Ikklikkja hawn biex tikseb traduzzjoni awtomatika tat-test ta’ hawn taħt.
COVID-19: il-Kumitat tar-Reġjuni tal-UE se jniedi pjattaforma ta’ skambju bħala appoġġ għall-komunitajiet reġjonali u lokali madwar l-Ewropa  

Pjattaforma ta’ skambju se tgħin fil-qsim ta’ ħtiġijiet u soluzzjonijiet, se ssaħħaħ l-appoġġ reċiproku u taġixxi bħala mekkaniżmu ta’ feedback li jippermetti kontroll tar-realtà tal-miżuri tal-UE mill-perspettiva lokali u reġjonali. Il-KtR se jipprovdi komunitajiet lokali b’informazzjoni prattika u regolari dwar l-azzjonijiet tal-UE.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (KtR) iddefinixxa Pjan ta’ Azzjoni biex jappoġġja u jassisti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Koronavajrus. Il-Pjan b’ħames punti jinkludi t-tnedija ta’ pjattaforma ta’ skambju biex tgħin lill-mexxejja lokali u reġjonali jaqsmu l-ħtiġijiet u s-soluzzjonijiet tagħhom u jtejbu l-appoġġ reċiproku bejn il-komunitajiet lokali madwar l-Ewropa. Se jippermetti wkoll lill-Membri tal-KtR jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar l-azzjonijiet tal-UE li diġà ġew implimentati, u dan jippermetti li jkun hemm kontroll tar-realtà tal-politika. Il-KtR se jipprovdi informazzjoni regolari u prattika dwar il-miżuri tal-UE, b’attenzjoni partikolari għall-opportunitajiet ta’ finanzjament.

Il-Pjan ta’ Azzjoni – li llum ġie approvat mill-Konferenza tal-Presidenti tal-KtR – jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex irawmu l-appoġġ tal-UE għall-mexxejja lokali permezz ta’ Mekkaniżmu ta’ Emerġenza tas-Saħħa tal-UE li jimmira, fost affarijiet oħra, li jikkoordina d-distribuzzjoni ta’ tagħmir mediku essenzjali madwar l-UE. Sabiex jindirizzaw l-ħtiġijiet tas-saħħa, soċjali u ekonomiċi tan-nies, il-mexxejja lokali u reġjonali jridu jipproteġu l-ekonomiji tagħhom. Il-Pjan ta’ Azzjoni jitlob għal appoġġ finanzjarju għan-negozji lokali u n-nies li qed jiffaċċjaw il-qgħad u għal appoġġ mill-UE għal strateġiji ta’ rkupru reġjonali mfassla apposta, li attwalment qed jitfasslu minn ħafna reġjuni tal-UE sabiex tiġi stabilizzata l-ekonomija.

Fil-kummenti tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, Apostolos Tzitzikostas, qal: "Il-membri tal-KtR u l-mexxejja reġjonali u lokali kollha tal-UE qed jagħmlu sforzi straordinarji fil-ġlieda kontra l-pandemija. F’dawn iż-żminijiet diffiċli rridu nkunu magħqudin u naġixxu b’mod responsabbli. Ħafna Presidenti ta’ Reġjuni u Sindki talbuni nistabbilixxi pjattaforma ta’ skambju li tippermetti lill-membri tal-KtR u lill-mexxejja lokali u reġjonali tal-UE jaqsmu l-ħtiġijiet, il-feedback u l-ideat tagħhom u jelaboraw soluzzjonijiet komuni. Il-Pjan ta’ Azzjoni ser jippermetti wkoll li l-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa tal-komunitajiet lokali jkunu mmirati aħjar u li jiġu indirizzati l-aspetti soċjali u ekonomiċi tal-pandemija u l-impatt tagħhom fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali”.

Fi ħdan ir-rwol istituzzjonali tiegħu, il-KtR huwa l-punt ta’ interazzjoni u ta’ referenza bejn l-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet lokali u reġjonali tagħha. Fil-qafas tal-kriżi attwali, huwa lest li jassisti, jinforma, jinvolvi ruħu u jirrappreżenta r-reġjuni u l-bliet madwar l-Ewropa. F’termini operattivi u konkreti, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-KtR ser:

1) irawwem l-appoġġ tal-UE għall-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-settur tas-saħħa, permezz tas-sejħa għal Mekkaniżmu ta’ Emerġenza tas-Saħħa tal-UE;

2) joħloq pjattaforma għall-iskambju, il-kooperazzjoni u l-iffaċilitar tal-appoġġ reċiproku bejn il-bliet u r-reġjuni madwar l-UE;

3) jipprovdi, permezz ta’ mekkaniżmi tal-KtR, rispons konkret mill-angolu lokali u reġjonali dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-aspetti tas-saħħa, soċjali u ekonomiċi tal-pandemija u l-impatt tagħhom fuq in-nies u l-komunitajiet lokali tagħhom;

4) jipprovdi informazzjoni prattika u regolari lill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar miżuri tal-UE biex jindirizzaw il-kriżi;

5) jiffaċilita kontroll tar-realtà fil-prattika tal-miżuri tal-UE biex tiġi miġġielda l-pandemija; jiġbor evidenza mill-Membri biex jittejbu l-politiki tal-UE abbażi tal-esperjenzi tal-livell lokali u reġjonali (kontroll tas-saħħa tal-politika).

Dawn l-azzjonijiet u miżuri se jkunu akkumpanjati minn azzjonijiet immirati ta’ komunikazzjoni biex jispjegaw x’qed tagħmel l-UE biex tgħin u tappoġġja l-komunitajiet lokali fil-ġlieda tagħhom kontra l-pandemija tal-Koronavajrus.

*Il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni:

Apostolos Tzitsikostas , President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Gvernatur tar-Reġjun Grieg tal-Maċedonja Ċentrali, Il-Greċja

Vasco Ilídio Alves Cordeiro , L-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u President tal-Gvern Reġjonali tal-Azores, il-Portugall

Olgierd Geblewicz, President tal-Grupp PPE fi ħdan il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u President tar-Reġjun ta’ Westpomerania

Christophe Rouillon, President tal-Grupp PSE fi ħdan il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Sindku ta' Coulaines, Franza

François Decoster , President tal-Grupp Renew Europe fi ħdan il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Sindku ta’ St Omer, Franza

Władysław Ortyl , President tal-Grupp KRE fi ħdan il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u President tar-Reġjun ta’ Podkarpackie , il-Polonja

Kieran McCarthy , President tal-Grupp AE fi ħdan il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Membru tal-Kunsill tal-Belt ta’ Cork, l-Irlanda

Satu Haapanen , Kopresident tal-Grupp tal-Ħodor fi ħdan il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u Kunsillier tal-Belt ta’ Oulu, il-Finlandja

Kelliem tal-President:

Michele Cercone

Tel. +32 (0)498 98 23 49

Michele.Cercone@cor.europa.eu

Ikkondividi :