Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-UE jeħtieġ tappoġġja lill-bliet u lir-reġjuni biex jegħlbu l-effetti tal-Brexit  
Waqt dibattitu li enfasizza l-inċertezzi li għad hemm għaċ-ċittadini u l-ekonomija, Michel Barnier faħħar l-isforzi biex jiġi żgurat l-irtirar tar-Renju Unit b’mod ordnat.

Il-mexxejja reġjonali u lokali, fis-6 ta’ Diċembru, ħeġġew lill-Unjoni Ewropea sabiex tieħu miżuri li jtaffu l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit u talbu baġit tal-UE li jistimola lill-ekonomiji reġjonali. It-talbiet saru waqt dibattitu fi Brussell ma’ Michel Barnier, fejn il-Kap Negozjatur tal-UE mar-Renju Unit ingħata tifħir għax irnexxielu jiżgura ftehim li jillimita r-riskji li jiffaċċjaw l-UE u r-Repubblika tal-Irlanda b’mod partikolari u għall-kuntatt tiegħu mal-bliet u r-reġjuni matul in-negozjati.

Is-Sur Barnier tkellem fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) – l-assemblea tal-UE tal-gvernijiet lokali u reġjonali – ftit ġranet wara li l-kapijiet ta’ stat jew ta’ gvern tal-Istati Membri approvaw il-Ftehim dwar il-Ħruġ, li se jitressaq fil-Parlament tar-Renju Unit bħala l-ewwel pass tar-ratifika fil-11 ta’ Diċembru. Il-ftehim se jkun segwit minn taħditiet dwar ir-relazzjonijiet għat-terminu ta' żmien twil bejn ir-Renju Unit u l-UE, li f’Marzu 2017 is-Sur Barnier qal lill-KtR jeħtieġ ikunu "ambizzjużi" fir-rigward tal-kummerċ, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-azzjoni klimatika, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-iżvilupp, u s-sigurtà.

Is-Sur Barnier, il-Kap Negozjatur tal-UE u eks Kummissarju Ewropew għall-iżvilupp rurali, qal li : "Huwa ftehim bilanċjat; huwa l-uniku wieħed u l-aħjar wieħed possibbli. Il-ftehim jirrispetta l-prinċipji tal-UE, filwaqt li jqis il-pożizzjonijiet mhux negozjabbli tar-Renju Unit. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali tal-UE għall-2014-2020, qbilna li l-impenji kollha li saru mit-28 se jiġu onorati mit-28, u b'hekk jipprovdu stabbiltà finanzjarja. Dan se jippreserva l-kompetizzjoni ġusta u se jżomm l-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni mal-bliet, ir-reġjuni u l-universitajiet tar-Renju Unit. Se jżomm id-dinamiżmu ekonomiku tat-territorji tagħna, li wħud minnhom għandhom rabtiet kummerċjali qawwija mar-Renju Unit. Iżda mingħajr ratifika, mhu se jkun hemm ebda ftehim dwar il-ħruġ jew dwar il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dan ix-xenarju ta’ ‘ebda ftehim’ ma jistax jiġi eliminat għal kollox u hemm bżonn li r-reġjuni u l-bliet kollha jkunu preparati sew.”

Karl-Heinz Lambertz (BE/PSE), il-President tal-KtR u membru tas-Senat Belġjan li jirrappreżenta lill-Komunità tal-lingwa Ġermaniża, qal li: "Il-Ftehim dwar il-Ħruġ joffri l-aħjar kompromess f’negozjati kkumplikati, iżda l-effetti tiegħu xorta se jinħassu fir-reġjuni madwar l-UE27 u fir-Renju Unit. Mhux se jkun hemm rebbieħa mill-Brexit u l-UE issa jeħtieġ tagħmel minn kollox biex ittaffi t-telf. It-tħejjija tfisser l-involviment tal-livelli kollha ta’ gvern. Issa l-UE jeħtieġ taqbel dwar baġit għal terminu twil li jkun aktar ambizzjuż, u biex tnaqqas l-inċertezza, tiżgura li jkun hemm qbil dwaru qabel l-elezzjonijiet tal-UE. Din hija raġuni oħra għalfejn m'għandu ikun hemm ebda tnaqqis tal-fondi għall-iżvilupp reġjonali fil-baġit tal-UE għal wara l-2020. Kull min huwa involut jeħtieġ jisma’ b’attenzjoni t-talba tar-reġjuni għal negozjati aktar inklużivi, speċjalment minħabba li diversi parlamenti reġjonali se jkunu involuti fil-proċess ta’ qbil dwar kwalunkwe ftehim kummerċjali futur bejn l-UE u r-Renju Unit.”

Minn meta s-Sur Barnier indirizza lill-KtR f ’Marzu 2017, il-KtR wettaq eżerċizzju ta’ mmappjar biex jaċċerta l-impatt possibbli tal-ħruġ tar-Renju Unit fuq ir-reġjuni u l-bliet. Il-KtR ltaqa’ ma’ rappreżentanti mill-amministrazzjonijiet deċentralizzati u mill-gvernijiet lokali tar-Renju Unit. Wettaq ukoll stħarriġ ekonomiku fost l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-kmamar tal-kummerċ lokali, u kkummissjona studju li jevalwa l-impatt tal-Brexit fuq reġjuni speċifiċi (fil-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Polonja u Spanja) u fuq għadd ta’ setturi madwar l-UE (it-trasport, il-makkinarju, l-elettronika, l-ikel, il-kimiki, it-tessuti u l-għamara). F’Mejju 2018, il-KtR adotta riżoluzzjoni politika ​fejn talab lill-UE biex tiżgura li l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma "jitħallewx jindirizzaw weħidhom" l-isfidi maħluqa mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

Il-KtR talab li l-baġit tal-UE 2021-27 ikun ekwivalenti għal 1,3 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE wara l-ħruġ tar-Renju Unit.

Kuntatt:

Andrew Gardner

Tel. +32 473. 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi: