Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-UE jeħtiġilha ma tħallix lir-reġjuni u l-gżejjer l-aktar esposti Bulgari u Griegi waħedhom fil-kriżi migratorja l-ġdida, iwissi l-President tal-KtR Tzitzikostas  
​Il-kriżi migratorja fuq l-aġenda tal-plenarja ta’ Marzu tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Stqarrija mill-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas

Eluf ta’ migranti u refuġjati qegħdin jiġu mmexxija biex jitilqu mit-Turkija sabiex jaslu l-Ewropa mill-fruntieri Ewropej tal-Greċja u l-Bulgarija.

Filwaqt li nifhmu r-raġunijiet umanitarji li jwasslu lil eluf ta’ persuni jitilqu minn djarhom sabiex jaħarbu mill-gwerra u l-abbuż, l-UE jeħtiġilha ma tħallix lir-reġjuni u l-gżejjer l-aktar esposti Bulgari u Griegi waħedhom f’din il-kriżi migratorja l-ġdida.

Iċ-ċittadini tal-UE ta’ dawn il-komunitajiet, li diġà soffrew il-kriżi ekonomika u soċjali matul dawn l-aħħar ftit snin, ma għandhomx iħossuhom waħedhom u abbandunati, proprju meta l-aktar jeħtieġu solidarjetà Ewropea.

Dawn il-mewġiet migratorji ġodda mhumiex kwistjonijiet Griegi jew Bulgari. Huma kwistjonijiet tal-UE li jikkonċernaw liċ-ċittadini Ewropej kollha mill-Istati Membri kollha u r-reġjuni u l-bliet kollha fl-Ewropa.

L-Ewropa għandha titgħallem mill-iżbalji tal-passat u taġixxi b’mod koordinat, rapidu u konkret biex ittaffi l-piż fuq il-komunitajiet lokali.

Nilqa’ l-preżenza tat-tmexxija tal-UE illum fil-fruntieri esterni tal-UE. David Sassoli, President tal-Parlament Ewropew, Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew u Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Prim Ministru Grieg Mitsotakis, illum qed iżuru Evros li huwa messaġġ qawwi ta’ solidarjetà. Issa wasal iż-żmien għal azzjoni u miżuri konkreti.

Għalhekk, nitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jintervjenu fis-sitt oqsma ta’ prijorità ewlenin:

1) Nappella lill-Kummissjoni Ewropea tiskjera aktar persunal tal-Frontex u tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil fir-reġjuni u l-gżejjer l-aktar esposti kollha. Il-gwardji tal-fruntiera, il-persunal u l-esperti tal-UE jeħtiġilhom itaffu l-pressjoni attwali fuq l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.

2) Nitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jagħtu għajnuna finanzjarja mmirata tal-UE lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fiż-żoni milquta sabiex jitnaqqas il-piż li jirriżulta mill-kriżi migratorja.

3) Inserraħ fuq l-Istati Membri kollha sabiex juru responsabbiltà u jaqsmu l-piż tal-kriżi migratorja, li issa huwa meħtieġ aktar. Huwa biss permezz tat-tqassim tal-persuni li qed ifittxu l-asil u tar-refuġjati fost il-pajjiżi kollha tal-UE li aħna nistgħu nwieġbu l-appell tal-poplu tagħna għal solidarjetà vera Ewropea. Nistieden lill-Presidenza Kroata tal-UE attwali u lill-President tal-Kunsill tal-UE jieħdu azzjoni immedjata.

4) Nitlob lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi l-politiki tagħha dwar il-ftehimiet ta’ riammissjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-migranti. Il-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, fosthom il-kundizzjonalità fuq l-għajnuna għall-iżvilupp u fuq in-negozjati ta’ ftehim kummerċjali, sabiex tiżgura li l-migranti li mhumiex legalment intitolati jibqgħu fl-Ewropa jiġu rritornati lura lejn pajjiżhom.

5) Nistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jiżguraw li l-Ftehim bejn l-UE u t-Turkija jiġi rrispettat bis-sħiħ.

6) Nappella lill-Istati Membri tal-UE jaslu malajr għal ftehim dwar ir-riforma tar-Regolament ta’ Dublin, kif diġà mitlub mill-Parlament Ewropew.

 

Bħala President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u f’isem l-awtoritajiet reġjonali u lokali kollha tal-UE, f’Marzu ser inressaq din il-kwistjoni serja ħafna fuq l-aġenda tas-sessjoni plenarja tagħna.  

Kelliem tal-President

Michele Cercone

Tel. +32 (0)498 98 23 49

Michele.Cercone@cor.europa.eu

Share: