Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Mexxejja lokali tal-UE u tal-Mediterran jingħaqdu fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu n-nisa u jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni  

Sindki u gvernaturi ewlenin mir-reġjun tal-Mediterran u l-Unjoni Ewropea ħeġġew lill-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex jgħinu lin-nisa u għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni taż-żgħażagħ. Iż-żewġ settijiet ta’ proposti ta’ politika, adottati mill-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) fil-21 ta’ Frar, jenfasizzaw ir-responsabilitajiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex iwasslu infrastruttura soċjali u fil-qasam edukattiv.

Ir-rapporti – "It-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fir-reġjun tal-Mediterran" u "Ir-rwol tal-awtoritajiet sottonazzjonali mir-reġjun tal-Mediterran fl-indirizzar tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti taż-żgħażagħ" – huma l-aħħar f’serje ta’ rakkomandazzjonijiet adottati mill-ARLEM dwar kwistjonijiet li huma ta’ importanza essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran. F’dawn l-aħħar snin, l-ARLEM adottat ukoll proposti dwar, pereżempju, it-tibdil fil-klima, it-trasformazzjoni tal-enerġija, il-ġestjoni tal-ilma u l-ġestjoni tal-iskart.

Filwaqt li laqa’ b’sodisfazzjon iż-żewġ rapporti, Karl-Heinz Lambertz, kopresident tal-ARLEM u President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qal: “L-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-marġinalizzazzjoni ġewwa u barra l-UE jixprunaw ir-radikalizzazzjoni vjolenti. Huwa biss permezz ta’ aktar kooperazzjoni u aktar investiment li nistgħu nnaqqsu l-inugwaljanza, noħolqu impjiegi għaż-żgħażagħ, u nippromovu l-integrazzjoni komunitarja, u dan kollu huwa possibbli biss jekk ikun hemm azzjoni fil-livell lokali. Huwa wkoll kruċjali li l-mexxejja lokali illum miġburin hawnhekk – mill-Marokk sal-Ġermanja, u mill-Irlanda sal-Albanija – jappoġġaw l-emanċipazzjoni tan-nisa u jikkundannaw kull forma ta’ abbuż. Dan jirrikjedi li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u n-negozju u li tittieħed azzjoni biex jiġu protetti n-nisa. Il-punt tat-tluq għandu jkun iż-żieda fl-opportunitajiet edukattivi għal kulħadd.”

L-ARLEM adottat ukoll rakkomandazzjonijiet li jikkonfermaw li l-mexxejja lokali jaqsmu l-miri miftiehma fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU – biex il-komunitajiet lokali jkunu inklużivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli. Il-President Lambertz qal: “Din hija bażi solida għall-kooperazzjoni fis-snin li ġejjin u għandna pjattaforma utli li tittratta dan is-suġġett fi ħdan l-Unjoni għall-Mediterran. Għandna wkoll eżempju ta’ kooperazzjoni li hija ta’ ispirazzjoni biex insegwu: dawn l-aħħar sentejn, bliet Libjani qed jingħaqdu biex jistabbilixxu sħubijiet ma’ bliet Ewropej."

Mohamed Kamal El Daly – il-Gvernatur ta’ Giza, li ospita l-laqgħa, u r-relatur tal-ARLEM dwar ir-radikalizzazzjoni – qal: "Is-Sigurtà tagħmel parti indispensabbli tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, iżda rridu nimxu lil hinn mis-sigurtà. L-impjiegi jgħinu b’mod sinifikanti l-integrazzjoni soċjali, iżda l-isforzi biex jinħolqu l-impjiegi għandhom jimxu id f’id ma’ riforma edukattiva u l-investiment fit-tip ta’ postijiet fejn iż-żgħażagħ nisa u rġiel jixtiequ jqattgħu perjodu ta’ żmien, bħal faċilitajiet sportivi, kulturali u soċjali. L-iffukar tagħna għandu jkun b’mod partikolari fuq żoni vulnerabbli, bħal reġjuni fuq il-fruntiera u komunitajiet emarġinati fil-bliet u fil-kampanja. Huwa importanti wkoll li nifhmu li n-nisa jista’ jkollhom rwol kruċjali fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni.”

Mohamed Boudra , kopresident tal-ARLEM u l-President tal-Assoċjazzjoni ta’ Sindki Marokkini, qal: “Il-Bliet u r-reġjuni jinsabu hawn biex iżidu l-kooperazzjoni, iżda jirrikonoxxu wkoll li żvilupp ta’ suċċess jirrikjedi kollaborazzjoni iktar mill-qrib bejn l-entitajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u sopranazzjonali. Għalhekk, l-ARLEM hija kuntenta ħafna li l-Unjoni għall-Mediterran ħolqot pjattaforma għal żvilupp urban sostenibbli, sabiex tkun tista’ tinġabar flimkien l-esperjenza fil-ġestjoni tal-urbanizzazzjoni mgħaġġla. Fl-istess waqt, għandna niżguraw li d-distakk bejn il-bliet u l-kampanja jinżamm kemm jista’ jkun żgħir, għaliex nistgħu niżviluppaw b’mod sostenibbli biss jekk kull reġjun jiżviluppa. Neħtieġu aktar impjiegi u amministrazzjoni lokali aktar effettiva, u r-rapporti tal-ARLEM fl-2018 dwar politiki lokali sabiex jiġu promwossi l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ u l-governanza tajba se jgħinu lejn dak l-għan. Fil-Marokk, rajna kif sforz mil-livelli kollha ta’ gvern f’settur wieħed – bħalma huwa l-enerġija rinnovabbli – jista’ jgħin lin-nies li jgħixu fil-kampanja. Il-bliet u r-reġjuni jistgħu jgħinu l-ekonomiji tagħhom stess billi jieħdu azzjoni dwar il-klima, pereżempju. L-iżvilupp sostenibbli huwa kemm lokali kif ukoll globali.”

Nota lill-edituri

• Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni waqqaf l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) fl-2010 biex tipprovdi perspettiva lokali u reġjonali dwar kwistjonijiet Mediterranji. Tikkomplementa l-isforzi li għamlu fir-reġjun l-istati tal-Mediterran tal-UE u li mhumiex fl-UE biex jiżviluppaw aktar kanali u livelli ta’ djalogu u kooperazzjoni, inkluż l-Unjoni għall-Mediterran.. Id-delegazzjoni tal-UE fi ħdan l-ARLEM hija magħmula minn 32 membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u tmien rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-awtoritajiet lokali fl-UE.

• Ir-rapport tal-ARLEM dwar "It-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fir-reġjun tal-Mediterran" ġie abbozzat minn Mary Freehill, membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Dublin. Ir-rapport jikkonkludi b’disa’ rakkomandazzjonijiet. Filwaqt li jinnota li l-gvernijiet reġjonali u lokali huma “fuq quddiem nett fl-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ vjolenza u prattiki dannużi kontra n-nisa”, ir-rapport jargumenta li l-mexxejja lokali u reġjonali huma “f’pożizzjoni tajba biex jintroduċu kampanji ta’ informazzjoni pubblika” biex titqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza domestika u ta’ tipi oħra ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru, u “jistgħu jagħmlu interventi prattiċi sinifikanti biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-impjiegi lokali” u li huma “f’pożizzjoni tajba biex jidentifikaw u jindirizzaw l-ostakli għall-aċċess ugwali tan-nisa għall-kontroll u s-sjieda tal-art u l-aċċess għall-finanzi”. Bħalissa, madankollu, “infrastruttura fqira u riżorsi skarsi jirriżultaw f’servizzi mhux tajbin u protezzjoni insuffiċjenti għan-nisa vulnerabbli”, ir-rapport jgħid.

• L-ARLEM ltaqgħet fl-20-21 ta’ Frar f’Giza, l-Eġittu, fuq stedina ta’ Mohamed Kamal El Daly, Gvernatur ta’ Giza. Qabel il-laqgħa tagħhom, il-membri tal-ARLEM żaru proġett urban f’Giza.

• Mill-2015 ’l hawn, il-Kumitat tar-Reġjuni żviluppa relazzjoni mill-qrib mal-bliet Libjani, bil-għan li jittejbu s-servizzi pubbliċi fil-Libja u l-bliet Libjani jiġu megħjuna jidħlu fil-komunità internazzjonali. F’Jannar 2016, fuq talba tal-bliet Libjani, il-KtR qabel li jimmobilizza u jiffaċilita sħubijiet bejn il-Libja u l-bliet u r-reġjuni tal-UE. Skont l-Inizjattiva ta’ Nikosija, li tissejjaħ hekk minħabba li l-idea ġiet miftiehma fil-belt kapitali ta’ Ċipru, il-bliet u r-reġjuni tal-UE sa issa pprovdew jew wegħdu appoġġ għall-awtoritajiet lokali tal-Libja fl-oqsma tal-ġestjoni tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart, il-kura tas-saħħa primarja, l-amministrazzjoni pubblika, it-taħriġ fil-lingwi, l-ibbaġitjar, is-sajd, iż-żamma tal-ordni pubbliku mill-pulizija u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni.

• Fl-2016, il-Marokk ospitat il-laqgħa annwali ewlenija tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-azzjoni dwar il-klima – il-Konferenza tal-Partijiet (COP 22). Fil-marġini tal-konferenza, l-ARLEM ddiskutiet l-iżvilupp sostenibbli b’enfasi fuq l-azzjoni klimatika, u ħeġġet lill-bliet u r-reġjuni li mhumiex fl-UE biex jingħaqdu fil-Patt tas-Sindki, inizjattiva fejn il-firmatarji jimpenjaw ruħhom li jilħqu u jmorru lil hinn mill-ambizzjonijiet tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u, bħala korrispettiv, jirċievu l-appoġġ tekniku mill-UE. Il-Patt tas-Sindki fl-2017 sar il-Patt Globali tas-Sindki għall-Klima & l-Enerġija, permezz ta’ fużjoni mal-Patt tas-Sindki tal-Istati Uniti. Il-KtR huwa patrun politiku tal-Patt.

• Ir-ritratti jkunu disponibbli fuq Flickr. Informazzjoni ta’ sfond dwar l-Eġittu hija disponibbli minn studju riċenti mill-Parlament Ewropew.

Kuntatt:
Andrew Gardner
Tel. +32 473 843 981
andrew.gardner@cor.europa.eu

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/ARLEM-THIRD-MINISTERIAL-CONFERENCE-SUSTAINABLE-URBAN-DEVELOPMENT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-AND-MEDITERRANEAN-LOCAL-LEADERS-JOIN-FORCES-TO-PROTECT-WOMEN-AND-TACKLE-RADICALISATION.ASPX

ARLEM at the Union for the Mediterranean's third Ministerial Conference on Sustainable Urban Development
ARLEM at the Union for the Mediterranean's third Ministerial Conference on Sustainable Urban Development
15.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CP-48-EARTHQUAKE-IN-TURKIYE-SHOULD-BE-A-MOMENT-FOR-REFLECTION-ACROSS-THE-MEDITERRANEAN.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-AND-MEDITERRANEAN-LOCAL-LEADERS-JOIN-FORCES-TO-PROTECT-WOMEN-AND-TACKLE-RADICALISATION.ASPX

Earthquake in Türkiye should be a 'moment for reflection' across the Mediterranean
Earthquake in Türkiye should be a 'moment for reflection' across the Mediterranean
25.04.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/INTEGRATION-OF-MIGRANTS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-AND-MEDITERRANEAN-LOCAL-LEADERS-JOIN-FORCES-TO-PROTECT-WOMEN-AND-TACKLE-RADICALISATION.ASPX

Integration of migrants can significantly improve social cohesion at the local level, but legal routes to Europe are vital to avoid further tragedies
Integration of migrants can significantly improve social cohesion at the local level, but legal routes to Europe are vital to avoid further tragedies
30.03.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/7TH-UFM-REGIONAL-FORUM.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-AND-MEDITERRANEAN-LOCAL-LEADERS-JOIN-FORCES-TO-PROTECT-WOMEN-AND-TACKLE-RADICALISATION.ASPX

ARLEM at the 7th UfM Regional Forum
ARLEM at the 7th UfM Regional Forum
25.11.2022

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/ARLEM-ACCOUNT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EU-AND-MEDITERRANEAN-LOCAL-LEADERS-JOIN-FORCES-TO-PROTECT-WOMEN-AND-TACKLE-RADICALISATION.ASPX

Mediterranean cities and regions urge COP27 to support locally led climate action
Mediterranean cities and regions urge COP27 to support locally led climate action
09.11.2022