Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-President tal-KtR tal-UE u s-Sindku ta’ Londra tar-Renju Unit: irridu nevitaw Brexit ta’ ebda ftehim “li minnu jitlef kulħadd” u jikkawża spiral detrimentali għar-reġjuni u l-bliet tal-UE u tar-Renju Unit  

Il-Grupp ta’ Kuntatt bejn ir-Renju Unit u l-UE ppresedut mill-President tar-reġjun tal-Bretanja se jsaħħaħ is-sħubijiet lokali u reġjonali u jiżgura appoġġ finanzjarju adatt mill-UE għal reġjuni li jintlaqtu ħażin ħafna

Matul dibattitu online fi Brussell, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Apostolos Tzitzikostas – u s-Sindku ta’ Londra – Sadiq Khan – talbu lin-negozjaturi tar-Renju Unit u tal-UE biex ikomplu t-taħditiet sakemm jintlaħaq ftehim kummerċjali. Huma wissew li Brexit ta’ ebda ftehim ikollu impatt katastrofiku, li jikkawża spiral detrimentali u “li minnu jitlef kulħadd” għal ħafna reġjuni u bliet fl-UE u fir-Renju Unit. Is-Sindku ta’ Londra appella għal estensjoni immedjata tal-perjodu ta’ tranżizzjoni jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil dwar ftehim kummerċjali bħala parti min-negozjati li għaddejjin. Il-gvernijiet lokali u reġjonali tal-UE u tar-Renju Unit ħadu wkoll impenn li jżidu l-isforzi konġunti biex jimmitigaw il-Brexit u jikkooperaw fit-tul fil-futur dwar kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni.

B’inqas minn tliet ġimgħat qabel jispiċċa l-perjodu ta’ tranżizzjoni tar-Renju Unit u bil-ftehim kummerċjali futur bejn ir-Renju Unit u l-UE li jinsab imdendel fuq xagħra, il-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE u s-Sindku ta’ Londra qajmu tħassib dwar l-implikazzjonijiet severi f’każ ta’ Brexit ta’ ebda ftehim. Huma impenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien mill-qrib, biex jiżguraw li l-impatt territorjali tal-Brexit jiġi vvalutat regolarment u li jaħdmu flimkien fuq oqsma ta’ interess reċiproku fil-futur.

Apostolos Tzitzikostas , il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Gvernatur tar-reġjun Grieg tal-Maċedonja Ċentrali, wissa li “ Brexit ta’ ebda ftehim ikun katastrofiku għal ħafna reġjuni kif ukoll doża qawwija għal ekonomiji reġjonali matul il-pandemija. Il-gvernijiet lokali u reġjonali se jkunu l-ewwel li jaraw il-konsegwenzi ta’ dan l-aħħar negozjar tal-Brexit fuq ħajjet in-nies. Iridu jgħaddu ħafna snin biex jiġu stabbiliti konfini ġodda u biex nifhmu xi tfisser din il-firda għalina lkoll. Flimkien mal-belt ta’ Londra, il-bliet u r-reġjuni fir-Renju Unit u r-reġjuni u l-bliet tal-UE se jaħdmu spalla ma’ spalla biex isibu metodi biex iwittu u jtaffu l-impatt fuq il-komunitajiet rispettivi tagħna ”.

Waqt id-dibattitu Sadiq Khan , is-Sindku ta’ Londra qal li: " Il - Brexit seħħ u għandna l-obbligu li nħarsu 'l quddiem, mhux lejn l-imgħoddi. Jeħtieġ li naħdmu flimkien fuq sfidi komuni – fil-bliet, ir-reġjuni u l-pajjiżi kollha. Irrid niżgura li Londra tibqa’ msieħba ewlenija għal Brussell u għal kull belt, reġjun u ċittadin Ewropew. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim kummerċjali fil-jiem li ġejjin, inħeġġeġ lil Boris Johnson u lill-UE biex jestendu l-perjodu ta’ tranżizzjoni. Riżultat ta’ ebda ftehim sempliċiment m’għandux ikun alternattiva. Din tkun sitwazzjoni li minnha jitlef kulħadd, kemm għar-Renju Unit kif ukoll għall-UE – li tiswa l-impjiegi, tnaqqas it-tkabbir u tolqot l-istandards tal-għajxien fl-Ewropa sewwasew meta ninsabu f’punt kruċjali fil-ġlieda tagħna kontra l-pandemija.

Il-membri tal-KtR iddiskutew metodi kif jinżammu u jiġu żviluppati r-relazzjonijiet mal-amministrazzjonijiet deċentralizzati tar-Renju Unit u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ingilterra, l-Iskozja, Wales, l-Irlanda ta’ Fuq u Ġibiltà. Il-President tal-Grupp ta’ Kuntatt KtR-Renju Unit li nħoloq dan l-aħħar, Loïg Chesnais-Girard (FR/PSE), President tal-Kunsill Reġjonali tal-Bretanja, qal li: “ Il-politiċi lokali u reġjonali fuq iż-żewġ naħat tal-Kanal Ingliż għandhom interess komuni li jillimitaw il-ħsara lill-ekonomiji reġjonali u lokali tagħhom . Biex niksbu dan, irridu nippromovu l-kooperazzjoni transfruntiera fil-kuntatti tagħna mal-gvernijiet nazzjonali u l-UE. Fi ħdan l-UE, ir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit toffrilna taffija għaż-żoni l-aktar milqutin. Nappella lill-UE biex tkun lesta tipprovdi aktar flus jekk – kif x’aktarx se jiġri – l-impatt tal-Brexit jaqbeż EUR 5 biljun. Dan il-cocktail tal-COVID-BREXIT huwa tossiku ħafna, u jeħtieġ li naġixxu flimkien, kemm ekonomikament kif ukoll politikament.”

F’nofs in-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-UE u r-Renju Unit, Michel Barnier , Kap tat-Task Force għar-Relazzjonijiet mar-Renju Unit , bagħat ukoll messaġġ: “Aħna nibqgħu naħdmu għal sħubija ambizzjuża bejn l-UE u r-Renju Unit li tgħin lin-nies, lill-komunitajiet lokali, kif ukoll lin-negozji u lir-reġjuni, biex ikomplu l-kooperazzjoni tagħhom bl-aħjar mod possibbli fil-futur . Iżda, filwaqt li nibqgħu lesti li nsibu soluzzjonijiet ta’ benefiċċju reċiproku, kif dejjem konna, l-UE mhi se tagħmel l-ebda ftehim bi prezz. Kwalunkwe ftehim ikollu jippreserva s-suq uniku tagħna u l-interessi ekonomiċi fit-tul taċ-ċittadini, in-negozji u r-reġjuni tal-UE. Għalissa, għad għandna diverġenzi kbar, dwar il-kwistjonijiet magħrufa sew ta’ kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni, governanza u sajd. Il-jiem li ġejjin se jkunu importanti ħafna. Fi kwalunkwe każ, aħna lkoll għandna nkomplu t-tħejjijiet għax-xenarji kollha, inkluż Brexit ta’ “ebda ftehim” fl-1 ta’ Jannar 2021.”

Informazzjoni ta’ sfond

Fl-2018, il-KtR wettaq stħarriġiet mal-membri tiegħu u ma’ awtoritajiet lokali u reġjonali oħra u kmamar tal-kummerċ lokali dwar l-effetti tal-Brexit, li ġew ippubblikati f’ rapport konsolidat. Dan inkluda r-riżultati ta’ studju dwar is-setturi u r-reġjuni l-aktar esposti għal bidliet fir-rabtiet ekonomiċi mar-Renju Unit. Dawn is-setturi kienu jinkludu l-ikel, il-vetturi tat-trasport, il-makkinarju, l-elettronika, it-tessuti u l-għamara. Ir-reġjuni partikolarment esposti kienu jinkludu r-reġjuni Irlandiżi kollha, Hauts-de-France u l-Bretanja fi Franza, il-provinċji ta’ Malopolskie u Lubelskie fil-Polonja, l-Istat ta’ Hessen fil-Ġermanja, il-Flanders fil-Belġju, u l-Andalusija fi Spanja. Ġew identifikati setturi industrijali individwali f’riskju partikolari fir-reġjuni tal-Emilia-Romagna, tat-Toskana u tal-Marche fl-Italja, fil-Midi-Pyrénées u f’Auvergne fi Franza, u f’reġjuni fil-Ġermanja, fin-Netherlands, fil-Portugall, fis-Slovakkja, fiċ-Ċekja, fir-Rumanija, fil-Bulgarija u fil-Greċja.

Persuni ta’ kuntatt:

Michele Cercone

Kelliem tal-President

Tel. +32 (0)498 98 23 49

Michele.Cercone@cor.europa.eu

David French

Tel. +32 473 85 47 59

David.French@cor.europa.eu

Ikkondividi :