Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Vasco Alves Cordeiro elett bħala President ġdid tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni  

“Għal Ewropa magħmula minn kulħadd, għal kulħadd. Għal kull raħal, belt u reġjun.”

Vasco Alves Cordeiro ġie elett mill-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) bħala l-President il-ġdid tagħhom għas-sentejn u nofs li ġejjin. Il-membru tal-Parlament Reġjonali tal-Azores se jmexxi l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali, u se jiffoka fuq it-tisħiħ tad-demokrazija, id-difiża tal-politika ta’ koeżjoni, l-ilħuq tal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku tal-UE u t-tisħiħ tal-appoġġ reġjonali għall-Ukrajna. Il-membri tal-KtR ħatru wkoll lil Apostolos Tzitzikostas, Gvernatur tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja, bħala l-Ewwel Viċi President il-ġdid tagħhom.

Meta tkellem quddiem 329 membru tal-KtR mis-27 Stat Membru kollha tal-UE, Vasco Alves Cordeiro, elett b’akklamazzjoni, beda billi enfasizza li kien il-Parlament tal-Azores li tah il-leġittimità demokratika li jkun membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni: “Huwa minħabba l-impenn tiegħi lejn l-Azores li ninsab hawn illum.Mingħajru, ma kontx inkun hawn.

Huwa u jippreżenta l-prijoritajiet għall-mandat tiegħu, il-President il-ġdid qal li “dak li jeħtieġu ż-żminijiet attwali huwa Ewropa aktar b’saħħitha u aktar ġusta, għal kulħadd. Ewropa aktar b’saħħitha li l-progress tagħha jkun ibbażat fuq l-affermazzjoni – konkreta u mingħajr l-ebda tlaqliq – tal-valuri u l-prinċipji fundamentali tagħha, bħal-libertà, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, it-tolleranza, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, fost oħrajn. Ewropa aktar b’saħħitha li hija bbażata wkoll fuq il-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni akbar u sistematika taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.”

Huwa u jirreferi għall-futur tal-Ewropa, Vasco Alves Cordeiro enfasizza li “ir-rispons għall-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa huwa ta’ sfida għall-azzjoni, il-kredibbiltà u saħansitra l-fiduċja tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha. Mhux possibbli li nistiednu u nħeġġu liċ-ċittadini biex jieħdu sehem f’dan l-eżeċizzju ta’ demokrazija sabiex niddefinixxu dak li huma jemmnu x’għandha jew x’ma għandhiex tkun l-Ewropa, u wara nqisu, pereżempju, li kwalunkwe ħaġa li tista’ tinvolvi l-emendar tat-Trattati hija suġġett ta’ tabù.”

Fid-dawl tal-gwerra li għaddejja kontra l-Ukrajna, Vasco Alves Cordeiro jixtieq li l-KtR ikompli jappoġġja lill-Ukrajna u jsaħħaħ il-perspettiva Ewropea fil-pajjiż u għamilha ċara li “il-bliet u l-irħula tal-Ewropa jinsabu fuq quddiem nett fl-appoġġ għall-proċess tal-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-familja kbira Ewropea.” Huwa żied jgħid: “Irridu nappoġġjaw lill-imsieħba Ukreni tagħna fil-preżent u fil-futur għar-rikostruzzjoni. Din hija r-raġuni għaliex qed inniedu l-Alleanza għall-Ukrajna matul din il-plenarja.”

Fl-aħħar nett, il-President il-ġdid indika li l-Unjoni Ewropea għandha tiffoka fuq l-iżgurar tar-rwol tal-politika ta’ koeżjoni bħala pilastru tal-proġett Ewropew, u tiżgura li l-ebda persuna u l-ebda post ma jitħallew jibqgħu lura. “It-tnaqqis fis-saħħa tal-politika ta’ koeżjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali futur ta’ wara l-2027 hija riskju li m’għandux u ma jistax jiġi injorat. Għalhekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jrid iżomm il-pożizzjoni tiegħu fid-difiża ta’ politika li fadlilha ħafna x’tagħti għall-kisba ta’ din l-idea li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, jiġifieri, l-ideal proprju tal-Unjoni.”

Vasco Alves Cordeiro ilu membru tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni mill-2013 u serva bħala l-Ewwel Viċi President tal-istituzzjoni minn Frar 2020 sa Ġunju 2022. Fl-2012, ġie elett President tal-Gvern Reġjonali tal-Azores għall-ewwel darba, pożizzjoni li għaliha reġa’ ġie elett fl-2016, u, f’dik il-kapaċità, irrappreżenta r-reġjun fil-livell Ewropew u internazzjonali. Cordeiro huwa t-tieni president Portugiż ta’ istituzzjoni tal-UE u l-ewwel President Portugiż tal-Kumitat tar-Reġjuni; huwa wkoll l-uniku President ta’ istituzzjoni tal-UE li ġej minn reġjun ultraperiferiku tal-UE.

Aktar informazzjoni:

Persuna ta’ kuntatt:

Kelliema f’isem il-President:

Monica Tiberi

Tel. +32 479517443

Monica.Tiberi@cor.europa.eu

Uffiċjal tal-istampa

Theresa Sostmann

Tel. +32 475999415

Theresa.Sostmann@cor.europa.eu

Ikkondividi: