa qegħdin nipproponu opportunitajiet ta’ finanzjament aħjar għall-bliet u r-reġjuni biex jimplimentaw miżuri ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima, fosthom 35% ta’ Orizzont Ewropa, il-programm il-ġdid LIFE ta’ ħames biljuni euro kif ukoll il-programm InvestEU – is-suċċessur tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi – li fir-rigward tiegħu qegħdin nipproponu 30% biex jiġu appoġġati l-għanijiet tal-klima.”

Ir-relatur Michele Emiliano (IT/PSE) , President tar-Reġjun tal-Puglia qal: “Il-bliet u r-reġjuni qegħdin jikkontribwixxu biex jistabbilixxu triq storika lejn pjaneta nadifa għal kulħadd. L-emerġenza klimatika tolqotna lkoll u tqiegħed responsabbiltà kbira fuq spallejna. L-Opinjoni tiegħi adottata llum fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni tafferma l-ħtieġa li tinkiseb in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050. Ir-reġjuni u l-bliet huma lesti li jagħmlu l-parti tagħhom. Madankollu, ma nistgħux ngħidu l-istess għall-Kunsill Ewropew peress li l-ġimgħa li għaddiet, xi Stati Membri naqsu milli jimpenjaw ruħhom għal dan il-għan. Għandna bżonn approċċ minn isfel għal fuq jekk irridu verament nindirizzaw il-kriżi klimatika u noħolqu Ewropa aktar ġusta u sostenibbli, li ma tħalli lil ħadd barra.”

Il-KtR jappella li jiżdied is-sehem tal-baġit tal-UE li jintefaq fuq il-klima għal mill-inqas 30%, filwaqt li jfakkar fl-importanza ta’ “tassazzjoni fuq l-enerġija” effettiva biex jiġi żgurat rispons koordinat, koerenti u f’waqtu għat-tibdil fil-klima.

Il-membri jappoġġjaw ir-reviżjoni tal-mira ta’ 32% għall-enerġija rinnovabbli fil-livell tal-UE fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi bil-għan li tintlaħaq il-mira ta’ 40% sal-2030 sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050.

Il-KtR jipproponi l-ħolqien ta’ “Osservatorju Ewropew dwar in-newtralità klimatika”, immirat lejn l-immappjar u l-monitoraġġ tal-vulnerabbiltajiet tat-territorji differenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Il-membri jiddikjaraw id-disponibbiltà tagħhom biex jikkooperaw mal-Kummissjoni Ewropea fi ħdan struttura għal skambji tekniċi rigward l-implimentazzjoni tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa.

L-assemblea tal-UE tal-bliet u tar-reġjun tappella biex ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali jiġu involuti b’mod sistematiku fl-implimentazzjoni tal-SDGs, tal-Ftehim ta’ Pariġi u tal-ħidma preparatorja tal-COP25, inkluż rappreżentant tal-KtR bħala osservatur fil-korpi kollha tal-UNFCCC.

L-Opinjoni tal-KtR tenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-rabta bejn il-politiki dwar il-klima u l-kwalità tal-arja u l-impatt dirett li dawn għandhom fuq saħħet iċ-ċittadini. Il-membri jaqblu dwar il-fatt li d-dekarbonizzazzjoni hija l-aktar politika preventiva effettiva għall-ħarsien ta' saħħet iċ-ċittadini. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tistma li l-għadd ta’ mwiet prematuri li jseħħu fl-Ewropa minħabba t-tniġġis tal-arja jammonta għal 483 000 kull sena.

L-Istati Membri ppreżentaw l-abbozzi tal-Pjani Nazzjonali tagħhom għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) fil-31 ta’ Diċembru 2018.

L-NECPs jinkludu l-għodod ta’ ppjanar tal-pajjiżi biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija, prinċipalment il-miri tal-enerġija u tal-klima tal-2030. Il-ġimgħa l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il- valutazzjonijiet tal-NECPs tal-pajjiżi individwali . L-NECPs finali jridu jaslu sa tmiem din is-sena.

Informazzjoni ta’ sfond

Ir-ritratti tal-laqgħa tas-Sessjoni Plenarja jistgħu jitniżżlu hawnhekk .

Il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija tispeċifika li “l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu pjattaforma permanenti għad-djalogu f’diversi livelli dwar l-enerġija li tiġbor flimkien l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunità tan-negozju, l-investituri u partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn biex jiddiskutu l-alternattivi differenti previsti għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija. Il-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima kif ukoll l-istrateġiji fit-tul għall-klima u l-enerġija jenħtieġ li jiġu diskussi fil-qafas ta’ dik il-pjattaforma.” Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija (Jannar 2018) .

Hawnhekk għandek issib l-istqarrija għall-istampa tal-KE li tħabbar il-valutazzjoni tal-NECPs u hawnhekk l-analiżi skont il-pajjiż . Abbażi ta’ din l-analiżi, l-Istati Membri issa se jirrevedu l-istrateġiji tagħhom u jissottomettu verżjonijiet finali sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2019.

Fit-28 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat viżjoni strateġika fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima sal-2050.

L-istrateġija turi kif l-Ewropa tista’ tmexxi t-triq lejn in-newtralità klimatika billi tinvesti f’soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi, billi tawtonomizza liċ-ċittadini, u tikkoordina l-azzjoni f’oqsma ewlenin bħall-enerġija, il-politika industrijali, il-finanzi u r-riċerka, filwaqt li tiżgura l-ekwità soċjali għal tranżizzjoni ġusta.

Wara s-sejħiet mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew, il-viżjoni tal-Kummissjoni għal futur newtrali għall-klima tkopri kważi l-politiki kollha tal-UE u hija konformi mal-objettiv tal- Ftehim ta’ Pariġi li ż-żieda fit-temperatura globali tinżamm sew taħt iż-2 C u li jsiru sforzi biex tinżamm sa 1.5 C .

Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima

Analiżi fil-fond li takkumpanja l-Komunikazzjoni

Stqarrijiet għall-Istampa: Il-Kummissjoni titlob biex, sal-2050, l-Ewropa tkun newtrali f’termini tal-impatt tagħha fuq il-klima

Mistoqsijiet u Tweġibiet: Strateġija fit-tul għal Pjaneta Nadifa għal Kulħadd

Kuntatt: David Crous | david.crous@cor.europa.eu | Tel. +32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/WE-NEED-TO-BUILD-A-RESILIENT-AGRICULTURAL-SYSTEM-EU-REGIONAL-AND-LOCAL-LEADERS-URGE.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPE-WILL-NOT-REACH-CLIMATE-NEUTRALITY-BY-2050-WITHOUT-ITS-CITIES-AND-REGIONS.ASPX

We need to build a resilient agricultural system, EU regional and local leaders urge
We need to build a resilient agricultural system, EU regional and local leaders urge
02.06.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREEN-DEAL-GOING-LOCAL-WORKING-GROUP-ON-MULTIGOVERNANCE.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPE-WILL-NOT-REACH-CLIMATE-NEUTRALITY-BY-2050-WITHOUT-ITS-CITIES-AND-REGIONS.ASPX

Multilevel governance is key to EU's climate ambitions
Multilevel governance is key to EU's climate ambitions
31.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/BETTER-PREPARE-FUTURE-CRISES-EXTREME-EVENTS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPE-WILL-NOT-REACH-CLIMATE-NEUTRALITY-BY-2050-WITHOUT-ITS-CITIES-AND-REGIONS.ASPX

Europe needs to better prepare local communities to deal with future crises and extreme events
Europe needs to better prepare local communities to deal with future crises and extreme events
24.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/155-PLENARY-ANNOUNCEMENT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPE-WILL-NOT-REACH-CLIMATE-NEUTRALITY-BY-2050-WITHOUT-ITS-CITIES-AND-REGIONS.ASPX

On cities' and regions' agenda: Ukraine's reconstruction, crises management, EU budget
On cities' and regions' agenda: Ukraine's reconstruction, crises management, EU budget
23.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-TARGETS-FOR-WASTEWATER-TREATMENT-AND-AIR-QUALITY.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EUROPE-WILL-NOT-REACH-CLIMATE-NEUTRALITY-BY-2050-WITHOUT-ITS-CITIES-AND-REGIONS.ASPX

Regions and cities need support to comply with ambitious EU targets for wastewater treatment and air quality
Regions and cities need support to comply with ambitious EU targets for wastewater treatment and air quality
11.05.2023