Il-bliet u r-reġjuni tal-UE jistabbilixxu viżjoni biex iġeddu l-Ewropa huma u jantiċipaw il-laqgħa tal-mexxejja tal-UE f’Sibiu L-Unjoni Ewropea għandha tibdel radikalment il-mod kif taħdem, billi tagħti vuċi akbar lir-reġjuni u l-bliet tagħha, jekk trid li ġġedded il-proġett Ewropew flimkien maċ-ċittadini tagħha u tindirizza l-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi tagħhom. Dan kien il-messaġġ ewlieni mill-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE li stabbilixxew il-viżjoni tagħhom għal Ewropa mġedda f’Dikjarazzjoni li ngħatat lill-President tar-Rumanija, Klaus Iohannis, fid-dawl tal-laqgħa informali tal-mexxejja tal-UE f’Sibiu fid-9 ta’ Mejju.
Id- Dikjarazzjoni għaddiet għand il-President fl-akbar laqgħa tal-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE ta’ dis-sena fit- 8 Summit Ewropew tar-Reġjuni u l-Bliet – li sar f’Bucharest, ir-Rumanija, il-pajjiż li, għall-ewwel darba, bħalissa għandu f’idejh il-Presidenza b’rotazzjoni tal-UE għal sitt xhur. Immexxija mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – l-assemblea tal-UE tal-gvernijiet lokali u reġjonali – u appoġġjata mir-reġjuni u l-bliet kollha fl-Unjoni, id-Dikjarazzjoni tappella lill-UE biex tawtonomizza r-reġjuni u l-bliet tagħha jsaħħu d-demokrazija u jrawmu konnessjoni mill-ġdid maċ-ċittadini tagħha. Filwaqt li tiffaċċja sfidi trasformattivi bħall-globalizzazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-tibdil demografiku, id-Dikjarazzjoni tistieden lill-UE biex tilħaq qbil malajr dwar baġit futur ambizzjuż tal-UE li jippermetti li r-reġjuni u l-bliet jippromovu l-inklużjoni soċjali, isiru newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju u jimplimentaw l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
Il-President tar-Rumanija, Klaus Iohannis , qal: “Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni huwa msieħeb ġenwin u impenjat, u aħna nagħqdu l-isforzi tagħna lkoll biex inqarrbu l-azzjoni Ewropea lejn il-benefiċjarji – ir-reġjuni, il-bliet u ċ-ċittadini tagħna. Mill-perspettiva lokali u reġjonali tal-azzjoni politika, governanza tajba u effiċjenti fil-livell Ewropew hija riflessa f’azzjonijiet u riżultati konkreti: aktar koeżjoni, impjiegi tajbin, tkabbir ekonomiku sostenibbli, infrastruttura u konnettività moderni, kif ukoll it-tnaqqis tad-distakk fl-iżvilupp, it-titjib tal-istandards tal-għajxien u l-forniment ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità tajba. Fil-kuntest attwali, it-tħassib ewlieni tagħna għandu jiffoka fuq kif ninvolvu iżjed liċ-ċittadini fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, kif ukoll li nneħħu s-sentiment li hemm distakk bejn l-azzjoni tal-UE u ċ-ċittadini.”
Karl-Heinz Lambertz , il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qal waqt it-tressiq tad-Dikjarazzjoni: “L-Unjoni Ewropea għandha bżonn il-bliet u r-reġjuni tagħha bl-istess mod li l-bliet u r-reġjuni jeħtieġu l-Unjoni Ewropea. L-Ewropa hija dwar il-prossimità u l-progress soċjali. Il-livelli kollha tal-gvern jeħtieġ li jaħdmu u jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom fil-konfront tal-Ewropa sabiex l-UE ssir aktar viżibbli, effettiva, demokratika u eqreb għaċ-ċittadini, u ħadd ma jibqa’ lura. Immexxija mill-valuri fundamentali tal-UE ta’ koeżjoni, unità u solidarjetà, għandna bżonn kuntratt ġdid li jawtonomizza lill-aktar livell ta’ gvern ta’ fiduċja – il-miljun mexxej lokali u reġjonali – biex ikunu dawk li jġibu bidla radikali fl-UE. Dan ifisser ukoll li jingħataw il-mezzi finanzjarji adatti u li jingħataw vuċi akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.”
Waqt li kien qed jitkellem matul is-sessjoni tal-għeluq, l-Ewwel Viċi President, Markku Markkula , qal: “Jeħtieġ li UE terġa’ tibni l-fiduċja biex tiżgura futur Ewropew. L-uniku mod biex jinkiseb dan huwa billi jissaħħu r-rabtiet u l-attivitajiet maż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ, u l-atturi kollha fil-bliet u r-reġjuni. L-atturi lokali u reġjonali jistgħu jagħmlu mod li dan it-tibdil iseħħ. Il-bliet u r-reġjuni qed jindirizzaw l-isfidi fis-soċjetà u flimkien joħolqu tkabbir sostenibbli u inklużiv.”
Nota lill-edituri:
Id-Dikjarazzjoni tas-Summit mill-mexxejja lokali u reġjonali intotolata “ Nibnu l-UE mill-ġdid mar-reġjuni u l-bliet tagħna ” ser isservi bħala l-pożizzjoni tal-bliet u r-reġjuni lill-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern li ser jiltaqgħu f’Sibiu, ir-Rumanija, fid-9 ta’ Mejju biex jiddiskutu l-futur tal-UE.
Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni sejjaħ għal żieda fil-baġit tal-UE li jmiss wara l-2020 minn 1% għal 1.3% tad-dħul nazzjonali gross tal-UE27. Kien strumentali wkoll fit-tnedija tal- #CohesionAlliance – koalizzjoni ta’ dawk li jemmnu li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE għandha tkompli tkun pilastru fil-ġejjieni tal-UE. L-Alleanza nħolqot permezz ta’ kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet ewlenin Ewropej tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u titlob li l-baġit tal-UE wara l-2020 jagħmel il-politika ta’ koeżjoni aktar b’saħħitha, viżibbli u disponibbli għal kull reġjun fl-Unjoni Ewropea.
Pubblikazzjoni: Il-futur tal-Ewropa: il-perspettiva tar-reġjuni u l-bliet , 9 ta’ Ottubru 2018
Kuntatt :
Nathalie Vandelle
nathalie.vandelle@cor.europa.eu
Tel. +32 (0)2 282 24 99