Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-isfidi demografiċi tal-Ewropa jeħtieġu soluzzjonijiet lokali  

Il-mexxejja reġjonali u lokali jħeġġu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu mill-qrib flimkien mal-gvernijiet lokali ħalli jilqgħu għall-konsegwenzi territorjali u soċjoekonomiċi tat-tibdil demografiku

F’dibattitu ma’ Dubravka Šuiča, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija u d-Demografija, il-mexxejja lokali u reġjonali Ewropej ħeġġew lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu mill-qrib flimkien mal-gvernijiet lokali ħalli jilqgħu għall-konsegwenzi territorjali u soċjoekonomiċi tal-bidla demografika. Hekk kif il-popolazzjoni qed tonqos f’aktar minn 40 % tar-reġjuni tal-UE, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed jappella biex id-dimensjoni demografika tiġi integrata fil-politiki kollha tal-UE u fid-dibattitu dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa.

Ir-rapport dwar l-impatt tat-tibdil demografiku tal-Kummissjoni Ewropea li ġie ppubblikat dan l-aħħar jirrikonoxxi li kwistjonijiet relatati mat-tibdil demografiku “jistgħu jiġu indirizzati l-aħjar fil-livell lokali u reġjonali”. Huwa jindika wkoll ir-rabta mill-qrib bejn it-tibdil demografiku u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, u jiddikjara li t-tibdil demografiku jista’ jwassal għal “telf tal-fiduċja fid-demokrazija” f’żoni li qed jiffaċċjaw id-depopolazzjoni. Fuq perjodu twil, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol li qed tonqos x’aktarx li se tpoġġi pressjoni fuq il-baġits pubbliċi u jkollha impatt negattiv fuq il-prospettiva u l-pożizzjoni ġeopolitika tal-Ewropa fid-dinja.

Fid-diskors tagħha fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fl-1 ta’ Lulju, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Dubravka Šuiča , qalet: “Jeħtieġ li nippermettu lil dawk ir-reġjuni l-aktar milquta mit-tibdil demografiku biex iżommu u jtejbu l-kwalità tal-ħajja, u li nfornu lilna nfusna bl-għodod neċessarji ħalli nsibu soluzzjonijiet innovattivi. Ninsabu impenjati li nappoġġjaw u nakkumpanjaw lin-nies permezz tat-tibdil billi nipprovdu opportunitajiet konkreti u niżguraw li ħadd ma jitħalla jibqa' lura”.

Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qal: “Il-pandemija tal-Covid-19 enfasizzat il-ħtieġa li naħsbu u naġixxu b’mod strateġiku dwar it-tibdil demografiku u l-impatti territorjali u soċjoekonomiċi serji tiegħu fuq perjodu twil. Dawn jistgħu saħansitra joħolqu żvilupp ta’ “ġeografija ta’ skuntentizza”, li tagħti lok għall-movimenti estremisti u l-perspettivi anti-Ewropej f’xi reġjuni li qed jesperjenzaw tnaqqis demografiku u l-eżodu ta’ mħuħ, li eventwalment iwasslu għal polarizzazzjoni fis-sistema demokratika. Peress li l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom ħafna kompetenzi legali dwar kwistjonijiet demografiċi, il-Kumitat tagħna jinsab lest li jappoġġja l-inizjattivi tal-Kummissjoni li jindirizzaw dan il-fenomenu u li għandhom l-għan li jtejbu l-ħajja tan-nies fir-reġjuni, fil-bliet u fl-irħula tal-UE”.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni se jagħti deskrizzjoni tal-proposti tiegħu dwar l-indirizzar tal-effetti negattivi tat-tibdil demografiku fir-reġjuni tal-UE fis-sessjoni plenarja tiegħu f’Ottubru li ġej. L-abbozz ta’ Opinjoni attwali jenfasizza li t-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-Ewropa, ir-rati baxxi tat-twelid u d-distribuzzjoni inugwali tal-popolazzjoni li qed tkompli tiggrava jeħtieġu reazzjoni ta’ politika koerenti fil-livelli kollha ta’ governanza u fil-politiki kollha tal-UE. B’mod partikolari, dan jinsisti fuq ir-rabta bejn it-tibdil demografiku u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien kullimkien.

Ir-relatur János Ádám Karácsony (HU/PPE), Membru tal-Kunsill Lokali ta’ Tahitótfalu, qal: “Il-konsegwenzi tat-tibdil demografiku se jinħassu fuq perjodu twil ta’ żmien, għalhekk huwa importanti ħafna li nagħtu ħarsa lejn it-tweġibiet li diġà nstabu u x’soluzzjonijiet nistgħu nsibu fil-preżent. Meta nitkellmu dwar id-demografija tal-Ewropa għandna bżonn nikkunsidraw l-aspetti differenti bħat-tixjiħ jew l-istennija tal-għomor itwal, id-depopolazzjoni taż-żoni rurali, il-migrazzjoni interna u esterna, l-eżodu ta’ mħuħ, kif ukoll it-tibdil fix-xejriet tal-fertilità u l-intenzjonijiet parentali”.

Aktar informazzjoni:

Fis-17 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-Rapport dwar l-impatt tat-tibdil demografiku fl-Ewropa li kien mistenni ħafna, kif ukoll serje ta’ statistika dettaljata dwar is-sitwazzjoni f’kull Stat Membru flimkien ma’ aktar mapep u data fil-livell tal-UE. Għall-2021, il-Kummissjoni tipprevedi wkoll li tressaq green paper dwar it-tixjiħ u viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali. F’Ottubru 2020, il-Barometru Lokali u Reġjonali Annwali tal-KtR se jipprovdi wkoll ċifri u mapep dwar id-demografija u r-reġjuni.

L-isfidi demografiċi serji tal-Unjoni Ewropea jidhru f’ħafna postijiet fl-UE b’kombinazzjoni ta’ tliet xejriet: popolazzjoni li qed tiċkien, it-tixjiħ tal-popolazzjoni (b’żieda fil-proporzjon ta’ dipendenza) u r-rata baxxa ta’ twelid. Aktar minn 40 % tar-reġjuni Ewropej qed jitilfu l-popolazzjoni tagħhom u, b’mod predominanti, il-popolazzjoni tar-reġjuni rurali mistennija li tonqos b’7,9 miljun sas-sena 2050. Fl-istess ħin, il-popolazzjoni tal-UE hija l-ixjeħ waħda bħala medja u sal-2070 il-popolazzjoni tal-Ewropa mistennija li tkun biss 4 % tal-popolazzjoni dinjija. Is-sehem tal-Ewropa fil-PDG globali qed ikompli jonqos ukoll.

Il-pandemija tal-Covid-19 affettwat b’mod partikolari l-popolazzjoni Ewropea li qed tixjieħ, filwaqt li ħarġet fid-dieher il-ħtieġa għal kura tas-saħħa ta’ kwalità, aċċessibbli, affordabbli u fit-tul. Il-kriżi li għaddejja bħalissa enfasizzat ukoll l-importanza li jitnaqqas id-distakk diġitali u ta’ infrastruttura diġitali robusta.

Fir- riżoluzzjoni tiegħu fid-dawl tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2021 , il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qed jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta evalwazzjoni bbażata fuq ix-xjenza tal-impatt tal-Covid-19 dwar it-tibdil demografiku u biex tiżgura li d-deċiżjonijiet futuri jkunu mfassla apposta għall-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet lokali. Huwa jenfasizza wkoll ir-rwol ta’ edukazzjoni u taħriġ aċċessibbli ta’ kwalità għolja bħala reazzjoni għat-tibdil demografiku u l-eżodu ta’ mħuħ, u f’dan ir-rigward jappoġġja t-tnedija ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 b’sinerġija mill-qrib maż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 473536887

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi :