L-għodod għall-protezzjoni tal-konsumatur iridu jqisu bis-sħiħ l-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja l-ekonomija Ewropea wara l-kriżi tal-COVID-19
Fis-sessjoni plenarja ta’ Ottubru, il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) adottaw Opinjoni dwar l-Aġenda tal-Konsumatur ġdida li tenfasizza l-importanza tal-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur. Il-protezzjoni tal-konsumatur trid tqis l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19, it-tibdil ambjentali, it-trasformazzjoni diġitali, il-globalizzazzjoni u l-ħtiġijiet speċifiċi li jirriżultaw tal-konsumaturi vulnerabbli. Fl-istess ħin, il-mexxejja lokali u reġjonali jenfasizzaw il-ħtieġa li l-SMEs jingħataw appoġġ fit-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika tagħhom mingħajr ma jiżdiedu l-piżijiet amministrattivi. Il-fondi Ewropej huma essenzjali biex tiġi żgurata din it-trasformazzjoni.
L-infiq tal-konsumaturi ammonta għal 52,6 fil-mija tal-prodott domestiku gross (PDG) tal-Unjoni Ewropea fl-2019. Sadanittant, wieħed minn kull ħames konsumaturi qalu li kellhom mill-inqas raġuni waħda biex jilmentaw dwar xiri fis-sena preċedenti – ċifra li fil-biċċa l-kbira ma nbidlitx għal għaxar snin. Il-konsumaturi qegħdin dejjem aktar jixtru online. Wieħed minn kull sitt persuni xtraw mill-inqas oġġett wieħed online fl-2019. Iżda filwaqt li x-xiri online issa huwa mifrux ma’ kullimkien, ir-regolamenti Ewropej baqgħu lura. Il-pandemija wriet l-importanza ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur kif ukoll ta’ kooperazzjoni mill-qrib fost l-awtoritajiet fl-UE. Ħarġet fid-dieher ukoll ċerti lakuni fil-qafas tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-UE.
Alexia Bertrand (BE/Renew Europe), Membru tal-Parlament tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali u relatur tal-abbozz ta’ Opinjoni dwar L-Aġenda tal-Konsumatur ġdida , qalet: “Il-protezzjoni tal-konsumatur hija waħda mill-politiki Ewropej li hija l-aktar importanti u tinħass b’mod dirett fost iċ-ċittadini. Madankollu, is-suq Ewropew għadda minn ħafna tranżizzjonijiet fundamentali, u qed jiffaċċja ħafna sfidi bħal dik tal-pandemija reċenti. Dan iġiegħlna nirriflettu mill-ġdid dwar il-protezzjoni tal-konsumatur. Irridu naffermaw mill-ġdid il-ħtieġa qawwija tagħna li nżommu u nimplimentaw id-drittijiet tal-konsumatur: mhuwiex minħabba li dawn id-drittijiet issa qed jiġu eżerċitati jew jinsabu taħt pressjoni li għandna nċedu għal kwalunkwe tentazzjoni biex indgħajfuhom.”
Fl-Opinjoni tiegħu, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jenfasizza l-isfidi immedjati għall-konsumaturi Ewropej, marbuta mal-pandemija u jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li jiġu salvagwardjati u implimentati bis-sħiħ id-drittijiet tal-konsumatur u l-acquis rilevanti tal-UE fi żminijiet ta’ kriżi. Pereżempju, it-tisħiħ reċenti tad-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri ferrovjarji għandu jiġi estiż biex jipproteġi lill-konsumaturi mill-kanċellazzjonijiet f’setturi oħra bħall-kultura u l-avvenimenti.
Il-konsum sostenibbli huwa essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku. Il-konsumaturi tal-UE jaqdu rwol kruċjali fit-tranżizzjoni ekoloġika, għalhekk il-membri tal-KtR qablu li l-għoti ta’ informazzjoni trasparenti u ċara dwar is-sostenibbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija u l-impronta soċjali u ambjentali tal-prodotti huwa essenzjali biex isiru għażliet infurmati.
Barra minn hekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni ta’ xejriet u mġiba ġodda ta’ konsum fil-livell lokali u reġjonali, bħall-ekonomija kollaborattiva.
L-Opinjoni tipproponi azzjonijiet bħall-istabbiliment ta’ inventarju ta’ inizjattivi lokali eżistenti biex tinħoloq infrastruttura għat-tiswija lokali u biex jiġu appoġġjati mudelli ta’ negozju li jippermettu lill-konsumaturi jixtru servizzi aktar milli prodotti; l-appoġġ għal proġetti lokali u reġjonali għall-iżvilupp tal-litteriżmu finanzjarju tal-konsumatur, inklużi teknoloġiji diġitali ġodda; l-appoġġ għal inizjattivi li jappoġġjaw in-negozji lokali u l-promozzjoni tas-snajja’.
Fl-aħħar nett, l-Opinjoni titlob li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-intrapriżi sabiex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom bil-għan li jisfruttaw l-użu tar-riżorsi;
Informazzjoni ġenerali:
L-Aġenda tal-Konsumatur ġdida – L-aġenda tal-konsumatur Ewropew hija l-viżjoni strateġika tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika tal-konsumatur. Fit-13 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat aġenda tal-konsumatur ġdida – l-istrateġija tagħha għall-politika tal-konsumatur għall-perjodu 2020-2025. L-istrateġija għandha l-għan li tindirizza ħames prijoritajiet fit-tul: it-tranżizzjoni ekoloġika, it-trasformazzjoni diġitali, ir-rimedju u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti gruppi tal-konsumatur, u l-kooperazzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, tipproponi miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi immedjati li tfaċċaw matul il-pandemija. Matul il-ħames snin li ġejjin, il-Kummissjoni qed tippjana li tawtonomizza lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika: tagħtihom informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti; tistabbilixxi dritt ta’ tiswija; u tistabbilixxi regoli dwar dikjarazzjonijiet ekoloġiċi. Hija tippjana li tindirizza l-prattiki problematiċi fis-swieq online, telimina d-diskrepanzi fir-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti, speċjalment għal prodotti mibjugħa online, u ttejjeb l-infurzar tar-regoli eżistenti. Fl-istess ħin, hija tippjana li ttejjeb il-protezzjoni ta’ gruppi vulnerabbli, speċjalment persuni li m’għandhomx aċċess għall-internet, u t-tfal. Hija tippjana li tirrevedi r-regoli għall-operazzjonijiet bankarji għall-konsumatur u ttejjeb is-servizzi ta’ konsulenza finanzjarja fl-Istati Membri.
Aġenda tal-konsumatur Ewropew - Komunikazzjoni mill-KE
Opinjoni dwar Patt Ġdid għall-Konsumaturi , Samuel Azzopardi (MT/PPE)
Kuntatt:
Wioletta Wojewodzka
Tel. +32 473 843 986
wioletta.wojewodzka@cor.europa.eu