Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Ir-reġjuni u l-bliet jitolbu appoġġ aktar qawwi għas-setturi kulturali u kreattivi biex ilaħħqu mat-telf ekonomiku drammatiku  

L-arti u l-kultura għandhom jitqiesu bħala “komodità bażika” u ma jiġux penalizzati mil-lockdowns

Ir-reġjuni u l-bliet qed jitolbu appoġġ koordinat mill-UE u l-Istati Membri biex jerġgħu jniedu s-setturi kulturali u kreattivi li huma fost dawk l-aktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19 u l-lockdowns nazzjonali. F’dibattitu ma’ Mariya Gabriel, il-Kummissarju Ewropew għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, membri tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni enfasizzaw il-kontribut qawwi tal-kultura u l-wirt kulturali għall-iżvilupp lokali u reġjonali u għall-valuri, l-identitajiet u ċ-ċittadinanza Ewropej. Huma argumentaw li l-arti u l-kultura għandu jkollhom rwol aktar prominenti fid-dibattitu dwar il-futur tal-UE.

Apostolos Tzitzikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Gvernatur tar-reġjun tal-Maċedonja Ċentrali fil-Greċja, qal: “Fl-2020 biss, is-setturi kulturali u kreattivi sofrew telf finanzjarju li jlaħħaq is-70%: dan qed ipoġġi f’riskju mhux biss l-impjiegi u n-negozji, iżda wkoll il-wirt u l-identità tagħna stess. Il-kultura u l-kreattività jsaħħu l-koeżjoni soċjali tal-komunitajiet tagħna u jinsabu fil-qalba tal-identitajiet u t-tradizzjonijiet tagħna. L-investiment fil-kultura jfisser li ninvestu fl-eżistenza tagħna stess bħala ċittadini Ewropej, din hija r-raġuni għaliex irridu nipprovdu appoġġ aktar kuraġġuż u aktar b’saħħtu lil dawn is-setturi fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali.”

Illum, waqt li indirizzat is-sessjoni plenarja tal-KtR, il- Kummissarju Mariya Gabriel qalet: “Peress li s-setturi kulturali u kreattivi ntlaqtu b’mod partikolarment ħażin mill-pandemija, dawn jeħtieġu u jistħoqqilhom l-akbar impenn min-naħa tagħna. Il-bliet u r-reġjuni huma alleati ewlenin f’dan l-isforz. Bl-appoġġ konġunt tagħna, se niżguraw li l-kultura tista’ u se taqdi rwol ewlieni fil-bini ta’ Ewropa aktar ekoloġika, aktar vibranti u aktar reżiljenti.”

Wara d-dibattitu, ir-relatur tal-KtR Giuseppe Varacalli (IT/Renew Europe) ippreżenta l-Opinjoni tiegħu dwar It-tnedija mill-ġdid tas-setturi kulturali u kreattivi . Ir-rapport iħeġġeġ li jiġi żgurat li l-fondi tal-UE jilħqu l-forom kollha tas-settur kulturali u kreattiv u lil dawk kollha li huma involuti fil-ħolqien tiegħu.

“L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jużaw il-fondi tal-UE u d-diversi programmi u miżuri biex jippromovu artisti individwali u jiżviluppaw opportunitajiet għal avvenimenti u skambji, inkluż fuq bażi virtwali. Dan jista’ jgħin biex joħroġ fid-dieher ir-rikkezza tal-potenzjal kreattiv moħbi fir-reġjuni, u b’hekk dawk l-artisti jsiru ambaxxaturi u promoturi tal-kulturi tagħhom stess. Il-bliet u r-reġjuni li kapaċi jisfruttaw l-istorja tagħhom, jirrakkontaw l-istejjer tagħhom, iġeddu lilhom infushom u joħorġu b’ideat ġodda ma jsirux attraenti biss għat-turisti u l-attivitajiet ekonomiċi li jiġġeneraw, iżda wkoll għan-negozji li jistabbilixxu ruħhom fihom”, qal is-Sur Varacalli, Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Gerace f’Reggio Calabria.

L-MEP Laurence Farreng (FR/Renew Europe), ir-rapporteur tal-Parlament Ewropew dwar miżuri effikaċi biex Erasmus+, Ewropa Kreattiva u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà jsiru aktar "ħodor” , żiedet tgħid: “Wara sena ta’ pawża, ħareġ biċ-ċar li l-kultura se jkollha bżonn lill-Ewropa għat-tnedija mill-ġdid tagħha; iżda huwa saħansitra aktar ċert li l-Ewropa se jkollha bżonn il-kultura biex tirkupra hi stess. Dan l-irkupru futur għandu jsir kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadini, fil-livell lokali, iżda jeħtieġ ukoll sforz Ewropew biex jiġi żgurat li l-ebda artist, awtur, mużiċista, attur jew direttur ma jintesa. Għalhekk ninsab kuntenta li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni ingħaqad mas-sejħa tal-Parlament biex mill-inqas 2 % tal-fondi ta’ rkupru jiġu allokati lil dawn l-operaturi ewlenin fl-ekonomija tagħna u, l-aktar importanti, fl-identità Ewropea tagħna.”

Aktar informazzjoni:

Is-setturi kulturali u kreattivi għandhom post speċifiku fil- Pjan ta’ Azzjoni Konġunt iffirmat f’Novembru 2020 bejn il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u s-servizzi tal-Kummissarju Gabriel (DĠ EAC, DĠ RTD u JRC). Dan jipprevedi kooperazzjoni msaħħa u skambji ta’ politika, pereżempju, dwar l-inizjattiva Kapitali Ewropej tal-Kultura, konferenzi u avvenimenti ta’ livell għoli, proġetti ta’ tagħlim bejn il-pari u t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-inizjattiva Bauhaus Ewropew Ġdid.

L- Opinjoni tal-KtR tafferma li l-industriji kulturali u kreattivi għandhom jiġu ttrattati daqs produtturi ta’ beni primarji, sabiex, f’każ ta’ avvenimenti straordinarji ġodda bħall-pandemija tal-COVID-19, dawn ma jiġux penalizzati minn lockdown. Il-Kumitat jissuġġerixxi t-tfassil ta’ linji gwida komuni biex dawn ikunu jistgħu jkomplu joperaw, għalkemm b’restrizzjonijiet f’termini ta’ aċċessibbiltà. Huwa jilqa’ l- ftehim reċenti dwar il-Programm Ewropa Kreattiva, li jiżgura appoġġ ta’ EUR 2,2 biljun għall-artisti u jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta’ proġetti kulturali fuq skala żgħira. Madankollu, huwa jappella għal integrazzjoni aħjar tal-investiment mid-diversi fondi tal-UE fil-kultura u biex tiżdied il-possibbiltà ta’ kofinanzjament sa 80% għal proġetti mwettqa minn operaturi żgħar. Ir-reġjuni u l-bliet jaqblu mal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa li jiġu allokati mill-inqas 2% tal-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi. Dawn qed jitolbu wkoll biex jużaw il-finanzjament mill-istrumenti REACT-EU u SURE biex jappoġġjaw dawn is-setturi fil-livell nazzjonali.

Persuna ta’ kuntatt:

Lauri Ouvinen

Tel. +32 473536887

lauri.ouvinen@cor.europa.eu

Ikkondividi :
 
Aħbarijiet relatati

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/FUNDING-ZERO-UNEMPLOYMENT-PROJECTS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CULTURAL-CREATIVE-SECTORS.ASPX

Investing more on local projects is key to tackle long-term unemployment
Investing more on local projects is key to tackle long-term unemployment
25.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/FOSTERING-DIVERSITY-AND-INCLUSION-ON-THE-GROUND.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CULTURAL-CREATIVE-SECTORS.ASPX

Local and regional leaders welcome Commissioner Dalli's support for their work in fostering diversity and inclusion on the ground
Local and regional leaders welcome Commissioner Dalli's support for their work in fostering diversity and inclusion on the ground
24.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/BETTER-PREPARE-FUTURE-CRISES-EXTREME-EVENTS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CULTURAL-CREATIVE-SECTORS.ASPX

Europe needs to better prepare local communities to deal with future crises and extreme events
Europe needs to better prepare local communities to deal with future crises and extreme events
24.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/155-PLENARY-ANNOUNCEMENT.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CULTURAL-CREATIVE-SECTORS.ASPX

On cities' and regions' agenda: Ukraine's reconstruction, crises management, EU budget
On cities' and regions' agenda: Ukraine's reconstruction, crises management, EU budget
23.05.2023

1.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/SKILLS-AT-HEART-OF-LOCAL-AND-REGIONAL-ADMINISTRATIONS.ASPX

2.HTTPS://COR.EUROPA.EU/MT/NEWS/PAGES/CULTURAL-CREATIVE-SECTORS.ASPX

Skills at heart of local and regional administrations' annual conference on EU enlargement
Skills at heart of local and regional administrations' annual conference on EU enlargement
11.05.2023