Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Studju ġdid tal-KtR iwissi dwar in-nuqqas ta’ involviment tar-reġjuni u l-bliet fil-pjani nazzjonali għall-irkupru  

Hekk kif il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-UE qed jiltaqgħu fi Brussell biex jirrevedu s-sitwazzjoni attwali tal-irkupru ekonomiku, ir-riżultati ta’ studju ġdid ikkummissjonat mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jiżvelaw in-nuqqas ta’ involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-istudju ġie ppreżentat waqt il-laqgħa tal- Kummissjoni għall-Politika Ekonomika (ECON) tal-KtR . Il-membri tal-Kummissjoni ECON esprimew ukoll tħassib serju li minħabba nuqqas ta’ attenzjoni mogħtija lid-disparitajiet territorjali fil-pjani u minħabba l-koordinazzjoni insuffiċjenti mal-miri tal-politika ta’ koeżjoni hemm ir-riskju ta’ fondi li jikkoinċidu.

Skont l-istudju, li janalizza tmienja mill-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza ppreżentati lill-Kummissjoni Ewropea sal-aħħar ta’ Mejju, il-pjani nazzjonali għall-irkupru jipprevedu opportunitajiet limitati ħafna biex ir-reġjuni jipprovdu input demokratiku. Il-biċċa l-kbira tal-atturi reġjonali u lokali ġew ikkonsultati biss b’modi formali u unilaterali u se jkunu prinċipalment inkarigati mit-twassil amministrattiv tal-politiki ta’ investiment. L-ideat tagħhom rarament ġew trasposti fil-pjani. Madankollu, l-għoti ta’ aktar flessibbiltà politika dwar l-użu tar-riżorsi ta’ investiment lill-bliet u r-reġjuni jrawwem is-sjieda tal-komunitajiet lokali fir-rigward tal-politiki u jsaħħaħ il-bini tal-kapaċità fil-livell lokali. In-nuqqas ta’ involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, li huma kruċjali għat-twassil ta’ investimenti u servizzi kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-riformi, jista’ jdgħajjef l-impatt u l-effiċjenza tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Michael Murphy (IE/PPE) , President tal-Kummissjoni ECON tal-KtR u membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Tipperary, qal: “ L-istudju li ġiet ippreżentat illum jikkonferma dak li kienet issuġġeriet il-ħidma preċedenti tagħna: hemm diversità wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet fl-UE iżda ħafna Stati Membri jittrattaw il-konsultazzjonijiet ma’ atturi reġjonali u lokali mhux bħala skambji sinifikanti, iżda pjuttost bħala proċessi unilaterali – bħala eżerċizzju “burokratiku”. Ir-rikkezza tal-għarfien u l-esperjenza tar-reġjuni u l-bliet rari jiġu inklużi fil-pjani ta’ rkupru. Din hija opportunità mitlufa u sempliċement ma tikkostitwixxix governanza tajba. L-awtoritajiet lokali u reġjonali huma kruċjali biex jitwettqu l-investimenti u s-servizzi pubbliċi, kif ukoll biex jiġu implimentati r-riformi, u huwa żball li wieħed jipprova jibni l-irkupru tal-UE mingħajrhom.

Il-membri tal-Kummissjoni ECON esprimew id-dispjaċir tagħhom li l-investimenti proposti fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza ma jqisux sinerġiji potenzjali bejn il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE. It-trikkib bejn iż-żewġ strumenti finanzjarji jista’ jdgħajjef l-effettività tal-politika ta’ koeżjoni. Minbarra l-Italja u l-Belġju, ma hemm l-ebda allokazzjoni territorjali tar-riżorsi. L-istudju jikkonkludi wkoll li r-rwol li l-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza jallokaw għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex imexxu ’l quddiem it-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali għadu vag u mhux definit sew.

Fid-dawl tar-riżultati tal-istudju, il-membri tal-Kummissjoni ECON ħeġġew lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza kollha, biex tinsisti – b’mod konġunt mal-Parlament Ewropew – dwar id-definizzjoni tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-fażijiet li fadal tal-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza, biex il-koeżjoni tinżamm bħala valur fundamentali u biex ir-reġjuni u l-bliet tal-UE jiġu involuti fis-Semestru Ewropew u fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-pjani.

Minbarra d-dibattitu dwar il-Fond għall-Irkupru tal-UE, il-Kummissjoni ECON adottat l-Abbozz ta’ Opinjoni dwar “Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi industrijali u tal-artiġjanat fl-Unjoni Ewropea” li jappella għal qafas regolatorju armonizzat tal-UE għall-indikazzjonijiet ġeografiċi biex jissostitwixxi l-frammentazzjoni ta’ strumenti legali nazzjonali u b’hekk jissalvagwardja parti importanti tal-wirt kulturali tal-Ewropa, itejjeb id-drittijiet tal-konsumatur, iżid id-dħul tal-produtturi u jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reġjuni kkonċernati.

Martine Pinville (FR/PSE), Kunsilliera Reġjonali ta’ Nouvelle-Aquitaine u r-relatur tal-Opinjoni, qalet: “ It-talba li ilu jagħmel il-KtR għal regolament li jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi industrijali u tal-artiġjanat issa għandha tiġi implimentata. Għall-konsumaturi, tali regolament ikun garanzija tal-oriġini, tal-kwalità u tal-awtentiċità ta’ prodott. Għan-nies tas-sengħa jew il-kumpaniji, dan ikun ifisser apprezzament tal-għarfien tagħhom u jipproteġihom kontra l-kompetizzjoni inġusta u l-iffalsifikar. Fl-aħħar nett, għar-reġjuni, dan jikkonċerna l-protezzjoni ta’ wirt lokali u ż-żamma ta’ impjiegi ta’ valur miżjud u li ma jistgħux jiġu rilokati fit-territorju tagħhom.

L-Opinjoni hija skedata li tiġi adottata mill-Plenarja tal-KtR fis-sessjoni ta’ Ottubru.

Il-laqgħa tal-Kummissjoni ECON ipprovdiet ukoll opportunità għall-membri biex jiskambjaw fehmiet dwar dokumenti ta’ ħidma dwar l-“Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali tal-2020: lejn Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”, ippreżentati mir-relatur Jeannette Baljeu (NL/Renew Europe), u dwar l-Opinjoni dwar Regolamentazzjoni Aħjar, ippreżentata mir-relatur tal-Kummissjoni CIVEX Piero Mauro Zanin (IT/PPE).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ECON ħatret lil Rob Jonkman (KRE/NL), bħala relatur tal-Opinjoni dwar “L-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza”, u rrakkomandat lil Mark Weinmeister ( DE/ PPE) biex jinħatar bħala relatur ġenerali dwar l-“Identità Diġitali Ewropea”.

Kuntest:

Il- Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-UE hija l-istrument fiskali ta’ EUR 672,5 biljun (EUR 312,5 biljun f’għotjiet u EUR 360 biljun f’self) imfassal biex jappoġġja lill-Istati Membri fit-twettiq tar-riformi u l-investiment fil-prijoritajiet komuni tal-UE. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija l-akbar għodda finanzjarja inkluża fl-istrument għall-irkupru ta’ EUR 750 biljun tan- Next Generation EU . Sabiex jibbenefikaw mill-appoġġ tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza li jindikaw ir-riformi u l-investimenti li jkunu se jiġu ffinanzjati. S’issa, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet 24 pjan nazzjonali minn 27, u approvat 1 2 -il pjan minnhom.

L-istudju dwar “L-Awtoritajiet Reġjonali u Lokali fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza”, ikkummissjonat mill-KtR, jiffoka fuq tmienja mill-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza ppreżentati lill-UE sal-aħħar ta’ Mejju 2021: il-Belġju, il-Kroazja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija u Spanja. Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli hawnhekk .

Konsultazzjoni konġunta tal-KtR-CEMR ippreżentata f’Jannar diġà indikat li ħafna gvernijiet tal-UE kienu qed jeskludu r-reġjuni u l-bliet mit-tħejjija tal-pjani ta’ rkupru ta’ wara l-COVID. Ir-riżultati kollha huma disponibbli hawnhekk .

Skont ir- Regolament li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Artikolu 18(4)(q)), u kif imfakkar reċentement f’ Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew adottata b’maġġoranza kbira, il-pjani għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jitħejjew u, “fejn disponibbli”, jiġu implimentati wara “proċess ta' konsultazzjoni, imwettaq skont il-qafas legali nazzjonali, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra”. L-Istati Membri se jkollhom jippreżentaw sommarju tal-proċess ta’ konsultazzjoni, li għandu jagħti dettalji dwar “kif l-input tal-partijiet ikkonċernati huwa rifless fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza”.

Persuna ta’ kuntatt:

Maximilian v. Klenze

Tel. +32 2 282 2044

Maximilian.vonKlenze@cor.europa.eu

Matteo Miglietta

Tel. +32 470 895 382

Matteo.Miglietta@cor.europa.eu

Share: