Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Għajnuna mill-Istat u strateġiji tal-agroforestrija aktar effiċjenti huma kruċjali biex jitnaqqas id-distakk fil-koeżjoni taż-żoni rurali  

Il-ġestjoni sostenibbli u effiċjenti tal-agrikoltura u l-forestrija hija kruċjali biex jiġi ssalvagwardjat u mħares il-pajsaġġ, biex l-ekonomiji rurali jinżammu ħajjin, tiġi miġġielda d-depopolazzjoni u b’hekk jiġu miġġielda d-disparitajiet fl-iżvilupp. Il-mexxejja lokali u reġjonali jappellaw lill-Unjoni Ewropea biex tappoġġja lill-SMEs, u lill-mikrointrapriżi fiż-żoni rurali, b’mod partikolari permezz ta’ proċeduri semplifikati dwar ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

L-isforz tal-Unjoni Ewropea biex issir kontinent newtrali għall-klima sal-2050 u l-isforzi tagħha biex tagħti ħajja ġdida liż-żoni rurali, filwaqt li żżomm il-koeżjoni bħala valur fundamentali tal-UE, jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn ċerta flessibbiltà fir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-agrikoltura u n-negozji rurali. Dan huwa l-messaġġ ewlieni mibgħut mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) f’Opinjoni dwar L-għajnuna mill-Istat futura fis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u taż-żoni rurali, abbozzata minn Guido Milana (IT/PSE), Kunsillier Komunali ta’ Olevano Romano, u adottata matul is-sessjoni plenarja li saret fis-27 u t-28 ta’ April.

Wara l-kriżi kkawżata mill-pandemija, il-gwerra fl-Ukrajna qed tpoġġi pressjoni fuq l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa u t-tranżizzjoni ekoloġika għas-settur agrikolu. Madankollu, ma nistgħux naffordjaw li nagħmlu pass lura milli nindirizzaw it-tibdil fil-klima, u ngħidu “le” b’mod ċar lil dawk li qed jużaw il-kunflitt biex idgħajfu l-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt. Nappoġġjaw l-importanza tal-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika, iżda fl-istess ħin nappellaw sabiex din tiġi akkumpanjata b’miżuri adegwati ta’ appoġġ. Dawn jinkludu, l-ewwel u qabel kollox, l-għajnuna mill-Istat għas-setturi tal-agrikoltura, rurali u tal-forestrija, li trid issir aktar flessibbli u aktar sempliċi. Għal dan il-għan, nappellaw għal definizzjoni mill-ġdid tal-kunċett ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, għall-ħolqien ta’ definizzjoni ġdida ta’ mikrointrapriżi speċifikament għas-settur agrikolu, għax nemmen bis-sħiħ li dawn il-kumpaniji jeħtieġ li jiġu appoġġjati peress li huma dawk l-aktar adatti biex tinkiseb it-tranżizzjoni ekoloġika,” qal ir-relatur.

Il-mexxejja lokali u reġjonali jappellaw biex l-azjendi agrikoli jiġu appoġġjati fil-proċess lejn it-tranżizzjoni ekoloġika, speċjalment in-negozji iżgħar attivi fil-protezzjoni tal-pajsaġġ, kif ukoll il-mikrointrapriżi, li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mat-tranżizzjoni waħedhom. Il-membri tal-KtR jenfasizzaw ukoll li għandu jingħata biżżejjed appoġġ lill-SMEs fiż-żoni rurali, mingħajr distinzjoni bejn dawk attivi fin-negozju agrikolu u dawk li mhumiex.

Il-Kummissjoni Ewropea trid tippreżenta proposti ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-agrikoltura, li se jkunu applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2023. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa għal semplifikazzjoni reali tal-proċeduri amministrattivi għall-awtoritajiet lokali meta jirċievu l-għajnuna mill-Istat jew meta jkollhom bżonn jindirizzaw l-emerġenzi. Attwalment, l-ispejjeż semplifikati jitqiesu kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biss fil-kuntest ta’ għajnuna li tibbenefika minn kofinanzjament minn sorsi tal-UE, madankollu, il-Kumitat jargumenta li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni valida biex ikomplu jiġu stipulati metodi differenti għall-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli skont minn fejn ikun ġej il-finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna.

Flimkien mal-agrikoltura, is-settur tal-forestrija għandu rwol soċjoekonomiku kruċjali għall-iżvilupp reġjonali, b’mod partikolari fiż-żoni l-aktar imbiegħda, fir-reġjuni muntanjużi u fl-aktar territorji żvantaġġati. Fir-rigward ta’ dan is-settur, il-mexxejja lokali jappellaw sabiex l-appoġġ għall-infrastruttura ma jitqiesx bħala għajnuna mill-Istat b’mod awtomatiku f’każ li jkun jikkonċerna investimenti mhux produttivi. F’Opinjoni separata adottata matul il-plenarja, abbozzata mis-Segretarju Reġjonali tal-UE u r-Relazzjonijiet Esterni tal-Gvern ta’ Valencia Joan Calabuig Rull (ES/PSE), il-membri tal-KtR jenfasizzaw il-kontribut pożittiv ta’ prodotti forestali pproċessati u ġestiti b’mod industrijali u sostenibbli għal ħafna ekonomiji reġjonali.

L-Opinjoni dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għall-2030 tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u tenfasizza l-importanza tar-rispett u ż-żamma tad-diversità tal-foresti permezz ta’ prattiki ta’ ġestjoni sostenibbli.

Il-mexxejja lokali jenfasizzaw li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti teħtieġ aktar finanzjament Ewropew permezz tal-impenn ta’ riżorsi finanzjarji ċari u realistiċi filwaqt li jiġu ssemplifikati l-proċessi amministrattivi.

Ir-relatur Calabuig qal: “L-istabbiliment ta’ qafas u objettivi komuni fil-livell Ewropew huwa pożittiv ħafna, iżda dan ma jfissirx li tiddgħajjef is-sussidjarjetà f’dan il-qasam, fid-dawl tad-diversità tal-foresti fl-Ewropa u l-fatt li 40 % tal-foresti huma ġestiti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali. L-UE, li għandha firxa wiesgħa ta’ kompetenzi fi kwistjonijiet relatati, għandha tappoġġja r-reġjuni u l-muniċipalitajiet peress li fl-aħħar mill-aħħar dawn se jimplimentaw l-istrateġija Ewropea. Dan l-approċċ huwa essenzjali biex tinkiseb ġestjoni sostenibbli tal-foresti, mifhuma fit-tliet dimensjonijiet tagħha: soċjali, ekonomiċi u ambjentali.

Is-settur tal-foresti, l-agrikoltura u l-prodotti b’rabta mal-użu tal-art, bħall-bijomassa, il-prodotti b’bażi tal-injam u dawk b’bażi bijoloġika, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fiż-żoni rurali. Anke s-setturi tal-użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) huma kruċjali għall-politika dwar il-klima. Åsa Ågren Wikström (SE/PPE), membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Västerbotten u relatur tal-Opinjoni adottata dwar ir-Reviżjoni tar-Regolament LULUCF u r-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, qalet: “Jeħtieġ li naraw il-potenzjal sħiħ tas-settur tal-forestrija fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u fl-iżvilupp tal-bijoekonomija lokali u reġjonali. Is-sekwestru tal-karbonju fil-foresti, l-użu tal-prodotti u l-bijoenerġija mill-foresti jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-impatt fuq il-klima kif ukoll għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. It-tibdil fil-klima huwa problema transkonfinali, li ma tistax tissolva b’azzjoni nazzjonali jew lokali waħedha. Jeħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u fl-istess ħin jibbilanċjaw il-ġustizzja u s-solidarjetà. It-trasformazzjoni meħtieġa għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali.”

Aktar informazzjoni:

F’Mejju 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jiġbor fil-qosor ir-riżultati ta’ evalwazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija u għaż-żoni rurali. L-evalwazzjoni tikkonkludi li jistgħu jkunu meħtieġa xi aġġustamenti mmirati biex ir-regoli attwali jiġu allinjati mal-prijoritajiet attwali tal-UE, il-Politika Agrikola Komuni (PAK) futura u l-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-adozzjoni tar-regoli riveduti hija ppjanata għal tmiem l-2022 sabiex jiġu applikati fl-2023.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE adottaw ir-Regolamenti dwar il-PAK il-ġdida, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2021/2115, li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjani strateġiċi, wara li tqieset l-Opinjoni tal-KtR dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida.

F’Jannar 2022, il-KtR adotta Opinjoni dwar Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali mill-President ta’ Andalucía Juanma Moreno.

Il-KtR esprima l-fehmiet tiegħu dwar l-istrateġija dwar il-Bijodiversità u l-istrateġja Mill-Għalqa sal-Platt, fl-Opinjoni dwar Bliet u reġjuni bijodiversi lil hinn mill-2020 fil-COP 15 tal-KDB tan-NU u fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030, u fl-Opinjoni dwar Mill-Għalqa sal-Platt: id-dimensjoni lokali u reġjonali.

Il-foresti jkopru proporzjon dejjem akbar ta’ art (attwalment 43 %), prinċipalment f’reġjuni depopolati. Is-settur tal-forestrija (il-ġestjoni u l-ħsad, l-ipproċessar industrijali tal-injam u l-karta) impjega direttament 2,1 miljun persuna fl-UE (data tal-2018), u ġġenera valur miżjud gross ta’ EUR 109 855 miljun. Fl-2018, 397 000 kumpanija kienu joperaw f’industriji bbażati fuq il-foresti, li jirrappreżentaw 15 % tal-kumpaniji tal-manifattura. Barra minn hekk, 1,2 miljun persuna ħadmu fil-manifattura tal-għamara tal-injam u fl-istampar tal-karta, u ġġeneraw valur miżjud gross ta’ EUR 25 000 miljun u EUR 31 000 miljun rispettivament. Fl-aħħar nett, il-bijoenerġija, il-kostruzzjoni tal-injam u l-prodotti tal-foresti mhux tal-injam ħolqu 4 miljun impjieg addizzjonali.

Il-prattiki agrikoli sostenibbli u l-istrateġiji tal-forestrija reżistenti għall-klima li jirrispettaw u jikkontribwixxu għar-restawr tal-bijodiversità fl-Ewropa huma elementi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-istrateġija tat-tkabbir tal-UE biex tintlaħaq in-newtralità klimatika sal-2050. Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali huwa inizjattiva ewlenija tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni li għandha l-għan li tqiegħed il-bliet u r-reġjuni fil-qalba tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika tal-UE. Dan jinkludi diversi sejħiet għal azzjoni bħal Is-Siġar għall-Ħajja, stħarriġ biex jinġabru l-fehmiet tal-bliet u r-reġjuni dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tal-implimentazzjoni lokali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u sejħa biex l-awtoritajiet lokali u reġjonali kollha jikkondividu l-impenji tagħhom dwar il-klima.

Persuna ta’ kuntatt:

Matteo Miglietta

Tel. +32 (0)470 895 382

matteo.miglietta@cor.europa.eu

David Crous

Tel. +32 (0)470 881 037

david.crous@cor.europa.eu

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/ONLINE-EUREGIONSWEEK-COMMUNITY.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EFFICIENT-STATE-AID-AGROFORESTRY-STRATEGIES.ASPX

Online #EURegionsWeek community
Online #EURegionsWeek community
03.10.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CP94---ENVE-MALAGA-COP28-STATEMENT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EFFICIENT-STATE-AID-AGROFORESTRY-STRATEGIES.ASPX

Local and regional governments across the world join forces ahead of COP28 to strengthen their leadership in climate action
Local and regional governments across the world join forces ahead of COP28 to strengthen their leadership in climate action
29.09.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/HL47---INTERVIEW-KLISOVIC.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EFFICIENT-STATE-AID-AGROFORESTRY-STRATEGIES.ASPX

Making the Green Deal accessible and affordable for all is the real challenge, says CoR rapporteur Joško Klisović
Making the Green Deal accessible and affordable for all is the real challenge, says CoR rapporteur Joško Klisović
29.09.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/PRESIDENT-CORDEIRO-CALLS-FOR-A-EUROPEAN-PARTNERSHIP-PACT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EFFICIENT-STATE-AID-AGROFORESTRY-STRATEGIES.ASPX

President Cordeiro calls for a European Partnership Pact to make Cohesion Policy simpler and more flexible in the future
President Cordeiro calls for a European Partnership Pact to make Cohesion Policy simpler and more flexible in the future
29.09.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/GREEN-DEAL-FUNDING-ALERT-SEPTEMBER-2023.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/EFFICIENT-STATE-AID-AGROFORESTRY-STRATEGIES.ASPX

Green Deal Funding Alert - September 2023
Green Deal Funding Alert - September 2023
29.09.2023