Il-finanzjament dirett għall-bliet u r-reġjuni biex il-Patt Ekoloġiku jissarraf fi proġetti tanġibbli fil-livell lokali jibqa’ l-isfida ewlenija quddiemna.
Filwaqt li fl-Ewropa qed jerġgħu jiżdiedu l-każijiet tal-COVID-19, il-bliet u r-reġjuni tal-UE huma involuti f’kooperazzjoni kontinwa biex iżommu l-Patt Ekoloġiku fil-qalba tal-irkupru. L-aċċess dirett għall-fondi tal-UE biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku u tinkiseb tranżizzjoni ġusta fil-livell lokali jibqa’ l-ogħla prijorità għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE.
Matul it-tieni laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali , li saret fil-21 ta’ Ottubru, il-membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) skambjaw fehmiet dwar il-bosta dossiers li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-istrateġija tal-UE għat-tkabbir biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. L-industrija, it-trasport, l-agrikoltura u Ewropa soċjali b’saħħitha kienu fost is-suġġetti diskussi.
Il-laqgħa saret wara li, il-ġimgħa l-oħra , il-Kummissjoni Ewropea u l-KtR ħadu l-impenn għal fażi ġdida ta’ kooperazzjoni biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa, b’mod partikolari fi tliet oqsma: l-effiċjenza enerġetika fil-bini, it-trasport nadif u l-ekoloġizzazzjoni tal-bliet.
Huwa u jiftaħ id-dibattitu, Juan Espadas (ES/PSE) , Sindku ta’ Sevilja u President tal-Kummissjoni tal-KtR għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija u l-President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-KtR dwar il-Patt Ekoloġiku, qal: “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-pilastru li fuqu rridu nerġgħu nibnu aħjar il-bliet u r-reġjuni tagħna, noħolqu impjiegi ġodda, innaqqsu l-emissjonijiet tas-CO 2 u niġġieldu l-inugwaljanza soċjali. Illum, għal darb’ oħra, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni wera l-kapaċità tiegħu li jkun pjattaforma li torbot b’mod effettiv lill-partijiet interessati ewlenin, inklużi l-istituzzjonijiet Ewropej, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u n-negozji biex nibnu futur aktar sostenibbli għalina lkoll.”
Il-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali laqqgħet ir-relaturi tal-KtR tad-dossiers ewlenin tal-Patt Ekoloġiku. Fosthom:
Andries Gryffroy (BE/EA), membru tal-Parlament Fjamming, ippreżenta l-Opinjoni tiegħu li qed titħejja bħalissa dwar L-impatt tat-tibdil fil-klima fuq ir-reġjuni: valutazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Tista’ taqra l-intervista tagħna mar-relatur Gryffroy hawnhekk .
Rafal Trzaskowski (PL/PPE), Sindku ta’ Varsavja, indirizza lill-membri dwar Il-Patt Klimatiku Ewropew , Opinjoni adottata fl-aħħar sessjoni plenarja fit-13 ta’ Ottubru 2020. Tista’ taqra l-intervista tagħna mas-Sindku Trzaskowski hawnhekk .
Jeannette Baljeu (NL/Renew Europe), membru tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Provinċja tal-Olanda tan-Nofsinhar, intervjeniet dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa , Opinjoni adottata unanimament matul is-sessjoni plenarja ta’ Ottubru 2020. Tista’ taqra l-intervista tagħna mar-relatur Baljeu hawnhekk.
Anne Karjalainen (FI/PSE), membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Kerava, ġabret fil-qosor l-Opinjoni tagħha dwar Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti , adottata l-ġimgħa li għaddiet matul is-sessjoni plenarja tal-KtR f’Ottubru.
Declan McDonnell (IE/AE), membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Galway, indirizza lill-membri tal-KtR dwar l-Opinjoni tiegħu dwar L-awtoritajiet lokali u reġjonali fid-djalogu permanenti maċ-ċittadini , kontribut ewlieni għall-Konferenza li jmiss dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa. L-Opinjoni ġiet adottata matul is-sessjoni plenarja tal-KtR f’Ottubru.
Adam Struzik (PL/PPE) , President tar-Reġjun ta’ Mazovia, ġabar fil-qosor il-punti ewlenin tal-Opinjoni tiegħu dwar L-isfidi għat-trasport pubbliku fil-bliet u r-reġjuni metropolitani , Opinjoni li għandha tiġi adottata fis-sessjoni plenarja tal-KtR f’Diċembru.
Guido Milana (IT/PSE), Kunsillier Muniċipali ta’ Olevano Romano, ġabar fil-qosor l-Opinjoni tiegħu dwar Mill-Għalqa sal-Platt – id-dimensjoni lokali u reġjonali , Opinjoni li ser tiġi adottata fis-sessjoni plenarja tal-KtR f’Diċembru.
Informazzjoni addizzjonali:
Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali huwa inizjattiva ġdida tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni li għandha l-għan li tqiegħed il-bliet u r-reġjuni fil-qalba tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u tiżgura li kemm l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir sostenibbli kif ukoll il-pjani ta’ rkupru tal-COVID-19 jissarrfu f’finanzjament dirett għall-bliet u r-reġjuni u proġetti tanġibbli għal kull territorju. Il-Patt Ekoloġiku fil-Livell Lokali tnieda fil-15 ta’ Ġunju 2020 bil-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma speċifiku magħmul minn 13-il membru . Aqra l-istqarrija għall-istampa hawnhekk .
Fit-13 ta’ Ottubru 2020, waqt dibattitu tas-sessjoni plenarja ma’ Frans Timmermans, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) ħadu l-impenn għal fażi ġdida ta’ kooperazzjoni biex jitħaffef it-twettiq tal-Patt Ekoloġiku fir-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa. Aqra l-istqarrija għall-istampa hawnhekk.
Il-bliet u r-reġjuni diġà qed iwettqu t-tranżizzjoni fil-prattika. Skopri 200 prattika tajba tal-Patt Ekoloġiku fil- mappa online tagħna .
Dan l-avveniment huwa parti mill- Ġimgħa tar-Reġjuni tal-UE 2020 .
Kuntatt
David Crous // david.crous@cor.europa.eu // +32 (0) 470 88 10 37