Il-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE jwissu kontra żbilanċ tal-pjanijiet taf-finanzjament tal-UE għal kontroll fil-fruntieri u l-ġestjoni tal-migrazzjoni. Il-mexxejja lokali u reġjonali ħeġġew lill-Unjoni Ewropea sabiex iżżid id-daqs tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil bi kważi EUR 6 biljun fl-2021-27. Fi twissija lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE kontra li jkun hemm “enfasi eċċessiva fuq il-kontroll fil-fruntieri”, jitolbu wkoll sabiex bejn wieħed u ieħor terz tal-fond jintefaq fuq il-ġestjoni tal-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni, u sabiex xi infiq fuq l-integrazzjoni jsir obbligatorju.
It-talba mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), li saret fir-rakkomandazzjonijiet adottati fid-9 ta’ Ottubru, ġew xahar wara li l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (AMF) għandu jingħata EUR 10.4 biljun fuq perjodu ta’ seba’ snin, żieda ta’ 51%. Ir-rakkomandazzjoni tal-KtR, adottata f’ emenda , hija li l-fond għandu jkollu kważi EUR 16.2 biljun, spinta li taqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jinżdiedu l-flus għal kontrolli fil-fruntiera b’ 240% permezz ta’ varjetà ta’ fondi.
Ir-relatur ġenerali tal-KtR dwar Il- Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil , Peter Bossman (SI/PSE, sindku ta’ Piran, qal: “Aħna lkoll irridu ġestjoni ta’ migrazzjoni effiċjenti u koordinata, iżda dawn l-ideat jeħtieġu titjib sinifikanti qabel ma nistgħu ngħidu li l-flus tal-UE se jintefqu b’mod għaqli u xieraq. Il-ġestjoni tal-migrazzjoni tirrikjedi rispons konvinċenti għall-aspetti kollha tal-migrazzjoni - il-migrazzjoni irregolari, l-ażil, il-migrazzjoni legali, l-integrazzjoni, kif ukoll il-kawżi primarji tal-migrazzjoni. Id-deċiżjoni li titneħħa ‘integrazzjoni’ mill-isem tal-fond hija indikattiva u inkwetanti, u huwa l-biżà tagħna li l-approċċ ġenerali jiffoka fuq li nibnu ħitan aktar milli nsibu approċċ bilanċjat għall-ġestjoni. L-Ewropa jeħtieġ li taħseb b’mod serju dwar kif se tintegra l-persuni ġodda li huma diġà fil-komunitajiet tagħna.”
Huwa kompla: “Barra minn hekk, koordinazzjoni effettiva tirrikjedi kollaborazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma responsabbli għal, pereżempju, il-biċċa l-kbira mill-miżuri ta’ integrazzjoni fuq żmien qasir. Sfortunatament, il-proposti attwali jinjoraw it-talbiet ripetuti tagħna sabiex il-bliet u r-reġjuni jingħataw rwol fil-ġestjoni tal-fond. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għenu ħafna lill-Ewropa fi sforzi biex jaċċettaw, jagħtu djar, jintegraw u jimpjegaw lir-refuġjati u l-migranti li waslu fl-2015. Ir-riforma ta’ politika kumplessa f’nofs kriżi hija diffiċli, iżda issa – bin-numru ta’ wasliet sinifikantament aktar baxx – nisperaw li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE jkunu jistgħu jiftehmu dwar riforma li hija bilanċjata sew u li tirrikonoxxi l-valur tal-ħidma mal-politiċi fil-prattika.”
Fost rakkomandazzjonijiet oħra, il-KtR jitlob lir-reġjuni u l-bliet sabiex ikollhom aċċess dirett għal finanzjament tal-UE waqt kriżijiet, sabiex jiżguraw li l-flus jilħqu lill-awtoritajiet li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi partikolari malajr. Bħala parti mill-promozzjoni ta’ politika tal-migrazzjoni komprensiva Ewropea, il-KtR qalet li Stati Membri li jiddevvjaw mil-linji gwida tal-infiq għandu jiġu mitluba jipprovdu “spjegazzjoni dettaljata” li turi “kif se jiżguraw li din l-għażla ma tipperikolax il-ksib” tal-objettivi tal-AMF.
Il-flus mill-AMF qed jintefqu attwalment, pereżempju, fit-titjib ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni u akkoljenza għall-persuni li jfittxu l-ażil, assistenza lil persuni vulnerabbli, skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, u kampanji ta’ informazzjoni f’pajjiżi mhux fl-UE.
L-opinjoni tal-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil hija waħda minn sensiela ta’ risponsi mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni għall-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-baġit tal-UE għall-2021-27. Fid-9 ta’ Ottubru, il-KtR adotta wkoll rakkomandazzjonijiet dwar il-proposta tal-baġit ġenerali u dwar partijiet speċifiċi tal-baġit propost: Orizzont Ewropa, dwar riċerka ; il- Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) ; il- programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri ; u Il-futur tal-programm LIFE (Għall-ambjent u Azzjoni Klimatika) .
Ukoll fid-9 ta’ Ottubru, il-President tal-KtR, Karl-Heinz Lambertz , għamel diskors importanti fejn iddeskriva l-perspettiva reġjonali u lokali rigward l-istat tal-Unjoni Ewropea, fejn huwa appoġġa “kampanja li tenfasizza l-proġetti ta’ integrazzjoni li qegħdin jiġu implimentati fil-bliet u r-reġjuni tagħna”.
Eżempji tal-ħidma li qiegħda ssir mill-awtoritajiet lokali u reġjonali ġew enfasizzati matul dibattitu dwar il-migrazzjoni fil-plenarju tal-KtR fl-10 ta’ Ottubru. B’mod partikolari, Maria Angeles Elorza Zubiria (ES/ALDE) fasslet dettalji dwar inizjattiva ta’ integrazzjoni ġdida li saret mill-gvern tal-Pajjiż Bask, Basilio Horta (PT/PSE) ippreżenta l-pjan tal-belt ta’ Sintra għall-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti, u Luc Van de Brande (BE/PPE) minn Flanders ippromova l-valur tal-iżvilupp ta’ sħubijiet bejn il-gvernijiet lokali Ewropej u Afrikani bħala kontribuzzjoni għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.
Kuntatt:
Andrew Gardner
Tel.: +32 473 843 981
andrew.gardner@cor.europa.eu