Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Ir-reġjuni u l-bliet tal-UE jappellaw lill-gvernijiet nazzjonali għal pakkett tas-saħħa tal-UE akbar  

Il-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen jenfasizzaw dwar is-saħħa f’dibattiti fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

Il-gvernijiet nazzjonali għandhom jaqblu dwar pakkett akbar ta’ appoġġ finanzjarju għas-sistemi tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea, qal il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fl-14 ta’ Ottubru. Is-sejħa tinsab f’sett ta’ tliet rakkomandazzjonijiet li fihom ir-reġjuni u l-bliet tal-UE jistabbilixxu metodi kif jeliminaw il-lakuni fis-sistemi tal-kura tas-saħħa lokali żvelati mill-pandemija tal-coronavirus.

Ir-rakkomandazzjonijiet – li jindirizzaw id-dgħufijiet fil-prevenzjoni, it-trattament u l-kura ta’ emerġenza – ġew adottati fl-14 ta’ Ottubru, jumejn wara li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ppreżenta lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, evidenza dwar l-impatt tal-pandemija fil-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali tiegħu . Il-Barometru enfasizza kif il-kriżi żiedet l-inugwaljanzi eżistenti, inkluż fis-settur tas-saħħa. Il-President von der Leyen qalet lill-assemblea tal-UE għall-politiċi lokali u reġjonali li “Il-fondi Ewropej se jippermettu investimenti fi sptarijiet ġodda, tagħmir aħjar u sistemi tal-kura tas-saħħa aktar b’saħħithom – mhux biss fil-bliet il-kbar, iżda wkoll f’reġjuni aktar remoti” u li l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali għandhom ikunu " fit-tmexxija ".

Il-Kumitat ġie indirizzat ukoll mill- Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel . Fit-13 ta’ Ottubru, hija qalet lit-329 gvernatur, sindku u kunsillier fil-KtR li r-rieda ta’ xi reġjuni li joffru kura lil pazjenti minn reġjuni ta’ pajjiżi oħra għandha tkun “dawl ta’ gwida għal sfidi futuri”. Il-Kanċillier Merkel, li qalet li kienet qed “tosserva bi tħassib kbir iż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ infezzjonijiet fi kważi kull parti tal-Ewropa”, kienet qed titkellem fil-kapaċità tagħha bħala mexxejja tal-pajjiż li għandu f’idejh il-presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Fl-Opinjoni tiegħu dwar il-pakkett ta’ appoġġ għas-sistemi tal-kura tas-saħħa li diġà tħabbar mill-Kummissjoni Ewropea, Il-Programm “L-UE għas-Saħħa” , il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kkritika lill-gvernijiet nazzjonali talli naqqsu l-baġit propost. Saret enfasi li s-servizzi tas-saħħa, li huma ġestiti fil-livell lokali u reġjonali f’ħafna Stati Membri tal-UE, jirrikjedu investiment u innovazzjoni sabiex inaqqsu l-inugwaljanzi fis-saħħa u jlaħħqu ma’ popolazzjoni li qed tixjieħ. L-Istati Membri tal-UE dan is-sajf naqqsu l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ta’ EUR 9,4 biljun għall-2021-27 għal EUR 1,7 biljun. Id-daqs finali ser jiġi determinat fin-negozjati mal-Parlament Ewropew.

Ir-relatur, Nathalie Sarrabezolles (FR/PSE), president tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Finistère, qalet li: “Bi tnaqqis ta’ 82 % mill-Programm “L-UE għas-Saħħa”, l-Istati Membri kienu ferm ’il bogħod milli jieħdu kontroll sħiħ tal-kriżi. Il-garanzija ta’ kura tas-saħħa ta’ kwalità għolja għal kulħadd hija l-aħjar turija ta’ solidarjetà u parti essenzjali tat-tisħiħ tal-koeżjoni fl-Unjoni tagħna. Nistgħu u għandna nagħmlu aktar biex insaħħu s-sistemi tas-saħħa tagħna. Minkejja li r-reġjuni u l-bliet se jkomplu jaħdmu kuljum biex jilħqu dan l-għan, jeħtieġu appoġġ konsiderevoli mil-livell tal-UE.”

It-tieni Opinjoni tiffoka fuq il-karatteristiċi meħtieġa f’ Mekkaniżmu tal-UE għall-emerġenzi

tas-saħħa
li jista’ jiġi attivat f’pandemiji futuri. Din tenfasizza l-bżonn li l-UE tiżviluppa, tixtri, tittrasporta u tqassam provvisti tal-ittestjar u tagħmir ta’ protezzjoni importati minn barra l-pajjiż jew manifatturati fl-UE. Tappella wkoll speċifikament għall-iżvilupp, pereżempju, ta’ karta komuni tal-UE dwar it-tilqim u reġistru virtwali Ewropew li jipprovdi informazzjoni dwar l-istokkijiet tat-tilqim.

Ir-relatur, Birgitta Sacrédeus (SE/PPE) tal-Kunsill Reġjonali ta’ Dalarna, qalet li: "Il-pandemija turi biċ-ċar l-importanza ta’ persunal bi kwalifiki u mħarreġ tajjeb, u li għandu biżżejjed fondi u tagħmir, kif ukoll sistemi tal-kura tas-saħħa robusti li kapaċi jadattaw malajr għal sitwazzjoni ġdida rigward il-kura tas-saħħa u s-saħħa pubblika. Il-pandemija turi wkoll ir-rwol kbir ħafna li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi bħal din.”

It-tielet Opinjoni – abbozzata minn Karsten Uno Petersen (DK/PSE) tal-Kunsill Reġjonali tad-Danimarka tan-Nofsinhar dwar is-suġġett tal-kura tas-saħħa transkonfinali tfittex li tiffaċilita t-trasferiment ta’ pazjenti għall-kura f’pajjiżi oħra, kif ġara matul l-ewwel mewġa tal-pandemija meta, pereżempju, pazjenti mir-reġjuni tal-Gran Est u Bourgogne-Franche-Comté fi Franza ġew ikkurati f’Saarland, il-Ġermanja.

Is-Sur Petersen qal li: “Il-pandemija tal-COVID-19 uriet kemm il-kooperazzjoni mill-qrib fil-kura tas-saħħa bejn il-fruntieri tista’ tkun importanti għall-Ewropej. Li wieħed jara l-pazjenti li qed jiġu kkurati b’mod transkonfinali kienet l-aħjar rappreżentazzjoni ta’ xi tfisser tabilħaqq is-solidarjetà. Ejja nibnu fuq dak li tgħallimna minn din l-emerġenza biex intejbu s-sistemi tal-kura tas-saħħa transfruntiera tagħna u nipprovdu lill-persuni li jgħixu f’reġjuni tal-fruntiera bi proċeduri semplifikati u sikurezza tal-pazjenti, kif ukoll informazzjoni ċara, kemm għalihom kif ukoll għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa.”

L-Opinjoni tinkwadra fi sforz aktar ġenerali mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni biex jiġi żgurat li l-irkupru tal-UE mill-pandemija jgħin biex jinbnew komunitajiet reżiljenti, jgħin fl-iżvilupp tal-ekonomiji lokali, u jippromovi l-isforzi biex tissaħħaħ id-demokrazija Ewropea.

Skont stħarriġ tal-opinjoni kkummissjonat mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, 67 % tal-Ewropej jixtiequ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinfluwenzaw aktar id-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE. Minn dawn, 45 % semmew is-saħħa bħala qasam fejn ir-reġjuni u l-bliet għandhom jingħataw aktar vuċi.

L-istħarriġ sar minn Kantar fl-ewwel nofs ta’ Settembru, u r-riżultati ġew ippreżentati fis-sessjoni plenarja tal-KtR fit-12-14 ta’ Ottubru. L-istħarriġ sab ukoll li – kemm b’mod ġenerali kif ukoll f’termini ta’ rispons għall-pandemija – l-Ewropej jafdaw lill-gvernijiet lokali u reġjonali aktar milli jafdaw lill-gvernijiet nazzjonali jew lill-UE. Maġġoranza assoluta – 52 % – jafdaw lill-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom, filwaqt li 47 % jafdaw lill-UE u 43 % jafdaw lill-gvern nazzjonali tagħhom.

Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja, qal: “Il-livell ta’ fiduċja li ċ-ċittadini għandhom fil-mexxejja lokali u reġjonali għen biex jitrażżan it-tixrid tal-coronavirus. Din il-fiduċja se tkun kritika wkoll fil-fażi ta’ rkupru. Aħna nħeġġu lill-mexxejja nazzjonali u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu mal-kunsilli reġjonali u lokali u jappoġġjawhom biex jindirizzaw il-problemi enormi li ħoloq il-virus.”

Sejbiet tal-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali:

Il-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali – is-sejbiet ewlenin

Il-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali – ir-rapport sħiħ

Il-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali – l-istħarriġ tal-opinjoni minn Kantar (ir-riżultati speċifiċi għall-pajjiż jinsabu disponibbli wkoll)

Il-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali – l-impatt fuq is-saħħa (l-istorja, id-data)

Il-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali – l-impatt ekonomiku reġjonali (l-istorja, id-data)

Kuntatt:

Andrew Gardner

Tel. +32 473 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Share: