Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
L-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ u l-intraprenditorija tan-nisa fir-reġjun Ewro-Mediterran  
Kumpanija tal-moda Libjana tirbaħ il-premju għall-Intraprenditorija Lokali Żagħżugħa fil-Mediterran

Kumpanija tal-moda u tat-tessuti Libjana ngħatat il-premju għall-Intraprenditorija Lokali Żagħażugħa fil-Mediterran 2019 fis-26 ta’ Frar. Il- premju ngħata fis- sessjoni plenarja tal- Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) li saret fil-belt Spanjola ta’ Sevilja, fejn 100 mexxej lokali u reġjonali nġabru biex jiddiskutu kif irawmu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, jagħtu s-setgħa lin-nisa, itejbu l-governanza, isaħħu l-kooperazzjoni bejn il-bliet u jiġġestixxu l-migrazzjoni.

Il-premju ngħata lil Zimni Jdeed , kumpanija tal-moda u tat-tessuti bbażata fi Tripli li qed terġa’ toħloq l-ilbies tradizzjonali f’kuntest modern b’suċċess kbir. L-imprenditur żagħżugħa Naway Altahir Mohammed Shukri u ħuha Ali nedew il-kumpanija tliet snin ilu. Issa jimpjegaw sitt ħajjata, u b’hekk joffru ambjent tax-xogħol diċenti għan-nisa. L-ewwel edizzjoni tal-premju tal-ARLEM irċeviet 24 applikazzjoni minn disa’ pajjiżi.

Waqt li faħħar lir-rebbieħ, Karl-Heinz Lambertz, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni , qal: “ Hemm xewqa fil-Mediterran kollu li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u jiġi sfruttat il-potenzjal enormi tar-reġjun.

Billi nagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ kollha irrispettivament mill-ġeneru, nistgħu nrawmu l-intraprenditorija u noħolqu impjiegi ġodda. Permezz tal-kooperazzjoni deċentralizzata qed napprofondixxu l-integrazzjoni tar-reġjun, negħlbu l-isfidi li jmorru lil hinn mill-fruntieri, bħall-migrazzjoni u l-esklużjoni soċjali, u nilħqu l-mira ta’ żvilupp sostenibbli.

Lahcen Amrouch , Sindku ta’ Argana fil-Marokk u rappreżentant fil-laqgħa tal-kopresident tal-ARLEM, Mohammed Boudra, enfasizza li “ l-intraprenditorija taż-żgħażagħ hija prijorità għall-ARLEM. Huwa għalhekk li varajna l-Premju tal-ARLEM biex nippromovu l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u nagħtu viżibbiltà lil dawk li mhumiex skoraġġuti mid-diffikultajiet li jsibu ma’ wiċċhom biex jiftħu negozju ġdid. Inħeġġu lill-gvernijiet nazzjonali jissimplifikaw il-leġislazzjoni dwar in-negozji, inaqqsu l-piż amministrattiv u tat-taxxa, u joħolqu inkubaturi tan-negozju u skemi ta’ mikrokreditu biex jagħtu spinta lill-intraprenditorija taż-żgħażagħ.

Nasser Kamel, Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran , qal: “ Ix-xogħol tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja huwa estremament importanti. L-Assemblea tirrappreżenta lill-poplu tar-reġjun Ewro-Mediterran, aktar minn 800 miljun ċittadin li għandhom bżonn l-impenn tagħna għall-promozzjoni tad-djalogu u l-kooperazzjoni. Bħala d-dimensjoni territorjali tal-Unjoni għall-Mediterran, l-ARLEM trid tikkontribwixxi għad-definizzjoni tal-prijoritajiet u t-tisħiħ tal-viżibilità tal-ħidma u l-attivitajiet li nwettqu, biex b’hekk is-sħubija Ewro-Mediterranja titqarreb lejn l-interessi u l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħha.

Id-delegazzjoni ta’ 100 parteċipant minn 19-il pajjiż membru żaru La Cartuja f’Sevilja, is-sit tal-Espożizzjoni Universali tal-1992 li issa ġie rikonvertit f’park kummerċhjali u ċentru inkubatur li jiġbor fih 450 kumpanija u 17,000 impjegat. Is-Sindku ta’ Sevilja, Juan Espadas (ES/PSE) , qal: “ Il-kunsill tal-belt implimenta kompetenzi ġodda biex jindirizza l-qgħad, b’enfasi fuq it-taħriġ taż-żgħażagħ u t-titjib tal-impjegabbiltà tagħhom. Sevilja għandha kapital uman kbir. L-intraprenditorija tinsab fid-DNA tal-belt tagħna. Huwa għalhekk li jiena partikolarment grat li l-ewwel ċerimonja tal-għoti tal-premju tal-ARLEM lill-intraprendituri żgħażagħ qed isseħħ fil-belt tagħna.

Matul il-laqgħa tal-ARLEM, ġie adottat rapport dwar L-intraprenditorija taż-żgħażagħ fil-Mediterran li jitlob li jissaħħu l-programmi li jappoġġjaw l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, bħal MedUP! , Med4jobs u Next Society , sabiex jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku fuq ix-xtut tan-Nofsinhar tal-Mediterran. L-UE, ir-rapport jgħid, għandha tagħti bidu għal skemi li jagħtu lill-imprendituri żgħażagħ mill-Afrika ta’ Fuq u mil-Lvant Nofsani l-opportunità li jirċievu taħriġ minn intraprendituri ta’ esperjenza f’wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE.

Ir-relatur Olgierd Geblewicz (PL/PPE) , President of tar-Reġjun ta’ Westpomerania, qal: “ Jeħtieġ li niffaċilitaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ biex nagħtu ħajja mill-ġdid lill-komunitajiet lokali, noħolqu impjiegi ġodda, nagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku u ntejbu l-benessri soċjali. Nappellaw lill-UE, lin-NU u lill-gvernijiet nazzjonali madwar ir-reġjun Ewro-Mediterran biex joħolqu programmi vokazzjonali u jiżviluppaw skemi ta’ mikrokreditu għall-intraprendituri żgħażagħ . L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti bis-sħiħ fil-politiki tas-suq tax-xogħol u tal-impjieg peress li huma fl-aħjar pożizzjoni biex jimplimentaw programmi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħhom.

Ġie adottat ukoll rapport dwar Governanza u trasparenza fil-Mediterran ’, immexxi minn Lütfü Savas , Sindku ta’ Hatay fit-Turkija. Ir-rapport jappella għal deċentralizzazzjoni akbar fir-reġjun, bħala mod kif jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ fiduċja attwali fl-awtoritajiet pubbliċi. Billi jagħtu s-setgħa lill-gvernijiet lokali, iċ-ċittadini jistgħu jipparteċipaw b’mod aktar attiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet. L-ARLEM tiddefendi baġits ogħla għall-gvernijiet lokali u l-kapaċitajiet tal-ġbir tat-taxxa biex jinvestu fi proġetti ġodda f’oqsma ta’ prijorità.

Koorganizzat mill- Konferenza tar-Reġjuni Periferiċi u Marittimi (CPMR) u l- Assoċjazzjoni ta’ Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej (AEBR), saret ukoll sessjoni ta’ ħidma dwar il-migrazzjoni li ffokat fuq ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jirċievu u jintegraw il-migranti.

Saru wkoll diskussjonijiet dwar l-inizjattiva ta’ Nikosija , programm ta’ kooperazzjoni deċentralizzata bejn l-UE u s-Sindki Libjani. Wara l-programmi ta’ skambju li rnexxew fis-sajd sostenibbli mar-reġjun ta’ Friuli Venezia Giulia u l-ġestjoni tal-ilma ma’ Murcia, l-ARLEM għandha l-għan li testendi l-inizjattiva ta’ Nikosija b’aktar fondi u programmi ta’ skambju, u laqgħet imsieħba ġodda bħall-gvern reġjonali ta’ Galicia u l-belt ta’ Sevilja.

Nota lill-edituri:

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ħoloq l-ARLEM fl-2010 sabiex jippermetti li r-rappreżentanti eletti tat-tliet ixtut tal-Baħar Mediterran ikunu rappreżentati quddiem l-UE u l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) u jżommu djalogu politiku u jippromovu l-kooperazzjoni interreġjonali. L-ARLEM hija magħmula minn 80 membru u 2 osservaturi mill-UE u mill-pajjiżi msieħba tal-Mediterran tagħha. L-ARLEM hija kopreseduta mill-President tal-KtR, Karl-Heinz Lambertz u Mohamed Boudra, sindku tal-belt Marokkina ta’ Al Hoceima u President tal-Assoċjazzjoni Marokkina tal-Presidenti tal-Kunsilli Komunali (AMPCC). L-UgħM twaqqfet fl-2008. L-UgħM hija organizzazzjoni intergovernattiva bbażata f’Barċellona li tiġbor flimkien 43 pajjiż, inklużi t-28 pajjiż tal-UE.

X’inhu l-Premju tal-ARLEM: ara l-vidjo hawnhekk .

Ara l-preżentazzjoni bil-video tar-rebbieħ tal-premju ARLEM 2019.

Kuntatt:

David Crous | david.crous@cor.europa.eu | +32 (0) 470 88 10 37

Ikkondividi: