Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Dombrovskis jingħaqad mas-sejħa tal-awtoritajiet lokali lill-gvernijiet nazzjonali biex jinvolvu aħjar lir-reġjuni u ’l-bliet fit-tħejjija tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru  

Il-konsultazzjoni tal-KtR turi li l-maġġoranza l-kbira tar-reġjuni u l-bliet huma esklużi mit-tħejjija tal-pjani ta’ rkupru ta’ wara l-COVID, minkejja li huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-emerġenza. Il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu l-impenn li tqis dan il-fattur kruċjali fil-valutazzjoni tagħha tal-pjani nazzjonali.

Ir-riżultati ta’ konsultazzjoni reċenti mwettqa mill-KtR u s-CEMR jenfasizzaw li ħafna gvernijiet tal-UE qed jeskludu lir-reġjuni u ’l-bliet mit-tħejjija tal-pjani ta’ rkupru ta’ wara l-COVID. Il-mexxejja reġjonali u lokali ressqu t-tħassib tagħhom għall-attenzjoni tal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies, Valdis Dombrovskis, matul is-Sessjoni Plenarja ta’ Marzu tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR).

Id-dibattitu dwar ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-governanza tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru, kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ġie segwit mill-preżentazzjoni tal-Opinjoni dwar ir-rieżami tal-Politika Kummerċjali Ewropea abbozzata minn Willy Borsus (BE/Renew Europe), Viċi President u Ministru tal-Ekonomija u tal-Kummerċ Barrani ta’ Wallonia. L-Opinjoni ser tiġi adottata uffiċjalment fi tmiem is-sessjoni plenarja.

Huwa u jiftaħ id-dibattitu tal-Plenarja, il-President tal-KtR Apostolos Tzitzikostas enfasizza li “ is-soluzzjonijiet b’approċċ minn fuq għal isfel u ċ-ċentralizzazzjoni jkunu ta’ theddida serja għall-impatt tal-finanzjament tal-UE għall-irkupru. Jeħtieġ li niżguraw li r-rwol ewlieni li jaqdu r-reġjuni, il-bliet u l-irħula fuq il-front pandemiku jiġi rifless kif dovut fil-governanza tal-pjani ta’ rkupru kif ukoll fil-ħidma tas-Semestru Ewropew. Aħna nilqgħu l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tqis dan il-fattur kruċjali meta tivvaluta u tadotta l-pjani nazzjonali .”

Il-Viċi President Eżekuttiv, Valdis Dombrovskis qal li: “ L-Istati Membri qed jaħdmu qatigħ biex ifasslu l-Pjani ta’ Rkupru u Reżiljenza. Sjieda reġjonali u lokali b’saħħitha, flimkien ma’ appoġġ mill-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, ser ikunu importanti biex dawn jirnexxu fil-prattika. Il-Pjani Nazzjonali se jkollhom bżonn jispjegaw kif il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati jitwettqu u jiġu riflessi fl-investiment u r-riformi proposti, u kif dawn jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koeżjoni filwaqt li jitqiesu d-disparitajiet lokali, reġjonali u nazzjonali. L-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u tal-partijiet ikkonċernati ser ikun daqstant ieħor importanti fil-fażi tal-implimentazzjoni .”

Il-membri tal-KtR iddiskutew ukoll dwar kemm il-politika kummerċjali tal-UE riformata tista’ tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku. Filwaqt li ħadu rendikont, kemm tal-isfidi esterni bħat-tensjonijiet ġeopolitiċi intensifikati kif ukoll tal-isfidi interni, bħall-patt ekoloġiku Ewropew u t-tranżizzjoni diġitali, huma talbu li ssir reviżjoni tal-politika kummerċjali tal-UE sabiex din tiġi allinjata mill-ġdid mal-orjentazzjonijiet soċjali u ekonomiċi ġenerali tal-UE. Sabiex tiżdied il-leġittimità tal-politika kummerċjali tal-UE, il-KtR appella għal involviment aktar b’saħħtu u aktar bikri tal-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi proposti leġiżlattivi futuri relatati mal-kummerċ.

Willy Borsus (BE/Renew Europe), Viċi President u Ministru tal-Ekonomija u tal-Kummerċ Barrani ta’ Wallonia, qal li: “ Sabiex issaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala mexxejja globali għal ordni ta’ kummerċ internazzjonali miftuħ, ġust, sostenibbli u bbażat fuq ir-regoli, l-UE trid terġa’ tikkunsidra bir-reqqa l-politika kummerċjali tagħha.

Barra minn hekk, id-diskussjoni serviet ta’ opportunità biex isir l-ewwel skambju politiku bejn ir-rappreżentanti lokali, reġjonali u Ewropej dwar il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali , ippreżentat mill-Kummissjoni tal-UE ġimagħtejn ilu. “ Fil-ħidma tagħna ta’ kuljum fuq il-front tal-pandemija, rajna kif l-emerġenza tas-saħħa żviluppat dejjem aktar f’emerġenza soċjali. Għalhekk nilqgħu l-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Soċjali bħala għodda li tidderieġi l-investiment fil-koeżjoni soċjali, abbażi ta’ objettivi ċari li għandhom jinkisbu bl-integrazzjoni tar-riżorsi u l-politiki tal-UE, nazzjonali u reġjonali ”, qalet Anne Karjalainen (FI/PSE), President tal-Kummissjoni tal-KtR għall-Politika Soċjali, l-Edukazzjoni, l-Impjieg u l-Kultura (SEDEC).

Kuntest:

Il-KtR Ewropew u l-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u r-Reġjuni Ewropej ( CEMR ) wettqu konsultazzjoni konġunta dwar l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-Pjani Nazzjonali ta’ Rkupru u Reżiljenza. Ir-riżultati ġew ippreżentati fit-22 ta’ Jannar matul il-laqgħa tal-Kummissjoni għall-Politika Ekonomika tal-KtR. Dawn jindikaw li ftit pajjiżi biss għamlu użu mill-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u b’hekk qed jheddu l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa.

Aktar informazzjoni tinsab hawnhekk .

Fis-16 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni Ewropea nediet konsultazzjoni dwar il-politika kummerċjali u ta’ investiment tal-UE . L-ewwel objettiv tal-konsultazzjoni kien li tivvaluta kif il-politika kummerċjali tista’ tikkontribwixxi għal irkupru soċjoekonomiku rapidu u sostenibbli, issaħħaħ il-kompetittività tal-UE u tgħin fil-promozzjoni tal-valuri u l-istandards tagħha. It-tieni objettiv kien li jsir rieżami tal-politika kummerċjali abbażi ta’ mudell ta’ " Awtonomija Strateġika Miftuħa ." Il-mudell ta’ awtonomija strateġika se jagħmilha possibbli għan-negozji, il-ħaddiema u l-konsumaturi Ewropej biex igawdu l-benefiċċji ta’ ambjent miftuħ filwaqt li fl-istess ħin jipproteġihom kontra prattiki inġusti, u jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE għal sfidi futuri mhux magħrufa. Il-KtR ikkontribwixxa għal din il-ħidma billi ppreżenta l-abbozz ta’ Opinjoni tiegħu dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-Kummissjoni.

Fl-4 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali . Dan jistabbilixxi tliet miri ewlenin ambizzjużi li għandhom jiggwidaw id-deċiżjonijiet ta’ politika fl-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom biex jinkisbu l-objettivi tal-Pilastru, anke billi jsir użu sħiħ mill-fondi differenti tal-UE biex jiġi sfruttat l-investiment soċjali.

Il-miri ewlenin il-ġodda jimplikaw li sal-2030 mill-inqas 78 % tal-popolazzjoni tal-UE ta’ bejn il-20 u l-64 sena għandhom ikunu f’impjieg, mill-inqas 60 % tal-adulti kollha għandhom jipparteċipaw f’taħriġ kull sena u l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali għandu jitnaqqas b’mill-inqas 15-il miljun.

L-istqarrija għall-istampa dwar ir-reazzjoni għall-preżentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tinsab hawnhekk .

Persuna ta’ kuntatt:

Matteo Miglietta

Tel. +32 470895382

matteo.miglietta@cor.europa.eu

Maximilian v. Klenze

Tel. +32 2 282 2044

Maximilian.vonKlenze@ext.cor.europa.eu

Share: