Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-UE trid taħdem aktar mar-reġjuni u l-bliet dwar il-kwistjonijiet tas-saħħa  

Skont il-mexxejja lokali u reġjonali, hemm bżonn ta’ rwol akbar għall-UE fil-qasam tas-saħħa, aktar kooperazzjoni mal-bliet u r-reġjuni, u tkissir tas-suq tad-drogi biex jiġi żgurat li l-UE tkun tista’ tiflaħ għall-kriżijiet tas-saħħa.

Il-mexxejja lokali u reġjonali taw l-appoġġ tagħhom għal rwol akbar għall-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet tas-saħħa u għall-pjani tal-UE li jissalvagwardjaw l-istabbiltà u s-sigurtà tal-provvisti ta’ mediċini u tagħmir kritiċi. Madankollu, f’sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet adottati fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni bejn is-7 u d-9 ta’ Mejju, huma jargumentaw ukoll li l-pjani tal-UE biex tilqa’ għall-kriżijiet tas-saħħa huma mminati minn ftit wisq attenzjoni għall-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma pedament tas-sistemi tas-saħħa f’żewġ terzi tal-pajjiżi tal-UE.

Ir-rakkomandazzjonijiet, jekk jiġu aċċettati mil-leġiżlaturi tal-UE, jobbligaw lill-aġenziji tal-UE – bħall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u ċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard – biex jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u biex iwettqu l-potenzjal sħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Minbarra li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ riżervi ta’ emerġenza ta’ prodotti mediċinali, il-proposti jagħmlu pressjoni biex jiġu “mmappjati” l-kawżi ta’ nuqqas ta’ mediċini – problema li kienet teżisti qabel il-pandemija – bħala parti mill-isforzi biex ikun hemm aktar sigurtà u trasparenza f’suq tal-farmaċewtiċi “li ma jiffunzjonax sew”. Il-KtR qed jitlob ukoll li jinħoloq network ta’ sptarijiet ta’ referenza li jispeċjalizzaw fl-istudju u t-trattament ta’ mard infettiv.

Ir-rakkomandazzjonijiet jinsabu fi tliet Opinjonijiet, waħda li tivvaluta l-elementi kostitwenti tal-“ Unjoni Ewropea tas-Saħħa ” diġà ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea, u t-tnejn l-oħra li jiffukaw fuq iċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard u fuq l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-istrateġija farmaċewtika tal-UE.

Skont Roberto Ciambetti (IT/KRE), President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Veneto u relatur tal-Opinjoni “ Unjoni Ewropea tas-Saħħa: Rinforzar tar-reżiljenza tal-UE” , l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma responsabbli, f’livelli differenti, għall-kura tas-saħħa f’19 mis-27 Stat Membru, u jgħinu wkoll jiffinanzjaw il-kura tas-saħħa f’ħafna minn dawk il-pajjiżi. “Unjoni Ewropea tas-Saħħa” li kapaċi trażżan malajr il-pandemiji mhijiex possibbli mingħajr l-involviment mill-qrib ta’ dawn l-awtoritajiet. Neħtieġu network ta’ sptarijiet ta’ standard ta’ referenza, kapaċitajiet akbar ta’ produzzjoni fl-Ewropa, ħażniet kbar ta’ emerġenza, u data aħjar sabiex inkunu nafu fejn jinsabu l-punti dgħajfa tagħna.

Birgitta Sacrédeus (SE/PPE), relatur tal-Opinjoni Strateġija Farmaċewtika għall-Ewropa u proposta leġiżlattiva biex jinbidel il-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u membru tal-Kunsill Reġjonali ta’ Dalarna, qalet li l-Kumitat jilqa’ bil-bosta l-istrateġija farmaewtika ċċentrata fuq il-pazjent li tnediet mill-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-pazjenti kollha madwar l-Ewropa jkollhom aċċess għal mediċini sikuri, effettivi u affordabbli, kemm f’ċirkostanzi normali kif ukoll matul kriżi tas-saħħa. Peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali spiss jaqdu rwol ewlieni fil-finanzjament, l-evalwazzjoni u l-forniment tal-mediċini kif ukoll fil-ġestjoni u t-tħejjija għall-kriżijiet, l-Opinjoni tal-Kumitat tiddeskrivi l-ħtieġa li dawn jiġu inklużi fil-kooperazzjoni waqt it-tfassil tal-proposti tal-Kummissjoni fil-qasam farmaċewtiku.

Skont Olgierd Geblewicz (PL/PPE), President tar-Reġjun tal-Pomerania tal-Punent u relatur dwar Theddid transkonfinali serju għas-saħħa u l-mandat taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard , il-KtR jemmen li r-reġjuni għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fil-livell politiku fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjani. Il-KtR jappella sabiex jiġu introdotti strumenti effikaċi għall-koordinazzjoni bejn ir-reġjuni tal-fruntiera, inklużi dawk li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-UE, u jipproponi l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ kuntatt interreġjonali u transkonfinali. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-KtR, bħala istituzzjoni li tirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri kollha tal-UE, għandhom ikunu involuti bħala osservaturi fil-ħidma tat-timijiet, il-kumitati u t-task forces stabbiliti fil-livell tal-UE biex jindirizzaw l-emerġenzi tas-saħħa pubblika, b’mod partikolari l-Kumitat Konsultattiv dwar l-emerġenzi tas-saħħa pubblika.

F’rakkomandazzjonijiet oħra li jinsabu fit-tliet Opinjonijiet, il-KtR appoġġja fi prinċipju l-idea ta’ Awtorità tal-UE ġdida għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa, u ħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproduċi proposti aktar “konkreti” u “robusti” biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-mediċini, abbażi tal-ħtiġijiet u l-esperjenzi tal-livelli lokali u reġjonali. Huwa appella wkoll biex il-proposti tal-Kummissjoni jenfasizzaw it-tħassibiet dwar is-sigurtà tad-data. L-appoġġ tal-KtR għar-reviżjonijiet tal-mandat tal-ECDC jenfasizza l-ħtieġa għal proċess assoċjat ta’ bini tal-kapaċità – pereżempju, tal-infrastruttura diġitali u t-telemediċina – u biex tingħata attenzjoni lill-potenzjal tal-kooperazzjoni internazzjonali fir-reġjuni tal-fruntiera.

Fis-sessjoni plenarja tiegħu, li saret online, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adotta wkoll Opinjoni dwar L-esperjenzi u t-tagħlimiet miksuba mir-reġjuni u l-bliet matul il-kriżi tal-COVID-19

u Riżoluzzjoni dwar il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali) u ż-żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini . Ir-Riżoluzzjoni tinkludi talba għal “sospensjoni temporanja tal-privattivi għall-mediċini u t-teknoloġiji mediċi għat-trattament jew il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet tal-COVID-19”. Ir-rakkomandazzjonijiet fl-Opinjoni dwar it-tagħlimiet miksuba mill-kriżi – abbozzati minn Joke Schauvliege (BE/PPE), membru tal-Parlament Fjamming – koprew ukoll aspetti mhux mediċi tal-kriżi, b’enfasi partikolari fuq l-esperjenzi tar-reġjuni rurali u periferiċi. Din l-Opinjoni, li ntalbet mill-Kummissjoni Ewropea, ser tikkontribwixxi għal rapport li l-Kummissjoni Ewropea qed tħejji għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjoni li fiha jiltaqgħu l-ministri nazzjonali minn kull pajjiż tal-UE biex jadottaw liġijiet u jikkoordinaw il-politiki.

Fl-ewwel Barometru Reġjonali u Lokali Annwali tiegħu maħruġ f’Ottubru 2020, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni sab differenzi sinifikanti ħafna fil- provvista tal-kura tas-saħħa fir-reġjuni fl-UE kif ukoll bejn ir-reġjuni fl-istess Stat Membru. Stħarriġ li sar bħala parti mill-Barometru Reġjonali u Lokali Annwali sab li l-Ewropej jafdaw lill-awtoritajiet reġjonali u lokali aktar milli jafdaw lill-UE jew lill-gvern nazzjonali tagħhom, u li jemmnu li jekk l-awtoritajiet reġjonali u lokali jkollhom aktar influwenza, dan ikollu impatt pożittiv fuq il-kapaċità tal-UE li ssolvi l-problemi. Is-saħħa kienet il-qasam fejn l-Ewropej jixtiequ l-aktar jaraw lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jeżerċitaw aktar influwenza fuq id-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE.

Kuntest

Rapporti u studji tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni : Barometru Reġjonali u Lokali Annwali ( rapport sħiħ , u data dwar l-impatt fuq is-saħħa , is-sitwazzjoni f’Ottubru 2020); L-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-gvernijiet reġjonali u lokali (stħarriġ konġunt KtR-OECD, Ottubru 2020); Valutazzjoni tal-Impatt Territorjali: L-Istat tal-Bliet u r-Reġjuni fil-kriżi tal-COVID-19 (Ottubru 2020); Reazzjonijiet tal-politika tas-saħħa reġjonali għall-kriżi tal-COVID (Ottubru 2020); L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transkonfinali fir-reġjuni Ewropej (Ottubru 2020).

Esperjenzi lokali : Pjattaforma ta’ Skambju tal-KtR (Esperjenzi tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali matul l-ewwel fażi tal-pandemija); L-inizjattiva “Reinventing Cities” (rapport tal-Eurocities b’għexieren ta’ eżempji ta’ azzjonijiet, inizjattivi u proġetti muniċipali).

Persuna ta’ kuntatt:

Andrew Gardner

Tel. +32 473 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi :