L-Unjoni Ewropea u l-Unjoni għall-Mediterran għandhom jikkunsidraw li jiżviluppaw strateġija makroreġjonali għas-sigurtà tal-ikel fil-Mediterran, jippromovu tranżizzjoni agroekoloġika lejn prattiki li jippreservaw il-ħamrija u l-agrobijodiversità, u jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ tikketta ta’ “prodotti Mediterranji” jew “dieta Mediterranja”, skont rapport diskuss mill-membri tal-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) fid-29 ta’ Ottubru.
Ir-rakkomandazzjonijiet, li bħalissa jinsabu fl-istadju preparatorju, iħeġġu wkoll lir-reġjuni u l-bliet biex ifittxu li jsiru forza mexxejja wara l-isforzi biex jiġu żviluppati approċċi agrikoli li huma aktar reżiljenti għal bidliet drammatiċi fil-klima fir-reġjun tal-Mediterran.
L-Opinjoni, li qed titfassal minn Agnès Rampal (FR/PPE), viċi sindku ta’ Nizza, ġiet diskussa mill-kummissjoni għall- iżvilupp territorjali sostenibbli tal- ARLEM , forum politiku li jlaqqa’ flimkien politiċi mill-UE u minn pajjiżi li jmissu mal-Mediterran. Issa se tiġi diskussa fil-laqgħa plenarja tal-ARLEM fi Frar 2021, flimkien ma’ Opinjoni oħra, dwar id-diġitalizzazzjoni tan-negozji żgħar u ta’ daqs medju fir-reġjun tal-Mediterran.
Is-Sinjura Rampal qalet: “It-tibdil fil-klima qed ikollu impatt terribbli fil-Mediterran u qed jaggrava sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà sinifikanti. L-Opinjoni tiegħi hija sejħa għal azzjoni. Hemm rabta inseparabbli bejn l-agrikoltura, id-dieta u s-sigurtà tal-ikel u rridu nżommu din ir-rabta fir-reġjun tal-Mediterran. Bħalissa hemm defiċit ta’ governanza u viżjoni komuni minħabba li l-politiki ta’ ġestjoni agrikola mhumiex prijorità fuq l-aġenda politika. Neħtieġu prattiki agrikoli li huma ferm aktar reżiljenti, jeħtieġ li nippromovu d-dieta Mediterranja, li hija parti mill-wirt dinji tal-UNESCO, u neħtieġu appoġġ speċifiku għas-sovranità tal-ikel.”
Waqt li ppreżentat ir-rapport tagħha dwar id-diġitalizzazzjoni ta’ negozji żgħar u ta’ daqs medju fir-reġjun tal-Mediterran, Lizzy Delaricha , Sindku ta’ Ganei Tikva fl-Iżrael, qalet: “Id-diġitalizzazzjoni hija l-pont li jmiss li jridu jaqsmu l-SMEs”, u żiedet tgħid li bħalissa n-nuqqas ta’ diġitalizzazzjoni qed “iżommhom lura milli jikkompetu ma’ kumpaniji oħrajn”.
Id-diġitalizzazzjoni hija prijorità tal-Kummissjoni Ewropea mmexxija mill-President Ursula von der Leyen, li enfasizzat li d-diġitalizzazzjoni – kif ukoll l-azzjoni klimatika – hija ċentrali għall-isforzi tal-UE biex tirkupra mill-pandemija tal-coronavirus.
Il- laqgħa kienet kopreseduta minn Lahcen Amrouch , Sindku ta’ Argana fil-Marokk, u minn Arianna Maria Censi (PSE), viċi sindku tal-Belt Metropolitana ta’ Milan.
Is-Sinjura Censi enfasizzat l-“isfidi” li issa qed jiffaċċjaw ir-reġjuni u l-bliet fl-Ewropa, fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani. Hija qalet li hemm bżonn “li jinħolqu u jiġu appoġġjati mudelli ekonomiċi dwar l-iżvilupp li jpoġġu lill-komunitajiet lokali fil-qalba tagħhom, jikkondividu l-politiki biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-COVID-19, jippromovu l-multilateraliżmu, u jqajmu mill-ġdid il-kontenut tal-Karta ta’ Milan – il-wirt kulturali tal-Expo Milan 2015, dwar l-aċċess għall-ikel – sabiex jinqered il-ġuħ sal-2030”.
Xavier Cadoret , tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa, qal li r-rispons għall-kriżi tal-coronavirus “m’għandux ixekkel id-demokrazija” u li l-miżuri meħuda mill-mexxejja nazzjonali jrid ikollhom “leġittimità demokratika” u jkunu “temporanji”. Huwa ddeskriva wkoll il-kriżi bħala “opportunità għar-rikonoxximent tar-rwol speċifiku u kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-baċir tal-Mediterran”.
Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-għadd ta’ mwiet mill-pandemija fil- viċinat tan-Nofsinhar bħalissa huwa ta’ aktar minn 13,000, l-investiment dirett barrani naqas b’45% din is-sena, u r-rimessi “qed jonqsu bil-kbir”. Biex tgħin, il-Kummissjoni ħaffet il-pagamenti għall-appoġġ baġitarju lill-imsieħba tan-Nofsinhar tal-Mediterran u devjat EUR 2.3 biljun tal-programmi tagħha lejn ir-reġjun biex tipprovdi appoġġ ta’ emerġenza, issaħħaħ ir-reazzjonijiet mediċi u soċjali, u ttejjeb l-ilma u s-sanità. Din l-għajnuna tinkludi miżuri biex jgħinu lir-refuġjati.
Il-membri tal-ARLEM attendew ukoll diskussjoni dwar l-abbozz tal-istrateġija tal-Unjoni għall-Mediterran għall-iżvilupp urban sostenibbli . Fl-2008, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kien iddeċieda li jistinka għall-ħolqien tal-ARLEM b’reazzjoni għall-ħolqien fix-xhur ta’ qabel tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM), sabiex jiġi żgurat li tkun tista’ tiddaħħal perspettiva lokali u reġjonali fil-ħidma tal-UgħM. L-UgħM, li tlaqqa’ flimkien 42 pajjiż mill-UE u mill-baċir tal-Mediterran, ħarġet minn proċess diplomatiku li beda 25 sena ilu f’Barċellona .
Sfond:
Din kienet l-ewwel laqgħa tal-ARLEM wara li beda l-mandat il-ġdid tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li minnu jinħatru l-membri Ewropej. Il-bidla tal-mandat tal-KtR affettwat ukoll il- kompożizzjoni tal-ARLEM. Minħabba l-pandemija, il-laqgħa saret online.
Kelliema esterni fil-laqgħa tal-ARLEM inkludew: Isidro González , Viċi Segretarju Ġenerali tal-UgħM responsabbli mill-Ilma u l-Ambjent, li nnota li l-Artiku biss qed jiġi affettwat mit-tibdil fil-klima b’mod agħar mill-Mediterran; Jean-Paul Pelissier , Ċentru Internazzjonali għall-Istudji Agronomiċi Mediterranji Avvanzati CIHEAM (Montpellier); u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea. Kelliema matul id- diskussjoni dwar l-istrateġija tal-UgħM dwar l-iżvilupp urban sostenibbli inkludew politiċi u uffiċjali minn Leuven u l-Ġordan, kif ukoll minn firxa ta’ akkademiċi u membri tal-ARLEM.
Il-laqgħa li jmiss tal-ARLEM hija s-sessjoni plenarja tagħha fi Frar 2021. L-avveniment se jħabbar ukoll it-tielet rebbieħ tal- Premju tal-ARLEM għall-Intraprenditorija Lokali fost iż-Żgħażagħ fil-Mediterran .