Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
#EUregionsweek: Il-mexxejja tal-UE u dawk lokali jappellaw għal futur koeżiv, sostenibbli u inklużiv tal-Ewropa  

Is-solidarjetà, is-sostenibbiltà u Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha kienu t-tliet temi ewlenin fil-ftuħ tal- Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet għall-2019 . Fil-preżenza ta’ aktar minn 600 politiku, espert u akkademiku lokali, reġjonali u fil-livell tal-UE, Karl-Heinz Lambertz, President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Klára Dobrev MEP, Viċi Preident tal-PE, Elżbieta Bieńkowska, Kummissarju tal-UE, u ħames politiċi eletti żgħażagħ talbu iżjed solidarjetà Ewropea u investiment reġjonali aktar b’saħħtu biex ikun hemm futur aħjar għaċ-ċittadini tal-UE.

Dis-sena, il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet se ssir f’mument politiku ta’ bidla għall-Unjoni Ewropea. Issa li ġie stabbilit il-Parlament Ewropew il-ġdid u li l-Kummissjoni Ewropea se tibda mandat ġdid, l-aġenda tal-UE qed tiffoka bil-qawwa fuq id-definizzjoni tal-prijoritajiet futuri tagħha, inklużi Ewropa aktar soċjalment inklużiva, Ewropa sostenibbli u Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini. Il-konferenza ta’ ġimgħa se ssir ukoll fi żmien meta l-Istati Membri qed ikomplu jinnegozjaw il-baġit fit-tul li jmiss tal-UE għall-perjodu 2021-2027, li se jiddefinixxi kemm mill-investiment tal-UE se jkun allokat għal dawn il-prijoritajiet fis-snin li ġejjin.

Karl-Heinz Lambertz , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qal: “Matul is-snin, il-politika reġjonali tal-UE nbidlet, bi tweġiba għall-isfidi l-ġodda li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa llum . Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE – li tagħti lir-reġjuni u l-bliet l-investiment li jeħtieġu biex jindirizzaw kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, l-inklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi – għandha tibqa’ ċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea. Flimkien ma’ investiment stabbli, l-UE għandha b’mod urġenti tiddefinixxi mill-ġdid il-mod kif isiru l-liġijiet tagħha billi tippermetti lill-gvernijiet lokali u reġjonali – li huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ 70 % tal-liġijiet tal-UE – li jingħataw sehem ġenwin fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE”.

Klára Dobrerev , Viċi-President tal-Parlament Ewropew, qalet: “ Deħlin f’era ġdida . Għall-politiċi, minn dejjem kienet dilemma kif jistgħu jirrikonċiljaw l-interessi politiċi tagħhom fuq perjodu qasir ta’ żmien ma’ għanijiet fit-tul ġenwini. Iżda, issa feġġew atturi ġodda li ġabu magħhom bidliet sinifikanti. Dawn huma żgħażagħ, enerġetiċi u entużjasti u huma konxji tat-theddida marbuta mat-tibdil fil-klima. Minn issa ’l quddiem, il-futur tal-politiċi eletti se jiddependi bil-bosta mill-kapaċità tagħhom li jindirizzaw din it-theddida enormi għall-bniedem. Fi kliem ieħor, dawn se jkollom is-setgħa jagħmlu ħafna aktar. U jien se nkun l-alleat tagħkom f’din il-ġlieda” .

Fid-diskors tagħha matul id-dibattitu, Elżbieta Bieńkowska , Kummissarju għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, qalet : “Il-politika ta’ koeżjoni hija dwar is-solidarjetà, u l-bini ta’ futur aħjar għal kull ċittadin . Il-politika ta’ koeżjoni l-ġdida għall-perjodu 2021-2027 se tkun teħtieġ li kulħadd jikkontribwixxi għall-finanzjament ġdid u li kulħadd jikseb riżultati flimkien. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tkompli tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tar-reġjuni u l-bliet, li huma fuq quddiem nett ta’ Ewropa sostenibbli, u b’hekk jiġi żgurat li nkunu lesti biex intaffu t-tibdil fil-klima u nadattaw għalih” .

Fid-diskussjoni ngħaqdu ħames politiċi żgħażagħ li kienu qed jirrappreżentaw lill-aktar minn 100 politiku żgħażugħ elett mistiedna għall-konferenza. Laura Sparavigna , Kunsillier tal-Belt ta’ Firenze, l-Italja (PSE); Radosław Swoł , Kunsillier tal-Belt ta’ Mielec, il-Polonja (KRE); Vincent Chauvet , Sindku ta’ Autun, Franza (RE); Miia Eskelinen-Fingerroos , Kunsillier tal-Belt ta’ Kuopio, il-Finlandja (PPE); u Kirsteen Currie , Kunsillier fil-Kunsill tal-Highlands, ir-Renju Unit (AE), qasmu l-esperjenza u l-fehmiet tagħhom dwar l-opportunitajiet u l-mezzi li l-bliet u r-reġjuni għandu jkollhom għall-futur tal-Unjoni Ewropea.

Sfond:

Il-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet (#EURegionsWeek) hija konferenza annwali ta’ erbat ijiem koorganizzata mill-KtR u l-Kummissjoni Ewropea. Dan huwa l-akbar avveniment dwar l-iżvilupp reġjonali fl-Ewropa. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tiġbor aktar minn 9,000 parteċipant, fosthom studjużi, amministraturi pubbliċi, esperti u aktar minn 600 politiku lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew fi kważi 400 avveniment: workshops, dibattiti, wirjiet u opportunitajiet ta’ netwerking dwar l-aspetti differenti tal-politika ta’ koeżjoni.

Tista’ tniżżel ir-ritratti u l-filmat tal-avveniment hawnhekk.

Kuntatt:

Carmen Schmidle

Tel. +32 (0)494 735787

carmen.schmidle@cor.europa.eu