Il-Kummissarji Ewropej għall-baġit, is-suq intern, il-ġestjoni tal-kriżijiet, u d-demokrazija u d-demografija ser jindirizzaw l-assemblea matul l-ewwel sessjoni plenarja ibrida tal-Kumitat.
Johannes Hahn, il-Kummissarju Ewropew għall-Baġit tal-UE, ser jiddiskuti l-pjan ta’ rkupru tal-Unjoni Ewropea u l-baġit fit-tul emerġenti mal-mexxejja lokali u reġjonali fit-2 ta’ Lulju, waqt sessjoni plenarja tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni msawra mill-problemi ekonomiċi u tas-saħħa maħluqa mill-pandemija. Tliet Kummissarji Ewropej oħra ser jiddiskutu wkoll ir-reazzjonijiet politiċi u strateġiċi tal-UE għall-kriżi: Dubravka Šuica, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, ser tindirizza kwistjonijiet relatati mad-demokrazija u d-demografija, il-Kummissarju Thierry Breton ser iwieġeb għall-mistoqsijiet dwar is-suq intern, u l-Kummissarju Janez Lenarčič ser jirrevedi wħud mill-azzjonijiet tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet.
Il-mexxejja lokali u reġjonali ser jivvotaw fuq riżoluzzjoni dwar il-baġit fit-tul tal-UE (il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2021-27) u l-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli, li huwa l-pilastru tal-investiment tal-Patt Ekoloġiku żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea biex jiggwida lill-UE lejn newtralità karbonika sal-2050.
Il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR), li għandu sitt gruppi politiċi, ser jiddeċiedu wkoll dwar il-prijoritajiet politiċi tal-assemblea għall-2020-25. Meta ġie elett bħala President tal-Kumitat fi Frar, Apostolos Tzitzikostas (EL/PPE), il-Gvernatur tar-Reġjun tal-Maċedonja Ċentrali, qal li huwa kien ser jippromovi demokrazija Ewropea “modernizzata”, sforzi biex ikun hemm reazzjoni għat-“trasformazzjonijiet profondi” li jirriżultaw mir-“rivoluzzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi attwali”, u l-politiki tal-UE – bħall-politika ta’ koeżjoni – li l-impatt tagħhom għandu “l-akbar rilevanza reġjonali u lokali”.
Il-Patt Ekoloġiku – u l-ħtieġa li jitqiegħed fil-qalba tal-pjani ta’ rkupru għall-ekonomiji lokali u reġjonali – ser ikun is-suġġett ta’ dibattitu separat.
Il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ser jivvotaw ukoll fuq tmien rapporti li jinkludu rakkomandazzjonijiet minn gvernijiet lokali u reġjonali lill-istituzzjonijiet tal-UE li jieħdu d-deċiżjonijiet. Bosta mill-Opinjonijiet oriġinarjament kienu skedati għall-adozzjoni f’Mejju f’sessjoni plenarja li ġiet ikkanċellata minħabba l-lockdown mifrux mal-UE kollha.
Fid-dawl tal-limitazzjonijiet relatati mas-saħħa, għadd limitat biss ta’ membri ser ikun jista’ jattendi fiżikament. Il-membri l-oħrajn ser jipparteċipaw online. Il-bidla għal format ibridu ser tinvolvi wkoll bidla fil-votazzjoni elettronika. Is-sessjoni plenarja ser tkun mifruxa fuq tlett ijiem, pjuttost milli fuq jumejn bħas-soltu.
Is-sessjoni plenarja ser tkun ippreċeduta, fid-29 ta’ Ġunju, minn laqgħa tal-Bureau tal-KtR, li fiha t-tliet presidenzi li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ser jippreżentaw l-aġenda komuni tagħhom. L-Ambaxxatur Michael Clauss ser jirrappreżenta lill-Ġermanja, li ser ikollha l-Presidenza b’rotazzjoni fit-tieni nofs tal-2020, l-Ambaxxatur Nuno Brito ser jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-Portugall għal Jannar-Lulju 2021, filwaqt li l-Ambaxxatur Iztok Jarc ser jiddiskuti l-għanijiet tas-Slovenja matul il-presidenza ta’ sitt xhur tagħha fit-tieni nofs tal-2021.
Dibattiti:
- It-Tlieta, 30 ta’ Ġunju (3 p.m.- 4 p.m.): Il-ġestjoni tal-kriżi tal-COVID-19 u l-pjan ta’ rkupru, ma’ Janez Lenarčič , Kummissarju għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet
- It-Tlieta, 30 ta’ Ġunju (4 p.m. - 4.30 p.m.): Il-Patt Ekoloġiku fil-qalba tal-irkupru lokali u reġjonali mill-COVID-19
- L-Erbgħa, 1 ta’ Lulju (12.15 p.m. – 1.30 p.m.): Id-demografija, ma’ Dubravka Šuica , Kummissarju għad-Demokrazija u d-Demografija
- Il-Ħamis, 2 ta’ Lulju (10.15 a.m. - 12 p.m.): Il-QFP futur fid-dawl tal-irkupru mill-kriżi tal-COVID-19, ma’ Johannes Hahn , Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni
- Il-Ħamis, 2 ta’ Lulju (12.45 p.m. - 2.15 p.m.): L-aspetti ekonomiċi tal-irkupru mill-COVID-19, ma’ Thierry Breton , Kummissarju għas-Suq Intern
Opinjonijiet :
Informazzjoni prattika:
Post: Parlament Ewropew – Bini Paul Henri Spaak, Emiċiklu.
Data: it-Tlieta, 30 ta’ Ġunju – il-Ħamis, 2 ta’ Lulju 2020.
Materjal ta’ sfond: L- aġenda u d- dokumenti tal-plenarja.
Persuna ta’ kuntatt:
PresseCdr@cor.europa.eu