Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
It-tfassil tal-liġijiet tal-UE: ‎ Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li ssaħħaħ ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet  
Ir-rapport tal-KE jqis ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea biex isaħħaħ l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-politiki tal-UE. Il-KtR jappoġġja l-proposti mħabbra mill- komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li l-KtR jemmen se jtejbu l-kwalità u l-effettività tal-politika tal-UE billi jagħtu aktar vuċi lill-bliet u r-reġjuni.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità tapprova b’mod ġenerali l-ħidma u r- rakkomandazzjonijiet tat- Task Force għas-Sussidjarjetà, għall-Proporzjonalità u “Biex Tagħmel Inqas b’Mod Iktar Effiċjenti” , fejn il-KtR kien irrappreżentat mill-President u żewġ membri tiegħu. Il-Kummissjoni qed tipproponi li tirrevedi l- Pjattaforma REFIT , li għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-leġislazzjoni tal-UE, billi twessa’ l-fokus tagħha sabiex tindirizza kwistjonijiet ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, kif ukoll it-tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u r-rabtiet man-netwerks tal-KtR.

Il-komunikazzjoni tal-KE tkompli tilqa’ l-proġett pilota taċ-Ċentri Reġjonali tal-KtR mħabbar mill-President Lambertz aktar kmieni dan ix-xahar fid-diskors tiegħu L-Istat tal-Unjoni Ewropea: il-perspettiva tar-reġjuni u l-bliet . In-netwerk propost ta’ ċentri reġjonali se jservi biex jappoġġja r-reviżjonijiet tal-implimentazzjoni ta’ politika u jgħaddi l-esperjenza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod iktar effettiv fit-tfassil tal-politika tal-UE.

Il-President tal-KtR Karl-Heinz Lambertz qal: “Huwa ta’ pjaċir għalija li l-Kummissjoni Ewropea mhux biss involviet ruħha u semgħet lill-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet lokali u reġjonali iżda adottat b’mod attiv is-suġġerimenti tagħhom sabiex ittejjeb il-funzjonament tal-UE. L-UE għandha bżonn tibdel il-mod ta’ kif taħdem billi tieħu deċiżjonijiet kemm jista’ jkun qrib taċ-ċittadini tagħha. Billi tagħti lir-reġjuni u l-bliet vuċi aktar b’saħħitha fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, il-liġijiet tagħha jistgħu jsiru aktar effettivi u aktar viżibbli. Dan mhuwiex dwar anqas Ewropa, iżda dwar Ewropa li tagħti riżultati filwaqt li tqiegħed liċ-ċittadini fl-ewwel post”.

Il-Kummissjoni qed tħeġġeġ ukoll lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew u lill-parlamenti nazzjonali sabiex jużaw il-“Grilja ta’ Valutazzjoni tas-Sussidjarjetà” proposta, u qed tistieden rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-laqgħat tagħhom matul il-proċedura leġislattiva u żżid il-kooperazzjoni ma’ parlamenti reġjonali. Il-Kummissjoni tipproponi li dawn l-ideat jiġu żviluppati matul konferenza bit-titolu “ Is-sussidjarjetà bħala prinċipju ta’ bini tal-Unjoni Ewropea ” li qed ikun organizzat mill-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill tal-UE fi Bregenz fil-15-16 ta’ Novembru.

Flimkien mal-President Lambertz, Michael Schneider (DE/PPE) u François Decoster (FR/ALDE) irrappreżentaw lill-KtR fit-Task Force dwar is-Sussidjarjetà.

Dr Schneider, Segretarju tal-Istat tal-Land ta’ Sachsen-Anhalt , u President tal- Grupp ta' Tmexxija tas-Sussidjarjetà insista: “Bħala politiċi reġjonali u lokali, responsabbli mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE fuq il-post, is-sussidjarjetà tgħinna sabiex nirrispondu b’mod effiċjenti għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħna fil-livell xieraq: Ewropew, nazzjonali u reġjonali. F’dan is-sens, nilqa’, b’mod ġenerali, l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea sabiex nagħmel użu legali u politiku aħjar tas-sussidjarjetà. Fil-perjodu li jmiss, permezz tan- Netwerk għall-Monitoraġġ tas-Sussidjarjetà tagħna, ħafna reġjuni se jkunu qed jagħmlu skrutinju tal-impatt tal-liġi tal-UE dwar ir-reġjuni u l-bliet biex jaraw kif tista’ titnaqqas id-densità tal-leġislazzjoni tal-UE.

Sabiex inressqu liċ-ċittadini tagħna eqreb lejn l-UE, aħna ninkoraġġixxu lill-membri futuri tal-Parlament Ewropew ħalli jiżguraw li l-Kummissjoni ta’ wara l-2019 iżżomm is-sussidjarjetà fuq quddiem tal-aġenda tagħha. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jinsab lest ħalli jaħdem mal-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali fl-implimentazzjoni fil-prattika tal-prinċipju tas-sussidjarjetà”.

Is-Sur Decoster, Viċi President tal-Kunsill Reġjonali ta’ Hauts-de-France , qal: “Bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, l-awtoritajiet lokali u reġjonali se jkollhom vuċi aktar b’saħħitha u se jkunu involuti aktar bis-sħiħ fil-politiki Ewropej. Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà attiva, stabbilit fir-rapport tat-Task Force tagħna, se jwettaq politiki li jaħdmu u li jżidu s-sjieda ta’ dak li tagħmel l-UE. F’dan il-kuntest, ninsab madankollu diżappuntat li l-Kummissjoni Ewropea ma kkunsidratx il-programm Erasmus għar-rappreżentanti lokali u reġjonali li pproponejt jien, li kien jippermetti lir-rappreżentanti jniedu inizjattivi konġunti għall-benefiċċju taċ-ċittadini”.

Sfond

Il- prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità huma stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattat ta’ Lisbona introduċa mekkaniżmu li jippermetti lill-parlamenti nazzjonali jwettqu skrutinju fir-rigward tal-konformità ta’ abbozzi ta’ leġislazzjoni tal-UE mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Permezz tas- “sistema ta’ twissija bikrija” il-parlamenti nazzjonali għandhom tmien ġimgħat li fihom jistgħu jissottomettu r-raġunijiet li skonthom xi abbozz ta’ leġislazzjoni ma jikkonformax mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Jekk l-għadd ta’ opinjonijiet motivati jammonta għal terz tal-voti allokati lill-parlamenti nazzjonali, l-abbozz tal-Kummissjoni Ewropea għandu jiġu riveduti. Din il-proċedura ta’ “karta safra” ntużat biss tliet darbiet bejn l-2007 u l-2017.

It-Task Force għas‑Sussidjarjetà, għall-Proporzjonalità u “Biex Tagħmel Inqas b’Mod Iktar Effiċjenti” ġiet stabbilita mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker f’Novembru 2017. Huwa talab lit-Task Force biex tagħti ħarsa lejn it-tliet kwistjonijiet: (1) ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil tal-politika u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni Ewropea; (2) ir-rwol tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-ħidma tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni; (3) jekk ir-responsabbiltà fir-rigward ta’ oqsma ta’ politika partikolari għandhiex tiġi delegata mill-ġdid lill-Istati Membri.

It-Task Force ltaqgħet seba’ darbiet biex tiddiskuti t-tliet għanijiet. Abbażi ta’ dawk id-diskussjonijiet, seduta pubblika u l-kontributi pprovduti minn għadd kbir ta’ partijiet interessati, ir- rapport tat-Task Force jippreżenta disa’ rakkomandazzjonijiet, b’azzjonijiet ta’ implimentazzjoni indirizzati lill-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u l-Kummissjoni Ewropea.

Ppreseduta mill-ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, it-Task Force tinkludi tliet membri mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – il-President Karl-Heinz Lambertz (il-Belġju), Michael Schneider (il-Ġermanja) u François Decoster (Franza) – u tliet membri mill-parlamenti nazzjonali: Toomas Vitsut (l-Estonja), Kristian Vigenin (il-Bulgarija) u Reinhold Lopatka (l-Awstrija).

Kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 22822063

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi: