Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Ewropa Diġitali għal kulħadd: is-soluzzjonijiet diġitali intelliġenti għandhom ikunu ta' benefiċċju għal kull ċittadin tal-UE  

Il-President u l-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) jesiġu li l-Kummissjoni Ewropea li jmiss tiżgura li l-benefiċċji ekonomiċi u soċjali tat-trasformazzjoni diġitali jilħqu lill-komunitajiet lokali kollha u liċ-ċittadini tagħhom. Il-proposta “Ewropa Diġitali għal kulħadd” tiffoka fuq il-monitoraġġ, il-kondiviżjoni u ż-żieda tal-innovazzjonijiet diġitali. Dan ġie diskuss fil-laqgħa konġunta tal-Pjattaforma tal-Broadband tal-KtR u tal-Kummissjoni Ewropea nhar l-Erbgħa.

“Issa huwa ż-żmien li l-benefiċċji tar-rivoluzzjoni diġitali jinħolqu b'mod konġunt u jinħassu fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-komunitajiet u l-gvernijiet lokali u reġjonali huma direttament involuti fl-applikazzjoni tas-Suq Uniku Diġitali fuq il-post, iżda l-kapaċità tagħhom ta’ ġestjoni tal-bidla u tal-forniment ta’ soluzzjonijiet ġodda tvarja ħafna. Sa issa, il-benefiċjarji ewlenin kienu bliet ta’ daqs akbar, reġjuni aktar sinjuri u ftit komunitajiet lokali bi tmexxija lokali b’saħħitha", stqarr il-President tal-KtR Karl-Heinz Lambertz .

L-ewwel Viċi President Markku Markkula ppreżenta l-abbozz tal-proposta lill- Pjattaforma tal-Broadband , fejn il-politiċi lokali u reġjonali mill-Istati Membri tal-UE qed jaħdmu flimkien mal-esperti mill-Kummissjoni Ewropea sabiex iħaffu t-tnedija tal-konnettività tal-broadband b’veloċità għolja fir-reġjuni tal-UE.

“Soluzzjonijiet intelliġenti żviluppati madwar l-Ewropa ta’ spiss jibqgħu fuq skala żgħira wisq u ma jkunux interoperabbli biżżejjed. B’riżultat ta’ dan, is-soluzzjonijiet Ewropej jiġu mbuttati mis-suq minn atturi dominanti fuq livell globali. L-Ewropa teħtieġ mod ġdid kif tniedi s-soluzzjonijiet diġitali intelliġenti u biex tippermetti lill-atturi lokali u reġjonali jmexxu b’mod konġunt ir-rivoluzzjoni diġitali. Ejjew noħolqu flimkien ekosistemi diġitali Ewropej b’saħħithom u nsawru l-ġejjieni għaċ-ċittadini u maċ-ċittadini”, enfasizza s-Sur Markkula.

F’dibattitu ma’ Gerard De Graaf , Direttur tas-Suq Uniku Diġitali tad-DĠ CNECT tal-Kummissjoni Ewropea, il-membri tal-Pjattaforma tal-Broadband skambjaw fehmiet dwar ideat u linji gwida li tressqu mill-President Lambertz u l-Ewwel Viċi President Markkula. Dawn jinkludu:

L-iżvilupp ta’ netwerk Ewropew ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali b’rabta ma’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti reġjonali.

L-użu ta’ strumenti ta’ finanzjament differenti tal-UE, inklużi l-fondi strutturali, biex tissaħħaħ l-introduzzjoni taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali u l-konnettività tal-broadband b’veloċità għolja fir-reġjuni kollha tal-UE.

L-iżvilupp ta’ alleanzi tal-ħiliet diġitali reġjonali mas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet diġitali tan-negozji lokali.

L-użu tar-reviżjoni tad-direttiva dwar l-akkwist pubbliku sabiex tkun promossa l-introduzzjoni faċli ta’ servizzi intelliġenti f’assoċjazzjoni mill-qrib maċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali, l-użu ottimali ta’ arranġamenti ta’ xiri kollettiv u l-ħidma mal-BEI sabiex ix-xiri kollettiv isir aktar faċli.

It-tnedija ta’ sejħa sabiex jintgħażlu mudelli intelliġenti ta’ rħula u reġjuni f’kull Stat Membru flimkien ma’ taħriġ iddedikat u l-integrazzjoni ta’ azzjonijiet.

L-użu ta’ soluzzjonijiet diġitali ġodda fil-livell lokali għal djalogu permanenti maċ-ċittadini dwar kwistjonijiet li jvarjaw miċ-ċibersigurtà għas-servizzi pubbliċi diġitali.

Il-forniment ta’ skema Ewropea ta’ vawċers għal awditjar tal-governanza elettronika għal 700 belt ta’ daqs żgħir u medju fejn esperti fil-gvern lokali jipprovdu servizz ta’ konsulenza ta’ 15-il jum lill-kunsill tal-belt;

L-introduzzjoni ta’ sett ta’ indikaturi sinifikanti li jistgħu jkejlu l-progress li jkun sar fil-livelli lokali u reġjonali u l-pubblikazzjoni ta' rapport regolari dwar is-sitwazzjoni attwali tad-dimensjoni lokali/reġjonali tas-Suq Uniku Diġitali.

Il-proposta finali se tiġi ppreżentata fl- Assmblea Diġitali 2019 f’Bucharest fit-13-14 ta’ Ġunju.

Kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 22822063

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Share: