Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-UE għandha tagħti prijorità lill-bijodiversità u t-tibdil fil-klima, filwaqt li n-NU tiftħilna għajnejna  
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jistieden lill-UE żżid l-isforzi b’reazzjoni għar-rapport “profondament allarmanti” tan-NU.

L-Unjoni Ewropea għandha tpoġġi l-bijodiversità, flimkien mal-isforzi biex jitnaqqsu b’mod radikali l-emissjonijiet tal-karbonju, fil-quċċata tal-aġenda tagħha. Dan qalu l-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fis-7 ta’ Mejju bi tweġiba għal rapport tan-Nazzjonijiet Uniti li jwissi li “s-sistema tagħna ta’ appoġġ għall-ħajja” – id-dinja naturali – tinsab f’riskju dejjem akbar, b’miljun speċi jiffaċċjaw l-estinzjoni. Il-President Karl-Heinz Lambertz iddeskriva r-rapport bħala “sejħa ta’ emerġenza lil-livelli kollha ta’ gvern” biex jaħdmu flimkien.

Ir-rapport mill-IPBES (Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi), li s- sejbiet ewlenin tagħhom ġew ippubblikati min-NU fis-6 ta’ Mejju, jirrifletti l-konklużjonijiet ta’ xjenzati minn madwar id-dinja li nsiltu minn 15,000 studju akkademiku. Ir-rapport huwa bla ħabi u ċar fit-twissijiet tiegħu. Jistqarr li l-bijodiversità qed tonqos b’rata bla preċedent fl-istorja tal-bniedem, qed imutu speċijiet b’pass dejjem aktar mgħaġġel u l-bniedem qed “idgħajjef il-pedamenti tal-ekonomija, tal-għajxien, tas-sigurtà tal-ikel, tas-saħħa u tal-kwalità tal-ħajja madwar id-dinja”.

Il- President Lambertz (BE/PSE) qal: “In-natura tagħtina l-ħajja – u qed neqirduha. Matul dawn l-aħħar ħamsin sena laħħaqna mal-isfida li nitimgħu popolazzjoni globali li qed tikber b’rata mgħaġġla. Dan wettaqnieh b’suċċess kbir, iżda bi prezz qares għad-dinja naturali. Neħtieġu b’urġenza li nsibu mod kif nitimgħu lid-dinja u niżguraw żvilupp sostenibbli, filwaqt li nirrestawraw il-bijodiversità. Din il-kriżi teħtieġ reazzjoni konġunta mil-livelli kollha ta’ gvern, inklużi l-bliet u r-reġjuni. Flimkien mal-indirizzar tat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità għandha titqiegħed fil-quċċata tal-aġenda tal-UE. Għadu mhux tard wisq biex niżguraw dinja b’diversità bijoloġika u mingħajr karbonju, iżda dan jeħtieġ investiment u sforzi konġunti li jħallu riżultati fuq livell lokali.”

Roby Biwer (LU/PSE), l-1 Viċi President tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u r- relatur dwar il-bijodiversità , qal: “Il-bijodiversità għandha titqies bħala l-pedament ta’ saħħitna u tal-benesseri tagħna. Din tirfed il-funzjonament tal-ekosistemi li niddependu fuqhom; u minħabba li tikkostitwixxi l-ambjent li ngħixu fih, jeħtieġ li l-biodiversità nipproteġuha, filwaqt li nitgħallmu ngħixu f’armonija mal-ekosistemi tagħna.”

Is-Sur Biwer enfasizza li l-votanti Ewropej jifhmu r-rabta profonda bejn il-bijodiversità u l-azzjoni klimatika, filwaqt li jikkwota stħarriġ tal- Ewrobarometru ppubblikat fis-6 ta’ Mejju li sab li “żewġ terzi tal-Ewropej jaqblu bi sħiħ li l-ħarsien tan-natura huwa essenzjali biex nindirizzaw it-tibdil fil-klima”.

Il-KtR jinsab involut fl-iżvilupp tal-qafas globali u Ewropew ta’ politika fir-rigward tal-bijodiversità għal wara l-2020. Ir- rakkomandazzjonijiet adottati mill-KtR f’Ottubru 2018 jinsistu – l-istess bħar-rapport IPBES – dwar il-ħtieġa li l-bliet u r-reġjuni tal-Ewropa jsiru entitajiet sostenibbli li jikkonservaw in-natura, jirrestawraw il-bijodiversità, iżommu u jtejbu s-servizzi tal-ekosistema filwaqt li jissodisfaw il-ħtiġijiet kritiċi tal-popolazzjonijiet tagħhom. Il-KtR appella għall-iżvilupp ta’ Strateġija tal-UE dwar il-Bijodiversità għal wara l-2020 li tkun ambizzjuża, marbuta biż-żmien u xprunata mix-xjenza biex issalva d-diversità u l-abbundanza tal-ħajja fid-dinja. Insista wkoll fuq ir-rikonoxximent espliċitu fil-politiki tal-UE u tan-NU li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom rwol indispensabbli x’jaqdu fil-promozzjoni tal-bijodiversità, u biex il-bliet u r-reġjuni jingħataw l-appoġġ li jeħtieġu.

L-azzjonijiet speċifiċi li rrakkomanda l-KtR jinkludu: aktar infrastruttura ekoloġika transkonfinali u kurituri ekoloġiċi sabiex l-annimali jkunu jistgħu jgħaddu minn post għal ieħor; it-tisħiħ tal-kapaċità tal-gvernijiet lokali u reġjonali biex jikkumbattu l-ispeċijiet invażivi; rwol akbar għall-awtoritajiet muniċipali u reġjonali biex itemmu t-traffikar ta’ ħajja selvaġġa; aktar riċerka dwar modi kif tiżdied il-bijodiversità f’żoni urbani; u aktar finanzjament għax-xogħol tal-bijodiversità.

Kuntatt:

Andrew Gardner

Tel. +32 473 843 981

andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi: