Inqas minn xahar qabel il-COP27 – il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ġedded l-appelli tiegħu biex il-gvernijiet sottonazzjonali jkollhom rwol aktar b’saħħtu fin-negozjati globali dwar il-klima u rikonoxximent ulterjuri fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-KtR jipproponi sistema globali biex jinġabar u jiġi mmonitorjat it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-bliet u r-reġjuni, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill tal-UE jappoġġjaw b’mod inekwivoku l-inklużjoni, fil-konklużjonijiet tal-COP27, tal-ħtieġa urġenti għal azzjoni ta’ kooperazzjoni f’diversi livelli u għall-involviment sħiħ tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi.
Wara sajf ta’ nixfa massiva, għargħar u nirien fl-UE kollha u bi prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew, l-inflazzjoni u t-theddida li miljuni ta’ Ewropej jispiċċaw fil-faqar enerġetiku din ix-xitwa, il-kriżi tal-enerġija u tal-klima hija fuq quddiem nett tad-diskussjonijiet fis-Sessjoni Plenarja ta’ Ottubru tal-KtR u l-Ġimgħa Ewropea tar-Reġjuni u l-Bliet 2022.
Qabel il-konferenza tan-NU dwar il-klima li se tibda f’Sharm El Sheikh fis-6 ta’ Novembru, il-membri tal-KtR kellhom dibattitu plenarju dwar ir-rwol tal-awtoritajiet sottonazzjonali fil-COP27 mal-Viċi President tal-Kumitat ENVI fil-Parlament Ewropew Bas Eickhout, mas-Sindku ta’ Utrecht u rappreżentanta tal-ICLEI fil-COP27 Sharon Dijksma u mas-Sindku ta’ Chefchaouen u l-President reġjonali tal-ICLEI għall-Afrika Mohamed Sefiani.
Hu u jiftaħ id-dibattitu, Vasco Alves Cordeiro, President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, qal: "Il-kriżi klimatika qed issir dejjem aktar evidenti f’għajnejn in-nies. Hemm bżonn li naġixxu malajr kemm jista’ jkun u nimxu mill-impenji għar-riżultati. Dak li se jiġi deċiż fil-COP27 se jsawwar il-politiki dwar il-klima u l-enerġija u se jkollu impatt fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha. Il-COP27 ta’ din is-sena qed issir f’nofs il-kriżi tal-enerġija, kriżi aggravata mill-gwerra ta’ Putin kontra l-Ukrajna, iżda din hija xi ħaġa li kellna nindirizzaw diġà għexieren ta’ snin ilu billi nersqu lejn ekonomija newtrali għall-klima. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni se jsemma’ leħnu waqt il-COP27 u se jkompli jaħdem biex isaħħaħ l-alleanzi tiegħu fil-livell tal-UE u dak globali biex jintlaħaq dan l-għan."
Rafał Trzaskowski (PL/PPE), Sindku ta’ Varsavja u l-President il-ġdid tal-Kummissjoni ENVE tal-KtR u tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali, qal: "Permezz ta’ investiment massiv fid-dawl LED fit-toroq ta’ Varsavja, naqqasna l-konsum tal-enerġija u l-infiq pubbliku b’mod sostanzjali. Ħafna bliet u reġjuni Ewropej oħra huma impenjati li jimplimentaw soluzzjonijiet sostenibbli li jagħmlu lill-komunitajiet lokali post aktar b’saħħtu u aħjar biex jgħixu fih. Għalhekk nappellaw għal fondi diretti biex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Barra minn hekk, nappellaw biex il-COP27 tqis leħen il-bliet u r-reġjuni u nilqgħu l-appoġġ tal-Parlament Ewropew għal aktar kooperazzjoni f’diversi livelli. Issa nappellaw lill-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans biex jiġġieled għal rwol aktar b’saħħtu għall-bliet u r-reġjuni fil-mejda ta’ negozjar tal-COP27." Ir-Riżoluzzjoni dwar il-COP27 imressqa mill-Kumitat ENVI tal-Parlament Ewropew ġiet ivvutata t-Tnejn 3 ta’ Ottubru u tappoġġja l-proposti tal-KtR għal kooperazzjoni f’diversi livelli u rwol aktar b’saħħtu tal-bliet u r-reġjuni fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi.
Permezz ta’ Opinjonijiet minn Alison Gilliland (IE/PSE) u Olgierd Geblewicz (PL/PPE), l-assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol tal-gvernijiet lokali u reġjonali fin-negozjati globali dwar il-klima u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. L-awtoritajiet sottonazzjonali u d-diplomazija tal-bliet jistgħu jegħlbu l-ostakli attwali fin-negozjati globali dwar il-klima u juru li ambizzjoni ogħla hija possibbli biex titħaffef l-effiċjenza enerġetika u l-użu ta’ enerġiji rinnovabbli bħala l-unika soluzzjoni biex tiġi indirizzata l-kriżi attwali tal-enerġija u l-klima.
Alison Gilliland (IE/PSE), kunsilliera tal-Belt ta’ Dublin u relatur tal-Opinjoni, Lejn inklużjoni strutturali tal-bliet u r-reġjuni fil-COP 27 tal-UNFCCC, qalet: "L-ekosistemi tagħna għandhom il-ħsara u huma fraġli u ħafna impatti tal-kriżi klimatika diġà huma irriversibbli. Ma nistgħux nippermettu li l-gwerra u l-kriżi tal-enerġija jwaqqfu t-tranżizzjoni ġusta lejn pjaneta aktar nadifa u aktar sostenibbli. Il-bliet u r-reġjuni jeħtieġu aktar finanzjament dirett u appoġġ akbar biex nilħqu l-għanijiet klimatiċi tagħna. Kif definit mill-Patt Klimatiku ta’ Glasgow, neħtieġu governanza inklużiva u nappellaw lill-membri kollha tal-KtR biex ikunu proattivi biex iħeġġu lid-delegazzjonijiet nazzjonali tagħhom għal referenza espliċita fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet sottonazzjonali f’din it-tranżizzjoni."
Olgierd Geblewicz (PL/PPE), President tar-Reġjun ta’ Zachodniopomorskie u relatur tal-Opinjoni Ir-rwol tal-KtR fit-tisħiħ tad-diplomazija sottonazzjonali dwar il-klima qabel il-COP27 u l-COP28, qal: "Id-diplomazija sottonazzjonali u d-diplomazija tal-belt la huma rikonoxxuti u lanqas sfruttati biżżejjed. Il-bliet u r-reġjuni jinsabu fuq quddiem nett fl-indirizzar tal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima iżda wkoll tas-soluzzjonijiet klimatiċi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma strumenti għall-involviment taċ-ċittadini u l-awtonomizzazzjoni tal-komunità, li mingħajrhom ma nistgħux inwettqu l-wegħdiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Nappellaw lill-Kummissjoni Ewropea biex tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala ambaxxaturi taċ-ċittadini fin-negozjati dwar il-klima. Bħala l-assemblea tal-UE tal-bliet u r-reġjuni, il-KtR jinsab lest li jsir l-istituzzjoni li tikkoordina d-diplomazija sottonazzjonali dwar il-klima mal-pajjiżi msieħba tal-UE."
Jakub Piotr Chełstowski (PL/KRE), President tal-Provinċja ta’ Śląskie u relatur tal-KtR dwar Pakkett tal-enerġija dwar l-emissjonijiet tal-gass, tal-idroġenu u tal-metan, ukoll ħa sehem fid-dibattitu, u enfasizza li: "Il-pakkett il-ġdid dwar il-gass u r-Regolament dwar il-metan huma kruċjali għall-għanijiet strateġiċi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, kif ukoll il-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” u r-REPowerEU. L-iżvilupp tas-swieq għall-idroġenu u l-bijometan u t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-metan huma kruċjali wkoll għall-ekonomiji reġjonali tagħna u biex inlaħħqu mal-ambizzjoni klimatika tagħna."
Noti lill-edituri:
Persuna ta' kuntatt:
David Crous
david.crous@cor.europa.eu
+32 (0) 470 8810 37