Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
Il-Materja Prima Kritika u l-importanza tagħha għall-futur tal-Ewropa  

F’din l-intervista, Isolde Ries, l-Ewwel Viċi President tal-Landtag ta’ Saarland, twieġeb ħames mistoqsijiet dwar l-Opinjoni tagħha dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Materja Prima Kritika li għandha tiġi adottata fis-sessjoni plenarja tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-17 ta’ Marzu.

F’Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni għall-Materja Prima Kritika , li huwa l-punt fokali tal-Opinjoni ta’ Isolde Ries . Il-Kummissjoni tqis il-materja prima bħala kritika jekk din tkun ta’ importanza ekonomika għolja, iżda ma tistax tiġi estratta b’mod affidabbli fl-UE u għalhekk jeħtieġ li tiġi importata fil-biċċa l-kbira tagħha. L-UE tiddependi ħafna mill-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra, speċjalment fir-rigward tal-materja prima li hija importanti għall-iżvilupp tad-diġitalizzazzjoni u għal teknoloġiji orjentati lejn il-futur. Skont l- Opinjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Materja Prima Kritika , sabiex jibqa’ jiġi żgurat l-istokk Ewropew ta’ materja prima kritika, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkollhom ukoll rwol deċiżiv, peress li l-estrazzjoni tal-materja prima għandha tiġi estiża fl-UE u r-riċiklaġġ tal-materja prima kritika għandu jittejjeb.

L-Opinjoni tiegħek tiffoka l-aktar fuq l-iżgurar tal-istokk futur ta’ materja prima kritika fl-Unjoni Ewropea. Liema miżuri konkreti għandhom jittieħdu mill-UE biex tipproteġi l-ktajjen tal-provvista tal-materja prima kritika u biex tagħmilhom aktar indipendenti minn pajjiżi terzi?

Minn perspettiva ekonomika, huwa tajjeb u importanti li l-Kumitat tar-Reġjuni jindirizza l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika ppubblikata fil-bidu ta’ Settembru tas-sena li għaddiet. Ekonomiji moderni bi ktajjen ta’ valur twal ma jistgħux jiffunzjonaw fit-tul mingħajr provvista ta’ materja prima sigura, kompetittiva u ekoloġika. Jeħtieġ li nnaqqsu d-dipendenza tal-UE mill-materja prima kritika permezz ta’ użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, prodotti sostenibbli u l-innovazzjoni. L-estrazzjoni domestika tal-materja prima fl-UE għandha tiġi appoġġjata politikament u finanzjarjament, u l-akkwist minn pajjiżi terzi għandu jiġi diversifikat. L-istandards ambjentali u soċjali, iżda wkoll it-traċċabbiltà tal-ktajjen tal-provvista u tad-distribuzzjoni, għandhom jiġu salvagwardjati permezz ta’ ftehimiet internazzjonali. Barra minn hekk, nilqa’ l-Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima mnedija mill-Kummissjoni Ewropea b’rappreżentanti tal-industrija, ir-riċerka, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili. Din l-inizjattiva tista’ tagħti kontribut siewi għall-promozzjoni tal-għarfien tekniku, l-innovazzjoni u l-investiment.

Kif tista’ l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għal responsabbiltà akbar fil-ktajjen tal-provvista tal-materja prima u użu aħjar tal-materja prima? 

M’hemmx dubju li jeżistu dgħufijiet fil-ktajjen tal-provvista tal-materja prima. Neħtieġu approċċi strateġiċi, bħal ħżin adatt, biex nevitaw interruzzjonijiet fil-produzzjoni u l-provvista. Jinħtieġu wkoll sorsi alternattivi ta’ provvista kif ukoll sħubijiet aktar mill-qrib bejn l-atturi kkonċernati fil-qasam tal-materja prima kritika. Madankollu, il-kooperazzjoni mal-imsieħba għandha tmur id f’id ukoll ma’ akkwist responsabbli. Konċentrazzjoni għolja ta’ provvista f’pajjiżi bi standards soċjali u ekoloġiċi aktar baxxi mhux biss toħloq riskju għas-sigurtà tal-provvista, iżda tista’ taggrava wkoll il-problemi soċjali u ekoloġiċi. Għaldaqstant l-ewwel għandhom jiġu stabbiliti ftehimiet internazzjonali fil-livell tad-WTO bil-għan li jiżguraw livell għoli ta’ trasparenza fil-ktajjen tal-provvista u tad-distribuzzjoni. Imbagħad, għandhom jitnedew malajr kemm jista’ jkun in-negozjati dwar it-titjib sistematiku ta’ dawn l-istandards.

Kif tista’ tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-materja prima u tittejjeb l-ekonomija ċirkolari fil-proċessi tal-produzzjoni?

Min-natura tagħhom, it-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-materja prima u l-proċessi ta’ produzzjoni sussegwenti huma importanti ferm, peress li dawn jistgħu jirrikonċiljaw bl-aħjar mod l-objettivi tal-kompetittività u tas-sostenibbiltà ambjentali. Fl-Ewropa, it-terminu “skart” f’ħafna każijiet jostor riżorsi prezzjużi u materja prima kritika. Għalhekk, il-materjali riċiklati għandhom jintużaw ħafna aktar biex jitnaqqas l-użu tal-materja prima primarja u ta’ dik kritika. Dan ir-rekwiżit huwa mmirat lejn il-produtturi, id-distributuri u l-konsumaturi fl-istess ħin.

Xi rwol jistgħu jaqdu l-bliet u r-reġjuni, b’mod partikolari r-reġjuni Ewropej tal-minjieri, fiż-żieda tal-estrazzjoni tal-materja prima fl-UE?

L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ewlieni fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għall-Materja Prima. Pereżempju, dawn huma responsabbli għall-approvazzjoni u s-superviżjoni tal-materja prima u proġetti industrijali. Il-valur miżjud u l-impjiegi assoċjati mal-estrazzjoni tal-materja prima jseħħu fil-livell lokali. L-istess japplika, barra minn hekk, għall-proġetti ta’ riċerka u żvilupp.

Bħala politiku minn Saarland, reġjun bi tradizzjoni b’saħħitha tal-estrazzjoni mill-minjieri, inqis li l-aspetti li ġejjin huma ta’ importanza partikolari: ir-reġjuni tal-minjieri li ma għadhomx joperaw u dawk li għadhom attivi, għandhom l-għarfien meħtieġ għall-estrazzjoni tal-materja prima li għandu jintuża wkoll fil-futur. Ċertament mhuwiex faċli li terġa’ tinbeda l-estrazzjoni tal-materja prima fuq u taħt l-art illum il-ġurnata, minħabba r-reżistenza dejjem tikber fost il-popolazzjoni lokali. Jeħtieġ li nżidu l-aċċettazzjoni pubblika permezz tal-edukazzjoni u l-informazzjoni. L-effetti ħżiena fuq l-ambjent għandhom jiġu evitati jew minimizzati kemm jista’ jkun.

X’tagħlimiet jistgħu jinsiltu mill-pandemija tal-COVID-19 u l-għeluq għal xhur sħaħ li ħarġu fid-dieher il-vulnerabbiltà ta’ ċerti industriji ewlenin?

Il-kriżi tal-COVID-19 uriet li l-Ewropa tiddependi ħafna minn fornituri barra mill-UE għal materja prima kritika u li l-interruzzjonijiet fil-provvista jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-ktajjen tal-valur industrijali u setturi oħra. Il-materja prima kritika hija meħtieġa f’ħafna industriji Ewropej ewlenin, bħas-setturi tal-karozzi, tal-azzar, tal-avjazzjoni, tal-IT, tas-saħħa u tal-enerġija rinnovabbli. Prodotti innovattivi u teknoloġiji ġodda bħall-elettromobilità, id-diġitalizzazzjoni, l-Industrija 4.0 u t-tranżizzjoni enerġetika qed jinbidlu u jżidu d-domanda għall-materja prima. Jeħtieġ li nkunu konxji li l-Patt Ekoloġiku tal-UE mhux se jkun possibbli mingħajr l-użu ta’ materja prima kritika.

Sfond

F’Settembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Materja Prima Kritika . Mill-2020 ’il hawn, 30 materja prima ġew ikklassifikati bħala kritiċi, li jinkludu bosta li qed isiru dejjem aktar importanti fis-settur tal-enerġija, bħal-litju u l-kobalt. Fl-2011, kien hemm biss 14-il materja prima kritika. Il-lista u aktar informazzjoni dwar il-materja prima jinsabu hawnhekk .

Barra minn hekk, is-sena l-oħra, il-Kummissjoni Ewropea ħolqot l- Alleanza Ewropea dwar il-Materja Prima bil-għan li tlaqqa’ flimkien l-industrija, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili biex titnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa mill-akkwist ta’ materja prima kritika minn pajjiżi terzi.

Persuna ta’ kuntatt:

Tobias Kolonko

Tel.: +32 2 282 2003

tobias.kolonko@ext.cor.europa.eu

Share: